Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

Nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Jannar 2010, l-Eċċellenza Tiegħu, Dr George Abela żar is-Seminarju Maġġuri f’Tal-Virtù. Din l-istedina saret mir-Rettur u l-istaff tas-Seminarju bħala parti mir-riflessjoni fuq l-identità tal-qassis djoċesan. Dr George Abela kien mistieden jaqsam mas-seminaristi l-ħsibijiet tiegħu dwar kif jara l-preżenza tal-qassis fis-soċjetà Maltija illum. Is-seminarju jifhem li huwa permezz ta’ dan id-djalogu wiesgħa li jista’ jagħraf u japprezza aktar is-sejħa għas-saċerdozju fid-dinja tal-lum.

 

Is-saċerdot irid ikun bħal Kristu tal-Vanġelu.  U llum aktar minn qabel għax l-isfidi huma akbar. .. Aktar ma s-socjeta’ qed tiżvesti ruħha mill-umanita’, aktar is-saċerdot irid jidher li hu uman.

Kristu tal-Vanġelu għandu l-isbaħ kwalitajiet umani: il-kompassjoni, il-kommiżerazzjoni ma’ l-oħrajn u l-komprensjoni. 

Jeħtieġ li npoġġu fil-prattika s-seba’ opri tal-ħniena: itma’ lil min hu bil-ġuħ; isqi lil min hu bil-għatx; ilqa’ lill-frustier; libbes lil min hu għeri; żur lill-marid; żur lil min hu fil-ħabs; idfen lill-mejtin.

Is-saċerdot irid jimmilita fis-soċjeta’ sabiex din tifhem li l-valuri assoluti jibqgħu tali anki jekk xi liġijiet qishom juru bil-maqlub. 

Id-dinjita’ u ċ-ċentralita’ tal-persuna huma ċ-ċentru tat-tagħlim Nisrani.  F’dan il-kuntest, il-persuna umana tibda teżisti mill-bidu nett tal-konċepiment u tibqa’ teżisti sat-tmiem naturali tal-ħajja.  Dan hu importanti ħafna għax id-definizzjoni ġuridika ta’ persuna mhux dejjem taqbel ma’ dan. 

Kulħadd jaqbel li hi parti kruċjali mill-missjoni tal-qassis, u mhux tiegħu biss, li jiddefendi l-ħajja u l-persuna umana b’kull mezz leġittimu.

Il-qassis tal-lum naħseb li jrid ikun aktar konvinċenti fl-argumenti tiegħu li l-fidi u r-raġuni mhux bil-fors jeskludu lil xulxin.

 

Naħseb li wieħed mill-aspetti importanti tal-missjoni tal-qassis huwa li jimmira lejn il-ġustizzja soċjali u l-ġid komuni....  Ħafna Kattoliċi mhumiex informati biżżejjed fuq il-kontenut fundamentali tat-tagħlim soċjali tal-Knisja.

 

Waqt li kien qiegħed jirrispondi għal xi domandi, il-President Abela qal ma kienx qed jistenna numru daqshekk kbir ta’ Seminaristi (36).

Kompla jgħid li meta jara li hemm tant frott tajjeb li joħroġ mill-familji Maltin, allura żgur mhemmx bżonn li nesperimentaw b’forom oħra ta’ familja.

Ara r-rapport mis-sit tas-Seminarju ... ð

 

 

Ara wkoll id-diskors ta’ merħba tar-Rettur, Dun Jimmy Bonnici. ... ð

 

 

DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. GEORGE ABELA PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TAŻ-ŻJARA FIS- SEMINARJU TAL-ARĊISQOF, TAL-VIRTU’ RABAT.  L-ERBGĦA 13 TA’ JANNAR, 2010

 

Kif nifhmu l-missjoni tal-qassis fil-kuntest soċjo-kulturali ta’ Malta llum.

 

Reverendu Rettur,

Staff akkademiku,

Għeżież Seminaristi,

 

 

Nirringrazzjakom ta’ din l-istedina sabiħa.  Hu ta’ pjaċir kbir għalija li nkun fostkom, is-Seminaristi u Saċerdoti futuri għas-servizz tas-soċjeta’.  Jiena ġejt mistieden ngħid xi ħaġa dwar “Kif nifhmu l-missjoni tal-qassis fil-kuntest soċjo-kulturali ta’ Malta llum”.  Jiena ma ġejtx hawn biex ngħid jien x’inhuma l-kompiti tal-qassis – ċert lis-Seminarju kapaċi jagħmel dan aħjar minni.  Imma għandi xi ftit riflessjonijiet x’naqsam magħkom dwar kif nifhem il-missjoni saċerdotali.

 

L-ewwel ħaġa li ġiet f’moħħi meta qrajt it-tema ta’ dan l-intervent kienet li nistaqsi lili nnifsi kemm hemm differenzi sinifikanti, jekk hemm, bejn il-kuntest soċjo-kulturali Malti u dak tal-bqija tal-Ewropa.  Jiena aktarx tal-fehma, li fid-dinja tal-lum, jekk għad fadal xi differenzi, dawn id-differenzi m’ humiex kbar u m’ humiex se jibqgħu jeżistu għal żmien twil wisq.  Malta llum m’għadhiex iżolata bħal dari u l-ambjent soċjali u kulturali tal-kontinent tal-Ewropa mhux daqshekk differenti minn tagħna.  Dan jidher li joħroġ ċar ukoll mir-riflessjonijiet fid-dokument li ngħatajt intitolat “Qassis, agħraf lilek innifsek!” Il-mezzi istantanji tal-komunikazzjoni tal-massa, l-ivvjaġġar frekwenti, it-turiżmu f’pajjiżna, il-bidu ta’ multikulturaliżmu li qed jibda’ jinħass f’Malta wkoll, in-numru wisq akbar ta’ żgħażagħ li qed jirċievu edukazzjoni għolja, anki l-fatt li llum Malta hija membru fl-Unjoni Ewropea – dan kollu, fil-fehma tiegħi, huwa indikazzjoni ċara li Malta qegħda kull ma tmur issir aktar konformi mat-tendenzi Ewropej.  Jiena ċert illi s-seminaristi tagħna huma diġa’ konxji ta’ dan u huma ippreparati sabiex jaqdu l-missjoni fis-soċjeta’ li se jaħdmu fiha b’dan l-għarfien f’moħħhom.

 

Il-Papa Benedettu XVI inawgura s-sena tal-qassis fid-19 ta’ Ġunju li għadda bl-iskop li l-qassisin ikattru l-impenn tagħhom għal tiġdid intern li jnissel xhieda aktar inċiżiva tal-Vanġelu fid-dinja. Il-missjoni tal-qassis fil-kuntest soċjo-kulturali tal-lum mhix waħda faċli u s-saċerdot jaf li kultant se jiffaċċja inkomprensjoni u anki, f’xi każi, ostilita’.  Iżda hu jkompli bil-ħidma pastorali tiegħu u ġenerożament jiddedika ħajtu għal dawk li ġie mgħajjat biex jaqdi.

 

Jiena ma naħsibx li nista’ nispjega x’inhi l-missjoni tas-saċerdot aħjar milli poġġieha l-Papa Bendettu XVI innifsu meta f’messaġġ lill-parteċipanti f’irtir li sar f’Ars, fi Franza, f’Settembru li għadda qalilhom: (nittraduċi) –

 

“Il-qassis ma jeżistix għalih innifsu, jeżisti għal kulħadd. Din hija preċiżament waħda mill-akbar sfidi ta’ żminijietna.  Tassew, illum aktar minn qatt qabel, il-qassis, bniedem tal-kelma divina u ta’ dak li hu sagru, irid ikun bniedem tal-ferħ u tat-tama.  Lin- nies li m’għadhomx jifhmu li Alla hu mħabba safja, il-qassis jibqa’ dejjem itenni li l-ħajja hi ta’ min igħixha u li Kristu jagħtiha tifsira sħiħa għax iħobb lill-bnedmin u jħobbhom kollha.” 

 

Waqt udjenza ġenerali fil-5 ta’ Awissu li għadda, il-Papa ġab bħala eżempju ta’ dak li ried ifisser, il-Kurat ta’ Ars, San Ġwann Battista Maria Vianney, li għalkemm għex f’kuntest soċjo-kulturali differenti minn dak tal-lum, għadu xorta waħda eżempju tajjeb ta’ kif is-saċerdot jista’ jqanqal il-qlub tal-bnedmin billi jurihom kif hu stess kien jgħix ħajja ta’ tifsira profonda permezz tal-ħbiberija tiegħu ma’ Kristu.

 

Nistaqsi: “Is-soċjeta’ kif tħares lejn il-missjoni tal-qassis u x’tistenna minnu?”  Domanda kumplessa.  Probabbli kollox jista’ jidħol fil-“job description”: bniedem t’Alla, konfessur, konfidant, altruwista, organizzatur, social worker, missjunarju, psikologu, psiko-terapewta, oratur, filantropu, edukatur u, skond x’wħud, għandu jkun ukoll konjugi u ġenitur.  Naħseb li l-vera risposta hi sempliċi: is-saċerdot irid ikun bħal Kristu tal-Vanġelu.  U llum aktar minn qabel għax l-isfidi huma akbar.

 

Kristu tal-Vanġelu għandu l-isbaħ kwalitajiet umani: il-kompassjoni, il-kommiżerazzjoni ma’ l-oħrajn u l-komprensjoni.  Qalilna li trid tħobb lil għajrek bħalek innifsek.  Naħseb li xi drabi ma jridx jimxi bil-moħħ biss imma bil-qalb ukoll.  L-istorja tan-nagħġa l-mitlufa naħseb li hija sintomatika ta’ dan.  Ir-ragħaj ma mexiex b’moħħu għax kieku ma kienx jissogra d-disa’ u disgħin li, milli jidher, ħalla waħedhom biex imur ifittex lil waħda mitlufa.  Imma mexa b’qalbu u mar isib nagħġa waħda għax kienet fil-periklu. 

 

Fil-fehma tiegħi, il-missjoni saċerdotali llum hija aktar diffiċli minn qabel.  Diġa’ ilna għal xi żmien ngħixu f’dinja globalizzata u urbanizzata.  Hawn min jaħseb li wasalna f’Ġerusalem il-Ġdida.  Imma, kif tant tajjeb osserva l-Papa Benedittu XVI fl-Enċiklika Caritas in Veritate, “as society becomes even more globalized, it makes us neighbours but does not make us brothers”.  Naħseb li progress sar imma, fil-fehma umli tiegħi, dan hu “progress ambigwu”.  Għaliex, kif tista’ tispjega kif, pereżempju, tifel imwieled fil-Hawaii minn missier Kenjan irnexxielu jilħaq il-ħolma tiegħu u jsir President tal-unika super-potenza fid-dinja, filwaqt li tifel bħalu imwieled fil-Palestina jemmen fil-ħolma tiegħu li jsir martri billi jkun “suicide bomber”?  Allura nistaqsi: “X’jonqos li jsir biex minn soċjeta’ ta’ ġirien insiru soċjeta’ fraternal?”  U hawn fejn tidħol il-missjoni tagħna ilkoll, b’mod partikolari tal-qassis, li nevanġelizzaw, li nuru bi kliemna u mġibitna, l-effikaċja tal-Vanġelu fiż-żminijiet tal-lum, li nkunu “xhieda aktar inċiżiva tal-Vanġelu fid-dinja”.

 

Jeħtieġ li npoġġu fil-prattika s-seba’ opri tal-ħniena: itma’ lil min hu bil-ġuħ; isqi lil min hu bil-għatx; ilqa’ lill-frustier; libbes lil min hu għeri; żur lill-marid; żur lil min hu fil-ħabs; idfen lill-mejtin.

 

F’dinja fejn kollox għandu prezz, il-missjoni tal-qassis hija imprezzabbli.  F’dinja sekolarizzata, relattivista u xettika fejn dak li darba kien sagrosant mhux dejjem għadu jitqies bħala tali minn kulħadd, il-qassis mistenni jogħla ‘l fuq minn atteġġjament bħal dan filwaqt li fl-istess ħin jidħol f’sintonija mas-soċjeta’ biex ikun jista’ jaqdi l-missjoni tiegħu fiha.  Naħseb li waħda mill-akbar sfidi li għandu l-qassis illum hija l-konfrontazzjoni tal-fidi mas-sekulariżmu u r-relattiviżmu.  Qatt daqs illum ma kien hemm affront lill-fidi daqshekk qawwi bħal ma qed naraw fi żmienna.  Is-sekulariżmu llum sar tassew istituzzjonalizzat f’ħafna pajjiżi tal-punent.  Mhux kwistjoni ta’ separazzjoni bejn Stat u Knisja – dan ilu jeżisti mhux ħażin fil-prinċipju u huwa aċċettat minn kulħadd fid-dinja tal-punent.  Is-sekulariżmu llum huwa fattur imwieżen mill-qrati, dawk Amerikani u Ewropej, b’mod rigoruż u kultant anki kwazi fanatiku.  Is-sentenza tal-Qorti ta’ Strasburgu dwar il-Kurċifiss (li għadha ma saritx res judicata) hija biss manifestazzjoni waħda ta’ dan u jista’ jkun hemm oħrajn simili fil-futur.  Il-prinċipji umani li jeżistu anki barra mir-reliġjon imma huma wisq iżjed imsaħħa mit-tagħlim Nisrani – bħall-valur inestimabbli tal-ħajja umana mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha – ukoll m’għadhomx meqjusa ċertezzi assoluti kif kienu darba.  Għal xi wħud, kollox sar relattiv, jinbidel skond iċ-ċirkostanzi, skond il-persuni u skond is-soċjeta’ partikolari.  Dan hu r-riżultat tas-sostituzzjoni ta’ dak li darba kien sagru bis-sekulariżmu kif inhu mifhum illum mhux biss mill-istati imma anki mill-individwi.

 

Is-saċerdot irid jimmilita fis-soċjeta’ sabiex din tifhem li l-valuri assoluti jibqgħu tali anki jekk xi liġijiet qishom juru bil-maqlub.  Fl-Istati Uniti, il-Qorti Suprema iddekretat li l-abort huwa dritt, dritt tal-għażla li żgur mhux eżerċitat mill-fetu, imma n-Nisrani jemmen li l-ħajja jixirqilha kull rispett u protezzjoni sa mill-konċepiment.  Dan hu veru każ fejn tapplika l-massima non omne quod licet honestum est.

 

Id-dinjita’ u ċ-ċentralita’ tal-persuna huma ċ-ċentru tat-tagħlim Nisrani.  F’dan il-kuntest, il-persuna umana tibda teżisti mill-bidu nett tal-konċepiment u tibqa’ teżisti sat-tmiem naturali tal-ħajja.  Dan hu importanti ħafna għax id-definizzjoni ġuridika ta’ persuna mhux dejjem taqbel ma’ dan.  F’ċerti sistemi ġuridiċi barranin, il-persuna tibda tiġi rikonoxxuta minn meta titwieled u għalhekk huwa minn dan il-punt li ssir suġġett tad-drittijiet. Iżda għalina t-tarbija li għadha fetu għandha drittijiet u dawn għandhom jiġu mħarsa.

 

Saħansitra fil-vokabolarju popolari u ġurnalistiku, kultant jintuża kliem li jbaxxi d-dinjita’ tal-persuna.  Pereżempju, persuni li jaqgħu f’koma u jkollhom ħafna mill-fakultajiet bioloġiċi jiddependu fuq il-magni, kultant jissejħu “vegetable”.  Din il-mentalita’ tista’ tiġi użata sabiex tattenwa l-orrur tal-ewtanasija.  Fil-fehma tiegħi, vokabolarju bħal dan inaqqas id-dinjita’ tal-persuna – il-persuna qatt ma ssir ħaxixa anki meta tiddependi għall-ħajja fuq mezzi artifiċjali u meta l-moħħ jieqaf jiffunzjona.  Kulħadd jaqbel li hi parti kruċjali mill-missjoni tal-qassis, u mhux tiegħu biss, li jiddefendi l-ħajja u l-persuna umana b’kull mezz leġittimu.

 

F’Malta, l-Istat ma jipprattikax verżjoni stretta ta’ sekulariżmu iżda jipprattika sekulariżmu korrett bażat fuq liberta’ reliġjuża, sussidjarjeta’ u solidarjeta’ kemm fuq livell nazzjonali u kemm fuq livell internazzjonali.  Hemm min jemmen f’relattiviżmu, kif kien iddeskriva l-Papa attwali fl-omelija tal-quddiesa dwar l-elezzjoni tal-Papa ġdid fit-18 ta’ April 2005, meta dak in-nhar kien għadu fil-kulleġġ tal-Kardinali, “which does not recognize anything as definitive and whose ultimate goal consists solely of one’s own ego and desires”.

 

F’sitwazzjoni bħal din, ix-xogħol tal-qassis isir diffikultuż u wieħed jistaqsi:  “b’liema mod il-qassis jista’ jeżerċita l-missjoni pastorali tiegħu f’sitwazzjonijiet bħal dawn?”.

 

Il-prattika tradizzjonali tar-reliġjon mill-poplu jidher li statistikament naqset u forsi għadha qed tonqos.  Numru ta’ żgħażagħ huma xettiċi u aktar imxaqilbin lejn attitudni razzjonalista, speċjalment dawk li ħadu edukazzjoni għolja, bħallikieku r-raġuni u x-xjenza jinsabu f’taqbida mall-fidi.  Il-qassis tal-lum naħseb li jrid ikun aktar konvinċenti fl-argumenti tiegħu li l-fidi u r-raġuni mhux bil-fors jeskludu lil xulxin.  Ix-xjenza fondata biss fuq ir-raġuni u l-metodu xjentifiku hija valur imma hemm ukoll is-sapjenza li wkoll hija verita’ mibnija mhux fuq ir-raġuni biss imma wkoll fuq ir-rivelazzjoni. Din mhix xi tezi ġdida u jidher li tista’ tiġi estrapolata mill-ewwel ittra ta’ San Pawl lill-Korintin (12,8) imma xorta waħda għandha bżonn tiġi ripetuta u spjegata fiż-żmien tal-lum.

 

Illum tirrenja kultura tal-gratifikazzjoni istantanja nutrita mill-konsumizmu.  Il-kunċett ta’ liberta’ hu spiss interpretat ħażin.  Il-liberta’ mhux valur assolut imma huwa vinkolat ma’ dak tad-drittijiet umani tal-ieħor, ma’ teżistix ġo vakum imma trid tiġi meqjusa f’kuntest tar-relazzjonijiet interpersonali fis-soċjeta’.  Naħseb li l-qassis għandu missjoni li jinterpreta l-liberta’ b’dan il-mod meta jiġi rinfaċċjat b’mistoqsijiet dwar il-liberta’ u l-ħajja reliġjuża u morali tal-fidili.

Illum il-qassis irid jiffaċċa sitwazzjonijiet li qabel ma kienx jiltaqa’ magħhom daqshekk spiss.  Per eżempju, jirriżulta minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li fl-2003 n-numru ta’ households b’ġenitur wieħed li għandhom wild jew aktar, kienu jammontaw għal 1720 jew 1.3% tal-households kollha.  Dan tela’ għal 3650, jew 2.6% tal-households kollha fl-2007.  Skont l-NSO, fl-2007, 3% ta’ dawk li kellhom 16-il sena u li kienu jagħmlu parti minn dawn il-households, kienu ma’ ġenituri separati jew divorzjati.  Fl-2008, twieldu 4126 tarbija.  Minnhom 1048 twieldu barra ż-żwieg u 351 minn dawn ġew dikjarati tfal b’missier mhux magħruf.

Insemmi bħala eżempju l-każ ta’ Nsara li jixtiequ jkomplu jipprattikaw ir-religjon imma s-sitwazzjoni personali tagħhom hija irregolari f’għajnejn il-Knisja.  Illum għandna bosta koppji f’relazzjonijiet extra-konjugali stabbli u xi wħud minnhom jixtiequ jkomplu jirċievu s-sagramenti.  Kif se jiffaċċja sitwazzjonijiet bħal dawn is-saċerdot? 

Il-qassis se jiffaċċja aktar u aktar sitwazzjonijiet ta’ natura bio-etika fil-futur.  Għall-grazzja t’Alla, ma jidhirx li kellna każijiet ta’ ewtanasija f’Malta imma diġa’ għandna numru kbir ta’, per ezempju, prokreazzjoni assistita.  Koppji li jsibu diffikulta’ li jkollhom tfal b’mod ordinarju qed jirrikorru għal dan it-tip ta’ għajnuna xjentifika.  Mhux ħaġa faċli tlum lil dawn il-koppji li jagħmlu użu minn mezzi xjentifici sabiex ikollhom it-tfal.  Kif se jittratta ma’ dawn il-koppji s-saċerdot tal-lum f’Malta?

Naħseb li wieħed mill-aspetti importanti tal-missjoni tal-qassis huwa li jimmira lejn il-ġustizzja soċjali u l-ġid komuni.  Żgur li s-saċerdot u kull Kattoliku jista’ jużufruwixxi minn rikkezza abbundanti ta’ tagħlim tal-Knisja dwar dan is-suġġett partikolarment għal dokumenti u enċikliki bħal: Rerum Novarum, Quadragesimo Anno, Mater et Magistra, Pacem in Terris, Gaudium et Spes, Populorum Progressio,  Justicia in Mundo, Laborem Exercens, u oħrajn.  Ħafna Kattoliċi mhumiex informati biżżejjed fuq il-kontenut fundamentali tat-tagħlim soċjali tal-Knisja u li dan huwa parti essenzjali mill-fidi Kattolika u huwa bbażat fuq il-Vanġelu.  Dan it-tagħlim igħin lill-qassis fit-tixrid u r-realizzazzjoni tal-missjoni soċjali tal-Knisja u jista’ jgħin sabiex isaħħaħ il-fidi fost l-Insara.

 

L-enċikliki tal-Papa Benedettu XVI Deus Caritas Est u l-aħħar waħda Caritas in Veritate, hemm fihom “il-karita’/l-imħabba” fil-qalba tat-tagħlim soċjali tal-Knisja u li din trid tkun marbuta mal-verita’.  Dwar il-ġustizzja u l-ġid komuni, din l-enċiklika tgħid “Il-Knisja m’għandhiex soluzzjonijiet tekniċi x’toffri” iżda għandha “a mission of truth to accomplish for a society that is attuned to man, to his dignity, to his vocation…”

 

Naħseb li l-poplu japprezza l-missjoni soċjali tal-Knisja li, għall-grazzja t’Alla, għandha tradizzjoni antika f’Malta u fid-dinja.  Inħoss li fost is-saċerdoti l-aktar ammirati fis-soċjeta’ nsibu lil dawk li jaħdmu sabiex jaġevolaw il-problemi soċjali. Hawnhekk in-nies tara l-Kristu ħaj li ma jikkundannax imma jifhem u jagħmel dak kollu li jista’ sabiex itaffi t-tbatija tal-individwi u l-familji Maltin.  Insibu saċerdoti li fetħu jew qed imexxu djar għal nies b’diżabilita’ jew għal tfal orfni u jirnexxilhom iżommuhom għaddejjin bi sforzi enormi u jegħlbu diffikultajiet finanzjarji ta’ kuljum.  Insibu saċerdoti li saħansitra fetħu darhom stess għal min m’għandux saqaf fuq rasu.  Naħseb li dawn huma l-eżempji, u hemm oħrajn bhalhom, li jfehmu lin-nies min hu u x’inhu verament Kristu.  Naħseb li dawn l-eżempji jitkellmu wisq aktar elokwentement minn volumi sħaħ ta’ duttrina għax imissu mhux biss il-moħħ imma aktar u aktar il-qalb, is-sentiment uman.  Il-kelma tiġbed imma l-eżempju jkaxkar.  Bosta qassisin kienu pijunieri ta’ servizzi socjali sa minn qabel dawn bdew jigu provduti mill-Istat.

 

Aktar ma s-socjeta’ qed tiżvesti ruħha mill-umanita’, aktar is-saċerdot irid jidher li hu uman.  L-umanita’ hija ċentrali għall-Kristjaneżmu, Alla mhux biss ħoloq il-bniedem fix-xbieha tiegħu imma sar bniedem bħalu – imma hu biss kien bniedem perfett, il-bqija tal-umanita mhix perfetta u Kristu kien jafu tajjeb dan.  Is-soċjeta’ naħseb li għandha għatx għall-umanita’ f’kuntest fejn l-uman qed jingħata l-ġenb.

 

Is-saċerdot huwa bniedem u jibqa’ suġġett għad-debbolizzi umani imma l-awtorita’ morali tiegħu tiddependi fuq l-eżempju li jagħti permezz ta’ ħajja li togħla ‘l fuq mid-dgħjufija umana.  F’Malta, żgur li l-maġġoranza kbira tas-saċerdoti dejjem kienu ta’ eżempju sabiħ u ta’ servizz utli lill-komunita’ Nisranija.  Dan naħseb li hu vitali għall-missjoni saċerdotali meta fl-aħbarijiet ġie li nstemgħu każijiet pjuttost rari barra minn Malta fejn xi saċerdoti setgħu żbaljaw.  Naħseb li s-soċjeta’ tistenna li l-elementi tal-qdusija u r-rettitudni jkunu fondamentali fil-qassis u li dawk li jemmnu jaraw fih lil Kristu jgħammar fostna.  Il-qassis għandu l-missjoni li jgħin lill-individwu jiżviluppa l-personalita’ tiegħu u dan jista’ jagħmlu permezz tat-tagħlim Nisrani u tal-eżempju li jagħti b’ħajtu stess.  Il-vokazzjoni tas-saċerdot hija waħda divina u s-soċjeta’ tħares lejn il-qassis bħala l-bniedem t’Alla li jgħix fid-dinja, lest anki għas-sagrifiċċju, imma bil-għan aħħari ta’ xi ħaġa wisq ogħla u permanenti u ta’ valur akbar minn dak li tista’ qatt toffri d-dinja temporali.

 

Nirringrazzjakom.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta