Pie pellicane Iesu Domine

O Ġesu’ hekk twajjeb, Pellikan qaddis

Dun Hector Scerri

President, Kummissjoni Teoloġika

 

 

F’telfa ta’ mħabba qawwija, tabilħaqq magħġuna ma’ kontemplazzjoni taħraq, mill-qalb saċerdotali u l-moħħ għaref ta’ San Tumas ta’ Aquino ħarġet l-għanja-talba magħrufa mill-kliem tal-ewwel vers tagħha, Adoro te devote – Jien nadurak bil-qima. Innu Ewkaristiku li ilu jitkanta minn ġenerazzjonijiet ta’ Nsara tul is-sekli. Innu li jesprimi fidi ħajja fil-Ġisem Veru d-Demm Veru ta’ Ġesu’ Kristu Rxoxt, tassew preżenti sagramentalment għalina taħt ix-xbihat ta’ ħobż umli u nbid iħammar. Fis-sitt strofa, minn sebgħa, li fiha l-għanja, inkantaw:

 

 

 

Pie pellicane Iesu Domine,

O Ġesu’ hekk twajjeb, Pellikan qaddis
Me immundum munda tuo Sanguine:

Saffi Int lil qalbi b’demmek il-għażiż
Cuius una stilla salvum facere

Li b’qatra biss minnu, O Ġesu’ maħbub
Totum mundum quit ab omni scelere

Tista’ d-dinja kollha tnaddaf minn kull dnub.

 

F’din it-taħdita kommemorattiva se nkun qed nsammar il-ħarsa u l-attenzjoni tiegħi fuq il-kelmtejn tal-bidu, kelmiet li jiddu b’tifsir għoli: pie pellicane – O Pellikan qaddis. Huwa kliem li jqanqal devozzjoni u mħabba ġewwa fina... imma, mhux biss! Kif se naraw, dan il-kliem għandu jqanqalna biex infasslu ħajjitna fuq l-eżempju li tana l-Pellikan qaddis.

 

Dan in-nom u l-aġġettiv – O Pellikan qaddis, pie pellicane – jeħtieġu ftit ta’ spjegazzjoni. Mijiet ta’ snin ilu, u anke fiż-żmien klassiku tal-Greċja u tal-Imperu Ruman, kienu jemmnu li dan l-għasfur, il-pellikan, kellu mġieba għal kollox partikulari. Meta ma kienx jirnexxilha ssib ikel għall-friegħ tagħha, il-pellikan omm kienet tqatta’ minn ġisimha stess biex huma jkollhom almenu dak il-ftit biex jitrejqu bih. Għalkemm ir-riċerka tax-xjenzjati u tal-ornitoloġi (i.e. dawk li jistudjaw bir-reqqa d-dinja tal-għasafar) tgħid, bla tlaqliq, li dan fil-fatt mhuwiex minnu, fl-istess ħin dan il-ħsieb, bir-raġun, ifakkar lill-Insara f’Ġesu’ Kristu. Ġesu’ tassew tana lilu nnifsu. Tana lilu nnifsu biex niekluh. Tana kollox!

 

Forsi ftit jafu bid-dettall artistiku li hemm fuq il-bieba minn ġewwa tat-tabernaklu tal-artal maġġur ta’ din il-knisja arċipretali. Id-disinn tal-artist Lazzru Pisani li mbagħad inħadem mill-arġentier juri l-pellikan omm titma’ l-friegħ tagħha. X’meditazzjoni fiha din id-dehra! Nissogra ngħid: X’ħasra li s-saċerdot biss jista’ jaraha u japprezzaha kull meta jiftaħ jew jagħlaq it-tabernaklu!

 

Aħna l-Maltin għandna idjoma mill-isbaħ. Dwar persuna ġeneruża li ma toqgħodx tkejjel miegħek, aħna ngħidu: “Dak, taqta’ u tiekol minnu”. Għal min, jekk mhux għal Ġesu’, joqgħod l-aktar dan il-kliem?! Iva, Ġesu’, l-Iben t’Alla li sar bniedem, li għallem in-nies, għamel il-mirakli, li sejjaħ in-nies biex ikunu dixxipli tiegħu billi jiċħdu lilhom infushom, jerfgħu salibhom u jimxu warajh, li bata passjoni ħarxa, miet u qam mill-imwiet... huwa tassew il-Pellikan qaddis.

 

Nistgħu naqtgħu u nieklu minnu mhux biex nieqfu hemm u npoġġu idejna fuq żaqqna. Naqtgħu u nieklu minnu biex hu jagħmel minnek persuna li ħaddieħor jista’ jaqta’ u jiekol minnek. Aħna nqimu lil Ġesu’ fl-Ewkaristija waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Din iċ-ċelebrazzjoni li kif ifakkarna kemm il-Konċilju Vatikan II, kif ukoll għadd kbir ta’ kitbiet u omeliji tal-Papiet u kitbiet ta’ awturi Nsara ta’ kull żmien, għandna nieħdu sehem fiha b’mod attiv, ħaj, dirett u li jħalli l-frott. Din iċ-ċelebrazzjoni tkompli fl-adorazzjoni ewkaristika li hija bħal estensjoni ta’ dak li ngħixu fil-quddiesa.

 

U hawn jiġi l-qofol tas-suġġett ta’ din it-taħdita. Jekk Ġesu’ huwa l-Pellikan il-qaddis, aħna bħalu se nkomplu nagħmlu minn kollox biex bħalu nagħtu lilna nfusna. Din hija x-xhieda li aħna msejħin nagħtu. Se nelabora dan is-suġġett billi nitkellem fil-qosor dwar żewġ aspetti tax-xhieda Nisranija tagħna, frott tas-sehem tagħna fl-Ewkaristija: (1) L-Ewkaristija u l-qadi Kristjan; (2) L-Ewkaristija u l-Evanġelizzazzjoni.

 

1.   L-Ewkaristija u l-Qadi Kristjan

Jekk inqalbu l-paġni tal-Evanġelju skont San Ġwann, fil-post li fih l-evanġelisti l-oħra jagħtuna r-rakkont tal-Aħħar Ċena, huwa jagħtina minflok dak il-ġest qawwi – kważi li jaħsdek – ta’ meta Ġesu’ ħasel saqajn it-Tnax. Rakkont mimli biżibilju verbi li jindikaw id-dettalji tal-azzjoni ta’ Ġesu’ – Ġesu’ “qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu (Ġw 13:4-5). Wara li għamel dan kollu, Ġesu’ bi kliem mill-aktar ċar jgħid lit-Tnax: “Kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll... Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom” (Ġw 13:15.17). Ġesu’ għabba lit-Tnax bir-responsabilta’, kif jagħmel lilek u lili.

 

Fit-28 ta’ Marzu, nhar Ħamis ix-Xirka filgħaxija, meta mar fil-ħabs minorili, il-Papa Franġisku, fl-omelija qal: “Taħsel is-saqajn, jfisser jiena qiegħed għas-servizz tiegħek... Dan is-sinjal huwa tmellisa minn Ġesù, li Ġesù jagħmel, għaliex Ġesù ġie propju għalhekk: biex jaqdi, biex jgħinna”.

 

Ma tistax tieħu sehem fil-mejda ma’ Kristu l-Qaddej u ma ssirx qaddej bħalu. Tippretendix li se ssir qaddej f’daqqa, qisek qed tagħfas swiċċ biex tixgħel jew titfi bozza. Pero’, kull jum, agħmel dak l-isforz, ċkejken jew kbir, biex illum tkun qaddej. Illum tkun qaddej aħjar, iktar servizjevoli, milli kont ilbieraħ. U għada tkun qaddej aħjar milli kont illum. L-Ewkaristija li int tirċievi, l-Ewkaristija li inti tadura tagħtik dik l-enerġija li teħtieġ biex tkun qaddej. U s-sabiħa hija din: qatt ma tista’ tgħid li wasalt! Dejjem għandek ftit ieħor x’taqdef. Dejjem jibqa’ xi rokna x’tiknes fil-kamra ta’ ħajtek. Dejjem jibqagħlek fiex tikber fil-qadi biex tixbaħ lill-Pellikan Qaddis li ħasel saqajn dawk li xorbu kliemu, u issa kienu waslu biex jixorbu demmu. Guliermu ta’ Thierry, awtur tal-Medju Evu, kiteb hekk: “Tiekol il-ġisem ta’ Kristu jfisser li int issir ġisem ta’ Kristu”. Xi grazzja! ... Imma wkoll, x’responsabilta’! Jiena nħobb insejħilha responsabilta’ ewkaristika. Dak li niċċelebra fuq l-artal, dak li tirċievi ġewwa fik, jagħtik dik il-qawwa li ftit ftit tittrasformak. Il-Mulej jittrasforma t-tajjeb tiegħek u jagħmlu aħjar. Jippurifikak biex l-atteġġjamenti tiegħek ikollhom il-qadi Kristjan fil-pedament tagħhom.

 

Id-Duttur tal-Ewkaristija, San Ġwann Griżostmu jsostni: “Inti xrobt mid-Demm tal-Mulej u lanqas tagħraf lil ħuk”. Ħuti, li tagħraf lil ħuk ifisser li taħsillu saqajh. Mhux faċli! Aktarx li ma tiġikx dejjem naturali! Jekk trid tkun tassew Ewkaristiku, trid tkompli l-vjaġġ tiegħek ta’ pellegrin. Kif toħroġ mill-bieb tal-knisja, imsaħħaħ mill-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu Rxoxt, il-mogħdija twasslek għall-qadi, jew, kif xi wħud minna jsejħula diakonia, kelma li ma tfissirx għajr qadi, li ssefter. Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija jew adorazzjoni tkun nieqsa mill-konklużjoni jew il-konsegwenza naturali tagħha jekk ma tissarrafx fil-qadi.

 

2.     L-Ewkaristija u l-Evanġelizzazzjoni

Kull meta tirċievi sagramentalment il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu’ Rxoxt, inti qed tingħata kompitu. Il-kliem “Morru fil-paċi ta’ Kristu” fi tmiem il-Quddiesa mhumiex il-konklużjoni taċ-ċelebrazzjoni, għax iċ-ċelebrazzjoni tkompli lil hinn mill-għatba tal-knisja, u lil hinn miz-zuntier. Ir-responsabilta’ Ewkaristika li semmejna qabel isejjaħlek biex inti tevanġelizza, fi kliem ieħor, twassal l-Evanġelju. U nistħajjel lil ħafna minnkom jgħiduli: “Kif, jien? Jiena se nwassal l-Evanġelju? Mela jien is-saċerdot, jew il-katekista?” Iva, kull wieħed u waħda minna għandna din ir-responsabilta’. Għandna din il-biċċa xogħol li rridu nagħmluha għax hija dover tagħna, u li se nkunu iġġudikati fuqha minn Alla jekk għamilnihix jew le!

 

Bħalissa, fi żmien il-Għid, l-Hallelujah toħroġ minn kullimkien! Naħseb li żvalutajnieha din il-kelma. Imma, ejjew ma ninsewx ħaġa importanti: aħna ħabbara tal-Hallelujah tal-Għid tal-Mulej. Jekk l-Ewkaristija hija t-tifkira ħajja tal-Misteru tal-Għid, dan ifisser li qabel kollox, aħna responsabbli li nwasslu l-aħbar it-tajba li hija sabiħa, l-aħbar it-tajba li tferraħ, l-aħbar it-tajba li toffri sfida. Ma tistax tibqa’ kwiet. Ma tistax tibqa’ mistoħbi. Tiftakru x’għamlu dawk iż-żewġ dixxipli li kienu qatgħu qalbhom, geddumhom sal-art, li nfirdu mill-komunita’ tal-Ħdax, u li reġgħu lura għall-ħajja tagħhom ta’ qabel ma kien sejħilhom Ġesu’? Tiftakruha l-esperjenza tagħhom? Wara li ltaqgħu ma’ Ġesu’ Rxoxt, u għarfuh fil-Kelma u fil-qsim tal-ħobż, ma felħux jistennew sal-għada biex minn Għemmaws imorru lura Ġerusalemm: “Ma kenitx imkebbsa qalbna ġewwa fina...? Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm... Tarrfu (lil sħabhom) x’kien ġralhom fit-triq, kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:32.33.35)

 

Meta nieda s-Sena tal-Fidi, il-Papa Benedittu XVI fl-Ittra Appostolika tiegħu, Il-Bieb tal-Fidi, stqarr: “L-imħabba ta’ Kristu ssuqna (2 Kor 5:14): hi l-imħabba ta’ Kristu li timla ‘l qlubna u tqanqalna biex nevanġelizzaw. Illum, bħal fl-imgħoddi hu jibgħatna fit-toroq tad-dinja biex inxandru l-Evanġelju tiegħu... B’imħabbtu, Ġesu’ Kristu jiġbed lejh nies minn kull ġenerazzjoni” (n.7). Jien nistaqsi: Minn fejn ġejja l-imħabba ta’ Kristu li tqanqlek biex tevanġelizza? Ġejja mill-Kelma tiegħu mħabbra lilna, u ġejja wkoll mis-sagramenti, speċjalment mill-Ewkaristija.

 

Mela, biex nevanġelizzaw lis-soċjeta’ tagħna permezz tal-kelma u permezz tal-imġieba – f’kelma waħda, biex nagħtu xhieda – jeħtieġ li nkunu mimlijin bil-qawwa Ewkaristika. San Ġorġ Preca, f’Il-Ktieb tal-Mezzi jgħid: “Biex wieħed jippersevera fl-għemil it-tajjeb għandu jersaq tassew dispost u ta’ spiss jirċievi l-Ħobż Ewkaristiku li jagħti l-ħajja vera” (Il-Perseveranza, n.3, p.108).

 

Nhar l-14 ta’ April, il-Papa Franġisku ċċelebra l-Ewkaristija fil-Bażilika ta’ San Paolo fuori le mura, ġewwa Ruma. Fl-omelija tiegħu, huwa saħaq fuq ix-xhieda li aħna msejħin li nagħtu: “il-Vanġelu għandu jiġi mxandar u tingħata xhieda tiegħu. Kull wieħed u waħda minna jrid jistaqsi lilu nnifsu: Jien kif qed nagħti xhieda ta’ Kristu bil-fidi tiegħi? Għandi l-kuraġġ ta’ Pietru u ta’ l-Appostli l-oħra li naħseb, nagħżel u ngħix ta’ Nisrani, f’ubbidjenza lejn Alla? Tassew li x-xhieda tal-fidi għandha bosta forom, l-istess kif f’affresk kbir hemm il-varjetà ta’ l-ilwien u ta’ l-isfumaturi; imma lkoll huma importanti, anki dawk li ma jidhrux. Fid-disinn kbir ta’ Alla kull dettall hu importanti, anki x-xhieda ċkejkna u umli tiegħek, tiegħi, anki dik moħbija ta’ min jgħix il-fidi tiegħu bis-sempliċità ta’ kuljum fir-relazzjonijiet tal-familja, fuq ix-xogħol, mal-ħbieb. Hemm il-qaddisin ta’ kuljum, il-qaddisin ‘moħbija’, speċi ta’ ‘klassi medja tal-qdusija’ li lkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu parti minnha.”

 

Fl-evanġelizzazzjoni aħna nwasslu l-aħbar it-tajba tal-ħelsien veru li ġabilna Kristu Rxoxt. Is-sehem tagħna fl-Ewkaristija jimpenjana biex ngħixu dan il-ħelsien personalment, kif ukoll bħala Knisja, imma wkoll soċjalment bħala ċittadini ta’ pajjiż. L-Ewkaristija timpenjak biex tgħożż il-ħelsien u ma tkunx ilsir tad-dnub. Timpenjak biex tkun bennej ta’ relazzjonijiet ġusti fil-ħajja familjari, fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika. Timpenjak biex twassal din l-Aħbar it-Tajba u tkun xhud tal-liberta’ li tana Kristu Rxoxt.

 

Kemm huwa sabiħ, imma kemm ikun isbaħ kemm-il darba npoġġuh fil-prattika, il-kliem tal-Ħames Talba Ewkaristika!:

“Iftħilna għajnejna biex nintebħu bil-ħtiġijiet ta’ ħutna;

nebbaħna kliem u għemil

li jkunu ta’ faraġ għall-imtaqqlin u l-imġarrbin;

agħtina li naqduhom minn qalbna,

kif uriena u jridna nagħmlu Kristu.

Ħa tkun il-Knisja tiegħek xhieda ħajja

tal-verita’ u tal-liberta’,

tal-paċi u tal-ġustizzja,

biex il-bnedmin kollha jqumu għal tamiet ġodda”.

 

Għeluq

Pie pellicane Iesu Domine,

O Ġesu’ hekk twajjeb, Pellikan qaddis
Saffi Int lil qalbi b’demmek il-għażiż
Li b’qatra biss minnu, O Ġesu’ maħbub
Tista’ d-dinja kollha tnaddaf minn kull dnub.

O Ġesu’ hekk twajjeb, Pellikan qaddis, ikun l-eżempju tiegħek li jispirana. Ikun l-eżempju tal-għotja tiegħek li jagħtina l-qawwa biex kuljum aħna nitgħallmu ningħataw bħalek. Inti, fiċ-Ċenaklu, fuq il-Golgota, wara l-Qawmien, ħallejthom iqattgħu u jieklu minnek. U tħalli lilna nagħmlu l-istess. Meta nkunu fl-iskola tiegħek, aħna u nqattgħu u nieklu minnek, nimtlew bil-qawwa biex aħna wkoll insiru “ġisem li jingħata” u “demm li jixxerred”. Dik skola! O Ġesu’ hekk twajjeb, Pellikan qaddis, agħmel li l-Ewkaristija  ssir il-ħajja tagħna, u l-ħajja tagħna Ewkaristija.

 

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (13)

3 ta’ Mejju 2013: Fl-okkażjoni tal-ewwel ċentinarju tal-XXIV Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li kien sar ġewwa Malta f’April 1913, qiegħed naqsam magħkom it-test ta’ diskors li għamilt fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta nhar il-Ħadd 28 ta’ April 2013. Din hija riflessjoni dwar l-Ewkaristija.

Dun Hector Scerri

 

 

 

Pellikan Qaddis

referenza għal Ġesu’ Ewkaristija.