L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Omelija tal-Papa Pawlu VI f'Manila

 

klikkja fuq ir-ritratt ...

 

 

 

 

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU 
TAL-Q.T. PAWLU VI
FL-ASJA ORJENTALI, OCEANIA U AWSTRALJA

QUDDIESA FIL - «QUEZON CIRCLE»

OMELIJA TAL-PAPA PAWLU VI

Filippini, Manila
Il-Ħadd 29 ta’ Novembre 1970

Jien, Pawlu, suċċessur ta' San Pietru, inkarigat mill-missjoni pastorali għall-Knisja kollha, qatt ma kont se niġi minn Ruma lejn dan il-pajjiż estremament imbiegħed, li kieku ma kontx konvint b'mod sod minn żewġ affarijiet fundamentali: l-ewwel Kristu; it-tieni, is-salvazzjoni tagħkom.

Ta' Kristu! Iva, jiena nħoss il-ħtieġa li għandi nħabbru, ma nistax inżommu sieket: "Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!" (1 Korintin 9:16). Għal dan jiena mibgħut minnu, minn Kristu nnifsu. Jiena appostlu, jiena xhud. Aktar ma fejn immur ikun imbiegħed, aktar ma tkun diffiċli l-missjoni tiegħi, aktar ma tkun urġenti: l-imħabba li ġġegħelna nagħmlu dan (ara 2 Kor 5, 14). Għandi nistqarr ismu: Ġesù hu il-Kristu, Bin Alla l-ħaj (Matt 16, 16); Huwa jirrivela lil Alla inviżibbli, huwa l-ewwel wild ta' kull kreatura, huwa l-pedament ta' kollox; Huwa l-Imgħallem tal-umanità, huwa il-Feddej; Huwa twieled, miet, qam mill-mewt għalina; Huwa ċ-ċentru tal-istorja u tad-dinja; Huwa dak li jafna u jħobbna; Huwa s-sieħeb u l-ħabib  tal-ħajja tagħna; Huwa l-bniedem tan-niket  u tat-tama; hu Huwa Dak li għandu jiġi u li jum wieħed se jkun l-imħallef tagħna u, nittamaw, il-milja eterna tal-eżistenza tagħna, il-ferħ tagħna. Jiena nispiċċa biex ma nieqaf qatt nitkellem dwaru: Huwa l-dawl, il-verità, anzi: Huwa "it-triq, il-verità u l-ħajja" (jew 14, 6.); Huwa l-Ħobż, l-għajn tal-ilma ħaj għall-ġuħ tagħna u għall-għatx tagħna; Huwa r-Ragħaj, il-gwida tagħna, l-eżempju tagħna, il-konfort tagħna, ħuna. Bħalna, u iżjed minna, Hu kien żgħir, fqir, umiljat, ħaddiem, disgrazzjat u paċenzjuż. Għalina, huwa tkellem, wettaq mirakli, waqqaf saltna ġdida, fejn il-foqra huma mberkin, fejn il-paċi huwa l-bidu ta’ kif ngħixu flimkien, fejn is-safja fil-qalb u dawk li jibku huma mgħollija u msabbra, fejn dawk li jixxenqu għall-ġustizzja jieħdu dak li ħaqqhom, fejn il-midinbin jistgħu jiġu maħfua, fejn ilkoll huma aħwa.

 

Ġesù Kristu: smajtu bih; anzi intom, ċertament il-maġġoranza fostkom, intom diġà tiegħu, intom Insara. Sewwa, lilkom Insara nirrepeti l-isem tiegħu, inħabbru lil kulħadd: Ġesù Kristu huwa l-bidu u t-tmiem; l-alpha u l-omega; Huwa s-Sultan tad-dinja l-ġdida; Huwa s-sigriet tal-istorja; Huwa l-muftieħ tad-destin tagħna; Huwa l-medjatur, il-pont, bejn id-dinja u s-sema; Huwa bl-istess tifsira Bin l-bniedem, għaliex Hu l-Iben t'Alla, etern, infinit; huwa l-Iben ta' Marija, mbierka fost in-nisa kollha, ommu fil-ġisem, u ommna fil-parteċipazzjoni fl-Ispirtu tal-Ġisem mistiku.


Ġesù Kristu! Ftakru: din hija t-tħabbira perenni tagħna, hija l-vuċi li nxandru madwar id-dinja (ara Rumani 10,18), u għal dejjem ta’ dejjem (Rumani 9, 5). Ftakru u mmeditaw: il-Papa ġie hawn fostkom, u għajjat: Ġesù Kristu!

 

Ġesù Kristu! Ftakru: din hija t-tħabbira perenni tagħna, hija l-vuċi li nxandru madwar id-dinja (ara Rumani 10,18), u għal dejjem ta’ dejjem (Rumani 9, 5). Ftakru u mmeditaw: il-Papa ġie hawn fostkom, u għajjat: Ġesù Kristu!

 

U jien u nagħmel hekk nfisser ukoll it-tieni idea dinamika li twassalni għandkom; u jiġifieri li Ġesù Kristu mhux biss jiġi ċċelebrat għal dak li Hu minnu innifsu, iżda Huwa għandu jiġi mgħolli u maħbub għal dak li Huwa għalina, għal kull wieħed minna, għal kull Poplu u għal kull ċiviltà: Kristu huwa l-Feddej tagħna. Kristu huwa l-benefattur suprem tagħna. Kristu huwa l-ħellies tagħna. Kristu hu neċessarju għalina sabiex inkunu bnedmin  denji u vera fl-ordni temporali, u bnedmin meħlusa u mgħollija għall-ordni supernaturali.


Hawn iqumu ħafna mistoqsijiet, li qed joħonqu żminijietna, u li nimmaġina huma wkoll preżenti fl-ispirtu tagħkom. Il-mistoqsijiet huma: jista' Kristu jkun verament utli biex isolvi wkoll il-problemi prattiċi u konkreti tal-ħajja preżenti? Hu ma qalx li s-Saltna tiegħu mhix ta’ din id-dinja? X'jista' jagħmel għalina? Jiġifieri jista’ l-Kristjaneżmu jiġġenera umaniżmu veru? Jista’ l-kunċett Nisrani tal-ħajja jispira l-veru tiġdid soċjali? Jista' jikkonforma mad-domandi tal-ħajja moderna u jrawwem il-progress u l-benesseri għal kulħadd? Jista’ l-Kristjaneżmu jinterpreta l-aspirazzjonijiet tal-popli u jassumi t-tendenzi partikolari taċ-ċivilizzazzjoni tagħħkom?

 

Ħafna huma l-mistoqsijiet, li ma nistgħux nirrisponduhom b'formula waħda, li ma tqisx il-kumplessità tal-problemi tal-bżonnijiet diversi umani, spiritwali, morali, ekonomiċi, politiċi, etniċi, storiċi u soċjali. Imma, għal dak li issa qed jagħas biex inkunu nafu fid-dawl tal-evoluzzjoni pożittiva u feliċi tal-kundizzjonijiet soċjali tagħkom, wieħed jista' jwieġeb b'mod affermattiv: il-Kristjaneżmu jista' jkun wkoll salvazzjoni f'dan il-livell tal-bniedem fid-dinja. Kristu kattar il-ħobż biex itaffi wkoll il-ġuħ fil-ġisem tal-folol li marru wrajh. U Kristu jkompli jwettaq dan il-miraklu għal dawk li tassew jemmnu fih, u minnU joħorġu l-prinċipji ta' ordni soċjali dinamiku, jiġifieri fil-proċess ta' tiġdid dejjem għaddej u progress

 

Kristu, per eżempju – dan tafuh – jipproklama mingħajr qatt ma jieqaf l-akbar u l-ogħla preċett tiegħu tal-karità. M'hemm l-ebda taqlib soċjali aktar b'saħħtu u itjeb minn dan, kemm meta huwa pożittiv, biex iqanqal enerġiji morali li m’hawnx bħalhom u li ħadd ma jista’ jitfihom, kemmm meta huwa negattiv, biex jiddenunzja kull egoiżmu, kull tnikkir, kull nuqqas ta’ ħsieb b’dannu għall-bżonnijiet tal-oħrajn ". Kristu jipproklama l-ugwaljanza u l-fratellanza tal-bnedmin kollha: min qatt, jekk mhux Hu, għallem u għadu jista’ jgħallem b’mod effikaċi dawn il-prinċipji, li minnhom ir-rivoluzzjoni, filwaqt li qed tinqeda bihom, tiċħadhom; jekk mhux HU, ngħidu aħna, li żvela il-Paternità divina, ir-raġuni vera u ma jmeriha ħadd tal-fratellanza umana? U l-libertà awtentika u qaddisa tal-bniedem minn fejn ġejja jekk mhux mid-dinjità umana, li tagħha Kristu sar għalliem u taha raġuni? U min, jekk mhux Hu, għamel disponibbli il-ġid temporali, meta neħħielhom r-raġuni saiex ikunu skop u ddikjarhom mezzi, mezzi li għandhom, ftit jew wisq, ikunu biżżejjed għal kulħadd, u mezzi inferjuri għall-ġid tal-ispirtu? Min jekk mhux Kristu nissel fil-qalb ta’ dawk li huma tiegħu il-ġenju tal-imħabba u ta’ qadi għal kull tbatija u għal kull ħtieġa tal-bniedem? Min ta lix-xogħol il-liġi tiegħu tad-dritt u tad-dmir u tal-providenza, id-dinjità tiegħu li twasslu għall-kooperazzjoni u t-twettiq tal-pjan divin, il-ħelsien tiegħu minn kull forma inumana ta servitù, il-premju tiegħu ta’ ġustizzja u dak li jimmeritah ?

 

Ngħid lilkom, Studenti, li tistgħu tifhmu sew dawn l-ideat fundamentali u dawn il-valuri superjuri; lilkom, li meta qed tikkontestaw l-istrutturi tas-soċjetà li għandha l-ġid u s-soċjetà ddominata bit-teknika u l-ansjetà tal-produzzjoni u t-tgawdija, intom tħossu l-insuffiċjenza u l-qerq tal-materjaliżmu ekonomiku u soċjali tal-progress preżenti tagħna. Intom tistgħu mill-ġdid tistqarru b’saħħa s-superjorità, il-frott u  l-attwalità tal-vera soċjoloġija Nisranija, imsejsa fuq l-għarfien veru tal-bniedem u d-destin tiegħu.

 

Ngħid lilkom, ħaddiema, li llum sirtu konxji tad-drittijiet tagħkom u tas-saħħa tagħkom: oqogħdu attenti li ma tagħżlux, għar-riabilitazzjoni integrali tagħkom, formuli mhux kompleti jew mhux eżatti li,  fil-waqt li joffru kisbiet parzjali ta' ordni ekonomiku u edonistiku, ġejjin mill-ġlieda egoista u qarsa, imbagħad iżidu d-diżappunt għax tkunu mċaħħda mill-ġid superjuri tal-ispirtu, tal-personalità reliġjużi tagħkom, tat-tama tagħkom fil-ħajja li ma tmutx. Agħtu lill-aspirazzjonijiet tagħkom il-qawwa u l-għerf li l-Evanġelju tal-Ħaddiem divin biss jista' jagħtikom. Ngħid lilkom, Fqar, li għandkom Ħabib suprem, dak Kristu li sejħilkom henjin, bħala mistħoqqa pprivileġġjati tas-saltna tiegħu, u li ppersonifika fikom lilu nnifsu biex jiġbed lejkom kull persuna tajba, kull qalb kbira, kull bniedem li jrid isalva lilu nnifsu hu u  jfittex fikom lil Kristu l-Feddej. Iva, fittxu li teħilsu lilkom infuskom, għandkom id-dritt u d-dmir; araw li jkollkom l-għajnuna minn soċjetà li trid tissejjaħ lilha nnifisha ċivili; imma tisħtux xortikom, u lanqas lill-bnedmin insensittivi, agħrfu lilkom infuskom bħala għonja fil-valuri tal-paċenzja Nisranija u l-uġigħ feddej.

 

U fl-aħħarnet ngħid lilkom, sinjuri: ftakru kemm Kristu kien iebes magħkom, meta rakom sodisfatti, mingħajr ħeġġa, egoisti, u kemm imbagħad Hu kien sensittiv u grat, meta ltaqa' magħkom u sabkom tipprovdu u ġenerużi, u qal li lanqas tazza ilma frisk, mogħtija  b'ruħ Nisranija, m’hi ser tibqa' mingħajr premju. Forsi waslet is-siegħa tagħkom, biex tiftħu l-għajnejn u l-qlub tagħkom għal viżjonijiet ġodda u kbar, li l-għan tagħhom mhuwiex it-taqbida għall-akkwist, il-mibegħda u l-vjolenza, imma f'isem l-imħabba li tqanqal u ġeneruża, u ta' progress veru.

 

Dan kollu huwa parti mill-messaġġ tal-fidi Kattolika, għeżież Uliedi u Ħuti, li jiena obbligat u kuntent li nħabbar hawnhekk, f'isem Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna u l-Feddej tagħna.

                                      

Miġjub mit-Taljan g]all-Malti minn Louis Spiteri

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta