Home          |          Email          |             Blog          |                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

IL-PAPA BENEDITTU XVI

Minn Harry Agius Ordway

 

Joseph Ratzinger, Papa Benedittu XVI, twieled f’Marktl am Inn, Djoċesi ta’ Passau, fil-Ġermanja, fis- 16 ta’ April, li nzerta kien Sibt il-Għid, fl-1927. Hu kien ġie mgħammed dak inhar stess. Missieru, li kien pulizija, kien ġej minn familja antika ta’ bdiewa, li la kienet sinjura ‘mma lanqas kienet fqira, min-naħa t’isfel tal-Bavarja. Ommu kienet bint artiġjani minn Rimsting fuq ix-xatt tal-Għadira Chiem u qabel iżżewġet ħadmet ta’ koka f’bosta lukandi.

 

Joseph qatta’ ż-żgħorija u l-adolexxenza tiegħu fi Traunstein, raħal żgħir qrib il-fruntiera Awstrijaka, daqs tletin kilometru bogħod minn Salzburg. F’dan l-ambjent, li hu kien iqiesu ‘Mozartjan’, hu kiseb il-formazzjoni tiegħu Kristjana, kulturali, u umana.

 

Iż-żgħożija tiegħu ma kenitx ħafifa. Il-Fidi u l-edukazzjoni li kien irċieva f’daru ppreparawh sew għall-esperjenzi ħorox ta’ dawk iż-żmenijiet meta r-reġim Nażista kien qed jerfa’ rasu kontra l-Knisja Kattolika. Iż-żagħżugħ Joseph kien preżenti meta n-Nażisti sawtu bl-aħrax lill-Kappillan qabel ma bdiet il-Quddiesa. Kien preċiżament matul dan iż-żmien daqstant kiefer li hu sab is-sbuħija u l-verità tal-Fidi fi Kristu, naturalment dejjem grazzi għall-mod kif il-familja tiegħu dejjem tat xhieda ċara u ħajja ta’ tjubija u mħabba minħabba l-għeruq sodi li bihom kienet marbuta mal-Knisja.

 

Matul l-aħħar xhur tal-gwerra hu kien, kif ngħidu bil-Malti, miġbur bil-lieva  fil-korp tal-armata ta’ kontra l-ajruplani Mill-1946 sal-1951 hu studja il-filosofija u t-teoloġija fl-Iskola Terzjarja tal-Filosofija u tat-Teoloġija ta’ Freising u fl-Università ta’ Munich. Hu ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 1951. Sena wara beda jgħallem fl-Iskola Terzjarja ta’ Freising.

Fl-1953 hu kiseb it-dottorat fit-teoloġija bit-teżi “Il-Bnedmin u d-Dar t’Alla fid-Duttrina tal-Knisja skont San Wistin.”  Erba’ snin wara, taħt itd-direzzjoni tal-magħruf professur tat-teoloġija fundamentali, Gottlieb Söhngen, Joseph Ratzinger ikkwalifika biex jgħallem f’Università bit-teżi tiegħu dwar “It-Teoloġija tal-Istorja f’San Bonavventura.”

Wara li għallem dwar it-teoloġija dogmatika u fundamentali fl-Iskola Terzjarja tal-Filosofija u t-Teoloġija fi Freising, ir-Rev.Jospeh Ratzinger mar jgħallem f’Bonn, mill-1959 sal-1963, f’Münster mill-1963 sal-1966, u f’Tübingen mill-1966 sal-1969. Matul din l-aħħar sena, 1969, hu kien l-Kap tad-dommatiku u l-istorja tad-domma fl-Università ta’ Regensburg, fejn kien ukoll Viċi-President tal-istess Università.

 

 

 

Ta’ min jgħid illi bejn l-1962 u l-1965, ir-Rev. Joseph Ratzinger kellu sehem kbir matul il-Konċilju Vatikan II bħala “espert”; fil-fatt hu kien hemm bħala konsulent tal-Kardinal Joseph Frings, Arċisqof ta’ Kolonja. Il-ħidma fejjieda u xjentifika tiegħu wittietlu t-triq għal bosta  mpenji importanti fil-Konferenza tal-Isqfijiet Ġermaniżi u fil-Konferenza  Teoloġika Internazzjonali. Fl-1972, flimkien ma’ Hans Urs von Balthasar, Henri de Lubac, u teologi oħra ta’ fama, ir-Rev. Joseph Ratzinger, waqqaf il-ġurnal teoloġiku “Communio.”

 

 

 

 

Fil-25 ta’ Marzu, 1977, il-Papa Pawlu VI innominah Arċisqof ta’ Munich u Freising. Fit-28 ta’ Mejju tal-istess sena rċieva l-ordinazzjni episkopali. Hu kien l-ewwel qassis Djoċesan fi 80 sena li ħa it-tmexxija pastorali tal-Arċidjoċesi kbira tal-Bavarja. Il-motto episkopali tiegħu kien: ‘Ko-operaturi tal-verità.”  Din l-għażla fissirha hekk: “Fuq naħa waħda rajtha bħala r-relazzjoni bejn il-ħidma li kelli qabel ta’ professur u l-missjoni l-ġdida fdata f’idejja. Għalkemm fiż-żewġ każi l-mod kif wieħed imexxihom huwa differenti, madankollu l-qofol ta’ kollox hu li wieħed jimxi mal-verità u li jkun ta’ servizz. Min-naħa l-oħra għażilt dan il-‘motto’ għaliex fid-dinja tal-lum it-tema tal-verità hi mwarrba kważi għal kollox, meqjusha bħala xi ħaġa kbira wisq għall-bniedem, u fl-istess waqt jekk il-verità titwarrab kollox jisfuma fix-xejn.” Il-Papa Pawlu VI, matul il-Konċistorju tas-27 ta’ Ġunju tal-istess sena, għamlu Kardinal bit-titlu saċerdotali ta’ “Santa Marija Konsolatriċi ta’ Tiburtino.”

 

 

 

 

Fl-1978 il-Kardinal Ratzinger ħa sehem fil-Konklavi tal-25 u 26 ta’ Awwissu meta kien ġie magħżul Ġwanni Pawlu I, li għażlu bħala l-Mibgħut tiegħu fit-Tielet Kungress Marjoloġiku li kien qed jiġi ċċelebrat ġewwa Guayaquil fl-Ekwador bejn is-16 u l-24 ta’ Settembru. Fix-xahar ta’ Ottubru, dejjem tal-istess sena hu ħa sehem fil-Konklavi li matulhom ntagħażel Papa Ġwanni Pawlu II. Hu kien ir-rappreżentant tal-Papa fil-Ħames Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet li saret fl-1980 bit-tema: “Il-Missjoni tal-Familja Nisranija fid-Dinja tal-lum,” kif ukoll President Delegat tas-Sitt Assemblea Ġenerali Ordinarja fl-1983 dwar “Ir-Rikonċiljazzjoni u l-Penitenza fil-missjoni tal-Knisja.”

 

Ġwanni Pawlu II kien ħatru Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi u President tal-Kummissjoni Pontifiċja Biblika u tal-Kummissjoni Internazzjonali tat-Teoloġija fil-25 ta’ Novembru 1981.

 

 

 

Fil-15 ta’ Frar 1982, il-Kardinal Ratzinger irriżenja mit-tmexxija tiegħu tal-Arċidjoċesi ta’ Munich u Freising. Fil-5 ta’ April 1993, il-Qdusija Tiegħu Ġwanni Pawlu II għollieh għall-Ordni tal-Isqfijiet u tah is-Sede fis-subborg ta’ Velletri-Segni. Hu kien President tal-Kummissjoi Preparatorja tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, li wara sitt snin ta’ ħidma, bejn l-1986 u 1992, ippreżentat il-Katekiżmu l-Ġdid lill-Papa. Fis-6 ta’ Novembru 1998, il-Papa approva l-ħatra tal-Kardinal Ratzinger bħala Viċi-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, fuq talba tal-Kardinali tal-Ordni tal-Isqfijiet. Fit-30 ta’ Novembru 2002 il-Papa approva l-ħatra tal-Kardinal Ratzinger bħala id-Dekan, u flimkien ma’ dan l-uffiċċju hu ġie fdat bis-Sede  tas-subborg ta’ Ostia. Fl-1999 hu kien il-Mibgħut Speċjali tal-Papa għaċ-Ċelebrazzjoni tat-Tnax-il Ċentinarju tat-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Paderborn, ġewwa l-Ġermanja li kienet saret fit-3 ta’ Jannar. Il-Kardinal Ratzinger kien ilu Akkademiku Onorarju tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi sa mit-13 ta’ Novembru tas-sena 2000.

 

Fil-Kurja Rumana hu kien membru tal-Kunsill tas-Segretarjt tal-Istat għar-Relazzjonijiet mal-Istati;  tal-Kongregazzjonijiet għall-Knejjes Orjentali, għall-Adorazzjoni Divina u għad-Dixxiplina tas-Sagramenti, għall-Isfijiet, għall-Evanġelizzazzjoni tal-Ġnus, għall-Edukazzjoni Kattolika, għall-Kleru u għall-Kawżi tal-Qaddisin; tal-Kunsilli Pontifiċji għall-Promozzjoni tal-Għaqda Kristjana, u għall-Kultura;tat-Tribunal Suprem għas-Signatura Appostolika, u tal-Kummissjonijiet Piontifiċji għall-Amerika Latina, “Ecclesia Dei”, għall-Interpretazzjoni Awtentika tal-Kodiċi tal-Liġi Kanonika, u għar-Revizjoni tal-Kodiċi tal-Liġi Kanonika tal-Knejjes tal-Orjent.

 

Fost il-bosta pubblikazzjonijiet tiegħu ta’ min jiġbed attenzjoni speċjali għall-kitba tiegħu “Introduzzjoni għall-Kristjaneżmu” , ippubblikat fl-1968, li hija ġabra ta’ taħditiet li ta fl-Università dwar il-Kredu tal-Appostli; “Domma u Predikazzjoni”(1973) li hija antoloġija ta’ esejs, prietki u riflessjonijiet iddedikati għal diskussjonijiet pastorali. It-taħdita tiegħu lill-Akkademja Kattolika tal-Bavarja dwar “Għaliex għadni fil-Knisja”, li biex ngħidu hekk għamet ħoss kbir, fiha, bis-soltu ċarezza tiegħu jistqarr: “wieħed jista’ jkun biss Nisrani fi ħdan il-Knisja, u mhux maġenbha.”

 

 

Il-pubblikazzjonijiet tiegħu huma mxerrda fuq numru ta’ snin u joħolqu punti ta’ referenza għal bosta nies speċjalment għal dawk interessati li jidħlu fil-fond tal-istudji dwar it-teoloġija. Fl-1985 ir-Rev. Joseph Ratzinger ippubblika ktieb forma ta’ intervista dwar il-qagħda tal-Fidi, ir-Rapport Ratzinger, u fl-1996 ippubblika “Melħ tal-Art.” Meta għalaq 70 sena ġie ppubblikat il-volum “Fl-Iskola tal-Verità” fejn wieħed isib artikli minn bosta kittieba li jitkellmu dwar aspetti diversi tal-personalità tiegħu u dwar dak li għamel.

 

Hu rċieva bosta Dottorati  “Honoris Causa”… fl-1984 mill-Kulleġġ ta’ San Tumas ġewwa San Pawl f’Minnesota; fl-1986 mill-Università Kattolika ta’ Lima; fl-1987 mill-Università Kattolika ta’ Eichstätt; fl-1988 mill-Università Kattolika ta’ Lublin; fl-1998 mill-Università ta’ Navarre; fl-1999 mill-LUMSA(Libera Università Maria Santissima Assunta) ta’ Ruma u fis-sena 2000 mill-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Wroclaw fil-Polonja.

 

Nhar it-Tlieta, 19 ta’ April, 2005, il-Kardinal Joseph Ratzinger ġie elett il-265 Papa biex imexxi l-Knisja Kattolika..

 

Ferm interessanti hu dak li qal fl-20 ta’ April 2005. l-għada tal-elezzjoni tiegħu bħala Papa Benedittu XVI, fl-ewwel messaġġ tiegħu f’għeluq il-Konċelebrazzjoni Ewkaristika mal-membri tal-Kulleġġ tal-Kardinali fil-Kappella Sistina: “Bħalissa f’qalbi ninsab bejn ħalltejn,  qed inħoss żewġ emozzjonijiet li jmorru kontra xulxin. Fuq naħa għandi s-sens ta’ nuqqas ta’ ħila u ta’ biża’ uman waqt li qiegħed wicc imb wiċċ mar-responsabbiltà tal-Knisja Universali, li ngħatat lili l-bieraħ bħala Suċċessur tal-Appostlu Pietru f’din is-Sede ta’ Ruma. Fuq in-naħa l-oħra qed inħoss sens kbir ta’ gratitudini lejn Alla, li qatt ma jħalli l-merħla Tiegħu waħedha, imma jmexxiha tul iż-żmenijiet kollha taħt it-tmexxija ta’ dawk li Hu stess ikun għażel bħala Vigarji ta’ Ibnu u li għamilhom Rgħajja tal-Merħla.”

 

Il-Quddiesa tal-Inawgurazzjoni tiegħu saret fl-24 tal-istess xahar. Għal din il-Quddiesa hu biddel id-drawwa li kull Kardinal juri l-ubbidjenza tiegħu lejh, ħaġa li għamluha dak inhar tal-elezzjoni tiegħu, billi flokom kien hemm tnax-il persuna, fosthom kardinali, membri tal-kleru, reliġjużi, koppja miżżewġa u wild tagħhom, u membri li kienu għadhom kif irċevew il-Griżma tal-Isqof, ilkoll biex jagħtuh merħba.

 

Waqt l-Omelija fl-istess Quddiesa, il-Papa Benedittu XVI, fl-aħħar paragrafu, li hu meqjus mill-aktar importanti anzi fejn insibu l-qalba tal-messaġġ tiegħu, wara li rrefera għal Ġesù Kristu u għall-Papa Ġwanni Pawlu II, ikkwota l-famużi kelmiet tal-predeċessur tiegħu: “Tibżgħux! Iftħu l-bibien beraħ għal Kristu.”

 Benedittu XVI kompla hekk: “Mhux forsi b’xi mod jew ieħor aħna lkoll imbeżżgħin? Jekk inħallu lil Kristu jidħol għal kollox f’ħajjitna, jekk niftħu lilna nfusna beraħ għaliH, m’aħniex imbeżżgħin li jista’ jeħdielna xi ħaġa?” Hu kompla hekk: “Le! Jekk inħallu lil Kristu jidħol f’ħajjitna, ma nitilfu xejn, xejn, assultament xejn minn dak li jagħmlilna ħajjitna ħielsa, sabiħa u mill-aqwa. Le! Fil-ħbiberija Tiegħu biss aħna nistgħu nħossu s-sbuħija u l-ħelsien. Meta nagħtu lilna nfusna Lilu, aħna nirċievu għal mitt darba aktar milli nkunu tajna. Iva, iftħu beraħ il-bibien lil Kristu – u ssibu l-vera ħajja.”

 

S’issa tana tliet Enċikliki:Deus Caritas Est(Alla hu Mħabba); Spe Salvi(Salvi bit-Tama); u Caritas in Veritate(L-Imħabba fil-Verità).

 

Il-Papa ġa għamel bosta Missjonijiet Appostoliċi kemm fl-Italja kif ukoll f’pajjiżi oħra…. tnejn fil-Ġermanja, żar il-Polonja, Franza, it-Turkija,  il-Brażil, l-Awstrija, l-Amerika, l-Awstralja, Franza, l-Afrika, il-Lvant Nofsani, u issa Malta, warajna l-Portugal, u mistenni jerġa’ jżur Spanja lejn Novembru li ġej.

 

Naturalment wieħed ma jridx jinsa t-tagħlim tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd waqt l-Angelus, waqt laqgħat ma’ bosta Isqfijiet, saċerdoti, u matul l-udjenzi ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa meta jagħtina katekeżi bħal ma tana dwar San Pawl l-Appostlu tal-Ġnus u f’kitbiet oħra bħal dak li kiteb dwar Ġesù.

 

Min-naħa tagħna għandna niftakru fih fit-talb tagħna ta’ kuljum biex il-Mulej Alla jgħinu u jnebbħu kif ikompli jmexxi l-Knisja speċjalment matul dawn iż-żmenijiet meta l-mewġ qalil qed iħabbat bil-kbir mal-blata li fuqha mibnija l-Knisja li Alla fdalu f’idejh.

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta