L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Placuit Deo - fuq xi aspetti tas-salvazzjoni fit-tagħlim Nisrani

 

 

 

KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI

 Ittra Placuit Deo

lill-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika

fuq xi aspetti tas-salvazzjoni fit-tagħlim Nisrani

 

KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI

 

Ittra Placuit Deo

lill-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika

fuq xi aspetti tas-salvazzjoni fit-tagħlim Nisrani

 

I. Introduzzjoni

1. “Fit-tjieba u l-għerf tiegħu Alla għoġbu jirrivela lilu nnifsu u jgħarraf il-misteru tar-rieda tiegħu (ara Efes 1:9) li bih il-bnedmin, permezz ta’ Kristu, il-Verb magħmul bniedem, fl-Ispirtu s-Santu jistgħu jersqu lejn il-Missier u jkollhom sehem min-natura ta’ Alla (ara Efes 2:18; 2 Pt 1:4). […] Il-verità profonda […] fuq Alla u s-salvazzjoni tal-bnedmin, b’din ir-rivelazzjoni tidher lilna ċara fi Kristu li huwa fl-istess waqt il-medjatur u l-milja tar-rivelazzjoni kollha kemm hi”.[1] It-tagħlim fuq is-salvazzjoni fi Kristu hemm bżonn li dejjem ninżlu mill-ġdid fil-fond tiegħu. Waqt li żżomm ħarsitha msammra fuq il-Mulej Ġesù, il-Knisja ddur bi mħabba ta’ omm fuq il-bnedmin kollha, biex tħabbrilhom il-pjan sħiħ tal-Patt tal-Missier li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, irid “jiġbor kollox taħt Ras waħda, li hu Kristu” (Efes 1:10). Din l-Ittra trid turi biċ-ċar, fid-dawl tat-tradizzjoni kbira tal-fidi u b’riferiment partikulari għat-tagħlim tal-Papa Franġisku, xi aspetti tat-tagħlim Nisrani fuq is-salvazzjoni li llum jistgħu jkunu tqal biex jinftehmu minħabba fil-bidliet kulturali li seħħu dan l-aħħar.

 

II. L-influwenza tal-bidliet kulturali ta’ żmienna fuq it-tifsira Nisranija tas-salvazzjoni

2. Id-dinja tal-lum issibha bi tqila tifhem l-istqarrija tal-fidi Nisranija, li xxandar lil Ġesù l-feddej waħdieni tal-bniedem sħiħ u tal-bnedmin kollha (ara Atti 4:12; Rum 3:23-24; 1 Tim 2:4-5; Tit 2:11-15).[2] Minn naħa, l-individwaliżmu li jiffoka fuq is-suġġett awtonomu jipprova jħares lejn il-bniedem bħala essri li r-realizzazzjoni tiegħu tiddipendi għalkollox mill-qawwa tiegħu.[3] F’din il-viżjoni, il-figura ta’ Kristu iżjed tikkorrispondi għal mudell li jnebbaħ għemejjel ġenerużi, bil-kliem u bil-ġesti tiegħu, milli għal Dak li jibdel il-qagħda umana, u jdaħħalna f’ħajja ġdida rrikonċiljata mal-Missier u bejnietna permezz tal-Ispirtu (ara 2 Kor 5:19; Efes 2:18). Min-naħa l-oħra, qed tinfirex dejjem iżjed l-idea ta’ salvazzjoni interjuri biss, li forsi tqanqal fina konvinzjoni personali qawwija, jew sentiment b’saħħtu, li aħna mxierka ma’ Alla, imma mingħajr ma tassumi, tfejjaq u ġġedded ir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u mad-dinja maħluqa. B’din il-perspettiva jsir diffiċli nifhmu u nilqgħu s-sens tal-Inkarnazzjoni tal-Verb, li għalhekk sar membru tal-familja tal-bnedmin, ħa l-ġisem tagħna u daħal fl-istorja tagħna, għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna.

 

3. Il-Qdusija Tiegħu Franġisku, fil-maġisteru ordinarju tiegħu, spiss irrifera għal żewġ tendenzi li jirrappreżentaw iż-żewġ devjazzjonijiet li għadna kemm semmejna u li f’xi aspetti tagħhom jixbhu żewġ ereżiji antiki, il-Pelaġjaniżmu u l-Injostiċiżmu.[4] Fi żminijietna qed jinfirex Neopelaġjaniżmu fejn l-individwu, awtonomu għalkollox, jippretendi li jista’ jsalva lilu nnifsu, bla ma jagħraf li hu jiddipendi, fil-qiegħ nett ta’ dak li hu, minn Alla u mill-oħrajn. Hawn is-salvazzjoni titħalla f’idejn il-qawwa tal-persuna waħidha, jew inkella tal-istrutturi purament umani, li m’għandhomx ħila jilqgħu l-element ġdid tal-Ispirtu ta’ Alla.[5] Min-naħa l-oħra, ċertu Neonjostiċiżmu qed jippreżenta salvazzjoni sempliċiment interjuri, magħluqa fis-suġġetiviżmu.[6] Din tikkonsisti f’li wieħed “jogħla bl-intellett lil hinn mill-ġisem ta’ Ġesù lejn il-misteri tad-divinità mhux magħrufa”.[7] Hekk wieħed jippretendi li jista’ jeħles il-persuna mill-ġisem u mill-kożmu materjali, fejn ma jibqax isib iżjed ħjiel tal-id providenti tal-Ħallieq, imma jara biss realtà sajma minn kull sens, barranija għall-identità aħħarija tal-persuna, u li tista’ tiġi mmanipulata skont l-interessi tal-bniedem.[8] Mill-bqija, nagħmluha ċara li dan it-tqabbil mal-ereżiji Pelaġjana u Njostika jrid biss jevoka aspetti ġenerali komuni, mingħajr ma jidħol f’ġudizzji fuq in-natura eżatta ta’ dawk l-iżbalji tal-qedem. Fil-fatt, kbira hi d-differenza bejn il-kuntest storiku tal-lum hekk sekularizzat u dak tal-ewwel sekli Nsara, meta twieldu dawn l-ereżiji.[9] Madankollu, ladarba l-Injostiċiżmu u l-Pelaġjaniżmu jirrappreżentaw perikli dejjiema li minħabba fihom wieħed jista’ jifhem ħażin il-fidi biblika, hu possibbli nsibu ċerta familjarità mal-movimenti ta’ żmienna li għadna kemm fissirna.

 

4. Kemm l-individwaliżmu Neopelaġjan u kemm id-disprezz Neonjostiku tal-ġisem jgħawġu l-istqarrija tal-fidi fi Kristu, Feddej waħdieni u universali. Kif jista’ Kristu jkun medjatur tal-Patt għall-familja kollha tal-bnedmin, jekk il-bniedem hu individwu iżolat, li jirrealizza lilu nnifsu bil-qawwa tiegħu waħdu, kif irid jipproponi n-Neopelaġjaniżmu? U kif tista’ taslilna s-salvazzjoni permezz tal-Inkarnazzjoni ta’ Ġesù, ta’ ħajtu, il-mewt u l-qawmien tiegħu bil-ġisem veru tiegħu, jekk dak li jiswa hu biss kif se neħilsu l-interjorità tal-bniedem mil-limitazzjonijiet tal-ġisem u tal-materja, skont il-viżjoni Neonjostika? Quddiem dawn it-tendenzi, din l-Ittra trid tisħaq mill-ġdid li s-salvazzjoni hi x-xirka tagħna ma’ Kristu, li, bl-Inkarnazzjoni, il-ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu, ġab ordni ġdid ta’ relazzjonijiet mal-Missier u bejn il-bnedmin, u daħħalna f’dan l-ordni bis-saħħa tal-Ispirtu tiegħu, biex nistgħu nixxierku mal-Missier bħala wlied fl-Iben, u nsiru ġisem wieħed fil-kbir fost ħafna aħwa” (Rum 8:29).

 

III. Ix-xewqa tal-bniedem li jsalva

5. Il-bniedem iħoss, direttament jew indirettament, li huwa enigma: Min jiena jien li neżisti, imma m’għandix fija l-bidu tal-eżistenza tiegħi? Kull persuna, bil-mod tagħha, tfittex il-hena, u tipprova tasal għalih billi tirrikorri għar-riżorsi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Madankollu, din ix-xewqa universali mhux bilfors hi espressa jew iddikjarata; anzi, hi iżjed sigrieta u moħbija minn kemm tidher, u hi lesta li tinkixef quddiem emerġenzi partikulari. Spiss din taħbat mat-tama fis-saħħa fiżika, xi drabi tieħu x-xejra ta’ ansjetà għal ġid ekonomiku ikbar, ħafna drabi tesprimi ruħha fil-bżonn għall-paċi interjuri jew għal ħajja serena f’armonija mal-proxxmu. Min-naħa l-oħra, waqt li x-xewqa għas-salvazzjoni tippreżenta ruħha bħala impenn għal ġid ogħla, hi żżomm ukoll il-karattru ta’ reżistenza u ta’ min irid jegħleb it-tbatija. Mat-taqbida għall-kisba ta’ dak li hu tajjeb tingħaqad ukoll it-taqbida għall-ħarsien mid-deni: mill-injoranza u mill-iżball, mill-fraġilità u mid-dgħufija, mill-mard u mill-mewt.

 

6. Dwar dawn ix-xewqat il-fidi fi Kristu tgħallimna, hija u tiċħad kull pretensjoni ta’ awtorealizzazzjoni, li dawn jistgħu jitwettqu biss b’mod sħiħ jekk Alla nnifsu jagħmilhom possibbli, billi jiġbidna lejh. Is-salvazzjoni sħiħa tal-persuna ma tikkonsistix fil-ħwejjeġ li l-bniedem jista’ jikseb bis-saħħa tiegħu waħdu, bħall-pussess jew il-ġid materjali, ix-xjenza jew it-teknoloġija, il-poter jew l-influwenza fuq l-oħrajn, il-fama tajba jew il-pjaċir tiegħu nnifsu.[10] Xejn mill-ħolqien ma jista’ jissodisfa għalkollox lill-bniedem, għax Alla ddestinana għall-komunjoni miegħu u l-qalb tagħna ma ssibx serħan sakemm ma tistrieħx fih.[11] “Is-sejħa aħħarija tal-bniedem fil-fatt hija waħda biss, jiġifieri dik ta’ Alla”.[12] Ir-rivelazzjoni, b’dan il-mod, ma tillimitax ruħha li xxandar is-salvazzjoni bħala tweġiba għax-xewqat ta’ żmienna. “Li kieku l-fidwa, għall-kuntrarju, kellha tiġi ġġudikata jew imkejla skont il-ħtiġijiet eżistenzjali tal-bnedmin, kif inkunu nistgħu naħarbu s-suspett li sempliċiment ħloqna Alla Feddej magħmul fuq ix-xbieha tal-bżonn tagħna?”.[13]

 

7. Fuq kollox, irridu nisħqu li, skont il-fidi biblika, l-oriġni tal-ħażen ma nsibuhx fid-dinja materjali jew korporja, li nħossuha bħala limitazzjoni jew bħala ħabs li minnu rridu niġu meħlusa. Bil-maqlub, il-fidi xxandar li l-kożmu kollu hu tajjeb, ladarba hu maħluq minn Alla (ara Ġen 1:31; Għerf 1:13-14; 1 Tim 4:4), u li l-ħażen li jagħmel l-akbar ħsara lill-bniedem hu dak li joħroġ minn ġol-qalb tiegħu (ara Mt 15:18-19; Ġen 3:1-19). Bid-dnub, il-bniedem iwarrab l-għajn tal-imħabba, u jintilef f’xejriet foloz ta’ mħabba, li jagħlquh dejjem iżjed fih innifsu. Hi din il-firda minn Alla – minn Dak li hu l-għajn tal-komunjoni u tal-ħajja – li twassal għat-telfien tal-armonija bejn il-bnedmin u tal-bnedmin mad-dinja, għax iddaħħal il-ħakma tal-qerda u tal-mewt (ara Rum 5:12). B’konsegwenza ta’ dan, is-salvazzjoni li l-fidi xxandrilna ma tmissx biss l-interjorità tagħna, imma dak li aħna b’mod sħiħ. Fil-fatt hi l-persuna kollha, ġisem u ruħ, li ġiet maħluqa mill-imħabba ta’ Alla fuq is-sura u x-xbieha tiegħu, u hi msejħa tgħix f’komunjoni miegħu.

 

IV. Kristu, Salvatur u Salvazzjoni

8. Fl-ebda mument tal-mixja tal-bniedem Alla ma waqaf joffri s-salvazzjoni tiegħu lil ulied Adam (ara Ġen 3:15), u waqqaf patt mal-bnedmin kollha f’Noè (ara Ġen 9:9) u, iżjed tard, ma’ Abraham u nislu (ara Ġen 15:18). Hekk is-salvazzjoni divina tassumi l-ordni tal-ħolqien imħaddan mill-bnedmin kollha u timxi fit-triq konkreta tagħhom fl-istorja. Alla għażel poplu, li lilu offra l-mezzi biex jitqabad kontra d-dnub u biex joqrob lejh, u hekk ħejjieh għall-miġja ta’ “qawwa ta’ salvazzjoni f’dar David qaddej tiegħu” (Lq 1:69). Fil-milja taż-żminijiet, il-Missier bagħat fid-dinja lil Ibnu, li xandar is-saltna ta’ Alla, u fejjaq minn kull xorta ta’ mard (ara Mt 4:23). Il-fejqan li għamel Ġesù, fejn dehret il-providenza ta’ Alla, kien sinjal li jiġbed lejn il-persuna tiegħu, lejn Dak li fil-ġrajja tal-Qawmien tiegħu deher b’mod sħiħ bħala Sid il-ħajja u l-mewt. Skont il-Vanġelu, is-salvazzjoni għall-popli kollha tibda meta nilqgħu għandna lil Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni” (Lq 19:9). L-aħbar it-tajba tas-salvazzjoni għandha isem u wiċċ: Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla l-Feddej. “Bħala bidu għall-eżistenza Nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva”.[14]

 

9. Il-fidi Nisranija, fit-tradizzjoni tagħha matul is-sekli, uriet, permezz ta’ għadd ta’ figuri, din l-opra feddejja tal-Iben inkarnat. Dan għamlitu mingħajr qatt firdet l-aspett ta’ fejqan fis-salvazzjoni, li bih Kristu jifdina mid-dnub, mill-aspett l-ieħor li hi tgħolli ’l fuq, li bih hi tagħmilna wlied Alla, b’sehem fin-natura divina tiegħu (ara 2 Piet 1:4). Huwa u jqis il-perspettiva salvifika f’sens dixxendenti (tibda minn Alla li jiġi biex jifdi lill-bnedmin), Ġesù jdawwalna u jirrivelalna, jifdina u jeħlisna, huwa dak li jiddivinizza lill-bniedem u jiġġustifikah. Meta jassumi l-perspettiva axxendenti (tibda mill-bnedmin li jduru lejn Alla), huwa Dak li, bħala l-Qassis il-Kbir tal-Patt il-Ġdid, joffri lill-Missier, f’isem il-bnedmin, il-qima perfetta: jissagrifika ruħu, ipatti għad-dnubiet u jibqa’ dejjem ħaj biex jidħol għalina. B’dan il-mod tidher, fil-ħajja ta’ Ġesù, sinerġija tal-għaġeb bejn l-għemil divin u l-għemil uman, li jixkef kemm hi bla bażi ta’ xejn il-perspettiva individwalista. Fil-fatt, minn naħa, is-sens dixxendenti jagħti xhieda tal-primat assolut tal-azzjoni gratuwita ta’ Alla; l-umiltà li biha nilqgħu d-doni ta’ Alla, qabel kull ħaġa li nistgħu nagħmlu, hi essenzjali biex nistgħu nwieġbu għall-imħabba feddejja tiegħu. Min-naħa l-oħra, is-sens axxendenti jfakkarna li, permezz tal-għemil kollu kemm hu uman ta’ Ibnu, il-Missier ried inissel mill-ġdid l-għemil tagħna, biex, imwaħħda fi Kristu, nistgħu nwettqu “l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu” (Efes 2:10).

 

10. Iktar minn hekk, huwa ċar li s-salvazzjoni li ġabilna Ġesù fl-istess persuna tiegħu ma sseħħx b’mod li hu biss interjuri. Fil-fatt, biex seta’ jwassal lil kull persuna l-komunjoni salvifika ma’ Alla, l-Iben sar bniedem tad-demm u l-laħam (ara Ġw 1:14). Huwa proprju billi jieħu ġisem bħal tagħna (ara Rum 8:3; Lhud 2:14; 1 Ġw 4:2), u jitwieled minn mara (ara Gal 4:4), li “l-Iben ta’ Alla sar bin il-bniedem”[15] u ħuna (ara Lhud 2:14). Hekk, ladarba hu daħal jagħmel parti mill-familja tal-bnedmin, “ingħaqad b’xi mod ma’ kull bniedem”[16] u ġab ordni ġdid fir-relazzjonijiet ma’ Alla, Missieru, u mal-bnedmin kollha, li fih nistgħu nidħlu biex ikollna sehem fl-istess ħajja tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, meta jieħu l-ġisem tagħna, dan mhux talli ma jillimitax l-azzjoni salvifika ta’ Kristu, imma jippermettilu li b’mod konkret isir medjatur tas-salvazzjoni ta’ Alla għall-ulied kollha ta’ Adam.

 

11. Biex nagħlqu, u nwieġbu, kemm għar-riduzzjoniżmu individwalista ta’ tendenza Pelaġjana, kemm għal dak Neonjostiku li jwiegħed ħelsien purament interjuri, irridu niftakru b’liema mod Ġesù hu Salvatur. Hu ma llimitax ruħu li jurina biss it-triq tal-laqgħa tagħna ma’ Alla, triq li mbagħad ridna nimxu waħidna, f’ubbidjenza għall-kelmiet tiegħu u f’xebh mal-eżempju tiegħu. Pjuttost, biex jiftħilna t-triq tal-ħelsien, Kristu sar hu nnifsu t-triq: “Jiena t-triq” (Ġw 14:6).[17] Iktar minn hekk, din it-triq mhix mixja interjuri biss, maqtugħa mir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u mad-dinja maħluqa. Bil-maqlub, Ġesù tana “triq, ġdida u ħajja, li hu fetħilna […], li hu l-ġisem tiegħu stess” (Lhud 10:20). Insomma, Kristu hu Salvatur għax ħa fuqu l-umanità sħiħa tagħna u għex ħajja umana sħiħa, f’komunjoni mal-Missier u mal-aħwa. Is-salvazzjoni tfisser li aħna nidħlu f’din il-ħajja, u nilqgħu l-Ispirtu tiegħu (ara 1 Ġw 4:13). Hekk hu sar, “f’ċertu sens, il-prinċipju ta’ kull grazzja skont l-umanità”.[18] Hu, fl-istess waqt, is-Salvatur u s-Salvazzjoni.

 

V. Is-Salvazzjoni fil-Knisja, ġisem ta’ Kristu

12. Il-post fejn nirċievu s-salvazzjoni li jagħtina Ġesù hu l-Knisja, komunità ta’ dawk li, għax daħlu fl-ordni l-ġdid ta’ relazzjonijiet imniedi minn Kristu, jistgħu jirċievu l-milja tal-Ispirtu ta’ Kristu (ara Rum 8:9). Li nifhmu din il-medjazzjoni salvifika tal-Knisja jiswielna ta’ għajnuna essenzjali biex negħlbu kull tendenza riduzzjonista. Is-salvazzjoni li joffrilna Alla, fil-fatt, ma niksbuhiex bil-ħiliet individwali tagħna waħidhom, kif irid jgħid in-Neopelaġjaniżmu, imma permezz tar-relazzjonijiet li jitwieldu mill-Iben ta’ Alla inkarnat u li jsawru l-komunjoni tal-Knisja. Fuq kollox, billi l-grazzja li Kristu jagħtina mhijiex, kif tippretendi l-viżjoni Neonjostika, salvazzjoni interjuri biss, imma hi waħda li ddaħħalna fir-relazzjonijiet konkreti li hu stess għex, il-Knisja hi komunità viżibbli: fiha mmissu l-ġisem ta’ Kristu, b’mod speċjali fl-aħwa l-iżjed foqra u li qed ibatu. Insomma, il-medjazzjoni salvifika tal-Knisja, “sagrament tas-salvazzjoni għal kulħadd”,[19] tiżgurana li s-salvazzjoni ma tikkonsistix fl-awtorealizzazzjoni tal-individwu iżolat, u lanqas fit-taħlita interjuri tiegħu mad-divin, imma fl-inkorporazzjoni f’xirka ta’ persuni, li tipparteċipa fil-komunjoni tat-Trinità.

 

13. Kemm il-viżjoni individwalistika u kemm dik purament interjuri tas-salvazzjoni jikkontradixxu wkoll l-ekonomija sagramentali li permezz tagħha Alla ried isalva lill-bniedem. Fil-Knisja, is-sehem fl-ordni ġdid ta’ relazzjonijiet imnedija minn Ġesù jseħħ permezz tas-sagramenti, li fosthom il-Magħmudija hija l-bieb,[20] u l-Ewkaristija l-għajn u l-quċċata.[21] Hekk naraw, minn naħa, l-inkonsistenza tal-pretensjonijiet ta’ awtosalvazzjoni, li jafdaw biss fil-qawwa tal-bniedem. Bil-maqlub, il-fidi tistqarr li aħna mifdija permezz tal-Magħmudija, li tissiġilla fina l-karattru li ma jitħassarx tal-appartenenza għal Kristu u għall-Knisja, li minnha tiġi l-bidla tal-mod konkret kif ngħixu r-relazzjonijiet tagħna ma’ Alla, mal-bnedmin u mal-ħolqien (ara Mt 28:19). Hekk, imsaffijin mid-dnub oriġinali u minn kull dnub, aħna msejħin għal ħajja ġdida li taqbel ma’ dik ta’ Kristu (ara Rum 6:4). Bil-grazzja tas-seba’ sagramenti, min jemmen kontinwament jikber u jikseb ħajja ġdida, fuq kollox meta l-mixja ssir iżjed imqallba u ma jonqsux il-waqgħat. Meta dawk li jemmnu, bid-dnub, iwarrbu mħabbithom lejn Kristu, jistgħu jerġgħu jidħlu, permezz tas-sagrament tal-Penitenza, fl-ordni tar-relazzjonijiet imniedi minn Ġesù, biex jimxu kif mexa hu (ara 1 Ġw 2:6). B’dan il-mod inħarsu bit-tama lejn il-Ġudizzju finali, fejn kull persuna sa jsirilha ħaqq fuq il-konkretezza ta’ mħabbitha (ara Rum 13:8-10), speċjalment lejn dawk l-iżjed dgħajfa (ara Mt 25:31-46).

 

14. L-ekonomija tas-salvazzjoni sagramentali teħodha wkoll kontra t-tendenzi li jipproponu salvazzjoni purament interjuri. Fil-fatt, l-Injostiċiżmu jimxi id f’id ma’ ħarsa negattiva fuq l-ordni tal-ħolqien, għax jarah bħala limitazzjoni tal-libertà assoluta tar-ruħ tal-bniedem. B’konsegwenza ta’ dan, is-salvazzjoni tidher bħala liberazzjoni mill-ġisem u mir-relazzjonijiet konkreti li fihom tgħix il-persuna. Imma ladarba aħna mifdija “permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu” (Lhud 10:10; ara Kol 1:22), il-vera salvazzjoni mhux talli mhijiex liberazzjoni mill-ġisem, imma talli tinkludi wkoll it-tqaddis tiegħu (ara Rum 12:1). Il-ġisem tal-bniedem ġie magħġun minn Alla, li naqqax fih lingwaġġ li jistieden lill-bniedem jagħraf id-doni tal-Ħallieq u jgħix f’komunjoni mal-aħwa.[22] Il-Feddej, bl-Inkarnazzjoni u l-Misteru tal-Għid tiegħu, reġa’ waqqaf mill-ġdid u ġedded dan il-lingwaġġ tal-bidu u għaddiehulna fl-ekonomija korporali tas-sagramenti. Grazzi għas-sagramenti l-Insara jistgħu jgħixu b’fedeltà għall-ġisem ta’ Kristu u, b’konsegwenza, b’fedeltà għall-ordni konkret tar-relazzjonijiet li hu tana. Dan l-ordni ta’ relazzjonijiet jitlob, b’mod partikulari, l-għożża għall-umanità sofferenti tal-bnedmin kollha, permezz tal-opri tal-ħniena li jmissu l-ġisem u r-ruħ.[23]

 

VI. Konklużjoni: inxerrdu l-fidi, fl-istennija tal-Feddej

15. L-għarfien tal-ħajja sħiħa li fiha jdaħħalna Ġesù l-Feddej iħeġġeġ lill-Insara għall-missjoni, biex ixandru lill-bnedmin kollha l-ferħ u d-dawl tal-Vanġelu.[24] F’dan l-isforz ikunu lesti wkoll joħolqu djalogu sinċier u kostruttiv ma’ dawk li jħaddnu twemmin ieħor, fil-fiduċja li, fi Kristu, Alla jista’ jwassal għas-salvazzjoni “l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba illi fi qlubhom taħdem il-grazzja b’mod li ma jidhirx”.[25] Waqt li tiddedika ruħha bis-saħħa kollha tagħha għall-evanġelizzazzjoni, il-Knisja tissokta titlob għall-miġja defenittiva tal-Feddej, għax “aħna salvi bit-tama” (Rum 8:24). Is-salvazzjoni tal-bniedem isseħħ għalkollox biss meta, wara li hu jkun rebaħ fuq l-aħħar għadu, il-mewt (ara 1 Kor 15:26), nieħdu sehem sħiħ fil-glorja ta’ Kristu Rxoxt, li jwassal għall-milja tagħha r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, ma’ ħutna u mal-ħolqien kollu. Is-salvazzjoni sħiħa, tar-ruħ u tal-ġisem, hi d-destin aħħari li għalih Alla jsejjaħ lill-bnedmin kollha. Mibnija fuq il-fidi, imwieżna mit-tama, ħabrieka fl-imħabba, fuq ix-xempju ta’ Marija, Omm il-Feddej u l-ewwel fost il-mifdija, aħna żguri li “aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu” (Fil 3:20-21).

 

Il-Qdusija Tiegħu Franġisku, nhar is-16 ta’ Frar 2018, approva din l-Ittra, deċiża fis-Sessjoni Plenarja ta’ din il-Kongregazzjoni fl-24 ta’ Jannar 2018, u ordna li tiġi mxandra.

 

Mogħtija Ruma, mis-Sede tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, fit-22 ta’ Frar 2018, Festa tal-Katedra ta’ San Pietru.

 

+ Luis F. Ladaria, S.I.

Arċisqof Titulari ta’ Thibica

Prefett

 

+ Giacomo Morandi

Arċisqof Titulari ta’ Cerveteri

Segretarju

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, n. 2.

[2] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni Dominus Iesus (6 ta’ Awwissu 2000), nn. 5-8: AAS 92 (2000), 745-749.

[3] Ara Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), n. 67: AAS 105 (2013), 1048.

[4] Ara ibid., Ittra enċiklika Lumen fidei  (29 ta’ Ġunju 2013), n. 47: AAS 105 (2013), 586-587; Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, nn. 93-94: AAS (2013), 1059; Diskors lir-rappreżentanti tal-V Konvenju nazzjonali tal-Knisja Taljana, Firenze (10 ta’ Novembru 2015): AAS 107 (2015), 1287.

[5] Ara ibid., Diskors lir-rappreżentanti tal-V Konvenju nazzjonali tal-Knisja Taljana, Firenze (10 ta’ Novembru 2015): AAS 107 (2015), 1288.

[6] Ara ibid., Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, n. 94: AAS 105 (2013), 1059: “is-seħer tal-Injostiċiżmu, fidi magħluqa fis-suġġettiviżmu, fejn wieħed jinteressa ruħu biss minn esperjenza speċifika jew serje ta’ raġunamenti u għarfien li jaħseb li jistgħu jfarrġuh jew idawluh, imma fejn is-suġġett jibqa’ magħluq fl-immanenza tar-raġuni u s-sentimenti tiegħu stess”; Kunsill Pontifiċju tal-Kultura –– Kunsill Pontifiċju għad-djalogu interreliġjuż, Ġesù Kristu, dak li jagħtina l-ilma ħaj. Riflessjoni Nisranija fuq in-“New Age” (Jannar 2003), Belt tal-Vatikan 2003.

[7] Franġisku, Ittra enċiklika Lumen fidei, n. 47: AAS 105 (2013), 586-587.

[8] Ara ibid., Diskors lill-parteċipanti fil-pellegrinaġġ tad-Djoċesi ta’ Brescia (22 ta’ Ġunju 2013): AAS 95 (2013), 627: “f’din id-dinja fejn qed niċħdu lill-bniedem, fejn nippreferu nimxu t-triq tal-Injostiċiżmu, […] ta’ ‘xejn laħam’ – Alla li ma sarx laħam […]”.

[9] Skont l-ereżija Pelaġjana, li żviluppat tul is-seklu ħamsa madwar Pelaġju, il-bniedem, biex wieħed jobdi l-kmandamenti ta’ Alla u jsalva, għandu bżonn biss tal-grazzja bħala għajnuna esterna għal-libertà tiegħu (bħala dawl, eżempju, qawwa), imma mhux bħala fejqan u riġenerazzjoni radikali tal-libertà, mingħajr merti minn qabel, biex hu jista’ jagħmel it-tajjeb u jilħaq il-ħajja eterna. Iktar kumpless hu l-moviment Injostiku, li qam fl-ewwel u t-tieni seklu, u li żviluppa f’għamliet differenti ħafna minn xulxin. Ġeneralment, l-Injostiċi kienu jemmnu li s-salvazzjoni tinkiseb permezz ta’ għarfien eżoteriku u “njożi”. Din l-injożi turi lill-Injostiku l-essenza vera tiegħu, jiġifieri, xrara tal-Ispirtu divin li jgħammar fil-ġewwieni tiegħu, li hemm bżonn tiġi meħlusa minn ġol-ġisem, barrani għall-umanità vera tagħha. B’dan il-mod biss l-Injostiku jerġa’ lura għall-essri tiegħu tal-bidu f’Alla, li minnu kien tbiegħed minħabba fil-waqgħa tal-bidu.

[10] Ara Tumas, Summa theologiæ, I-II, q. 2.

[11] Ara Wistin, Stqarrijiet, I, 1: Corpus Christianorum, 27,1.

[12] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, n. 22.

[13] Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Xi kwistjonijiet fuq it-teoloġija tal-fidwa, 1995, n. 2: Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Documenti 1969-2004 (Bologna 2006), 500.

[14] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), n. 1: AAS 98 (2006), 217; ara Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, n. 3: AAS 105 (2013), 1020.

[15] Irinew, Adversus hæreses, III, 19,1: Sources Chrétiennes, 211, 374.

[16] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, n. 22.

[17] Ara Wistin, Tractatus in Ioannem, 13, 4: Corpus Christianorum, 36, 132: “Jiena t-triq, is-sewwa u l-ħajja (Ġw 14:6). Jekk qed tfittex is-sewwa, imxi fit-triq; għax it-triq hi l-istess bħas-sewwa. Id-destinazzjoni li lejha miexi u t-triq li trid timxi, huma l-istess ħaġa. Ma tistax tilħaq id-destinazzjoni jekk tgħaddi minn triq oħra; minn triq oħra ma tistax tasal għand Kristu: għand Kristu tista’ tasal biss permezz ta’ Kristu. F’liema sens tasal għand Kristu permezz ta’ Kristu? Tasal għand Kristu Alla permezz ta’ Kristu l-bniedem; permezz tal-Verb magħmul bniedem tasal għand il-Verb li sa minn dejjem kien Alla minn Alla”.

[18] Tumas, Quæstio de veritate, q. 29, a. 5, co.

[19] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, n. 48.

[20] Ara Tumas, Summa theologiæ, III, q. 63, a. 3.

[21] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, n. 11; Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, n. 10.

[22] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Laudato sì (24 ta’ Mejju 2015), n. 155: AAS 107 (2015), 909-910.

[23] Ara ibid., Ittra appostolika Misericordia et misera (20 ta’ Novembru 2016) , n. 20: AAS 108 (2016), 1325-1326.

[24] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris missio (7 ta’ Diċembru 1990), n. 40: AAS 83 (1991), 287-288; Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, nn. 9-13: AAS 105 (2013), 1022-1025.

[25] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, n. 22.

 

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta