ŻJARA PASTORALI LILL-ARĊIDJOĊESI TA’ MILAN

U S-VII LAQGĦA DINJIJA TAL-FAMILJI

(1-3 TA’ ĠUNJU 2012)

 

LAQGĦA MAL-KANDIDATI TAL-GRIŻMA TA’ L-ISQOF

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Stadju “Meazza”, San Siro

Is-Sibt 2 ta’ Ġunju 2012

 

Għeżież subien u bniet!

 

Hu ta’ ferħ kbir għalija li qed niltaqa’ magħkom tul din iż-żjara tiegħi lill-Belt tagħkom.  F’dan l-istadju famuż tal-futbol, il-lum intom il-protagonisti!  Insellem lill-Arċisqof tagħkom, il-Kardinal Angelo Scola, u rroddlu ħajr għall-kliem tiegħu.  Grazzi wkoll lil Dun Samuele Marelli.  Insellem lil seħibkom li tani merbħa f’isimkom ilkoll.  Bi pjaċir insellem lill-Vigarji episkopali li, f’isem l-Arċisqof, amministrawlkom jew sa jamministrawlkom il-Griżma.  Ħajr partikulari lill-Fondazzjoni ta’ l-Oratorji ta’ Milan li organizzat din il-laqgħa, lis-saċerdoti tagħkom, lill-katekisti kollha, lill-edukaturi, lill-parrini, u lil dawk kollha li f’kull komunità parrokkjali akkumpanjawkom fil-vjaġġ u quddiemkom taw xhieda tal-fidi f’Ġesù li miet, irxoxta u hu ħaj.

 

Intom, għeżież tfal, qed titħejjew biex tirċievu s-Sagrament tal-Griżma, jew inkella m’ilkomx li rċivejtuh.  Naf li għamiltu mixja sabiħa ta’ formazzjoni, li din is-sena kellha t-tema “L-ispettaklu ta’ l-Ispirtu”.  Megħjuna minn din il-mixja, b’diversi tappi, tgħallimtu kif tagħrfu l-ħwejjeġ ta’ l-għaġeb li l-Ispirtu s-Santu għamel u jkompli jagħmel f’ħajjitna u f’dawk kollha li jwieġbu “iva” għall-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu.  Skoprejtu l-valur kbir li għandha l-Magħmudija, l-ewwel fost is-Sagramenti, il-bieb tad-dħul għall-ħajja Nisranija.  Intom irċivejtuha grazzi għall-ġenituri tagħkom, li flimkien mal-parrini, f’isimkom stqarrew il-Kredu u ntrabtu li jedukawkom fil-fidi.  Din għalikom kienet – kif kienet għalija wkoll, tant żmien ilu! – grazzja mill-ikbar.  Minn dak il-waqt, imwielda mill-ġdid mill-ilma u mill-Ispirtu s-Santu, intom dħaltu tagħmlu parti mill-familja ta’ wlied Alla, sirtu Nsara, membri tal-Knisja.

 

Issa kbirtu, u intom stess tistgħu tlissnu l-“iva” personali tagħkom lil Alla, “iva” ħielsa u li tafu xi tfisser.  Is-sagrament tal-Griżma jikkonferma l-Magħmudija u jsawwab fuqkom b’abbundanza l-Ispirtu s-Santu.  Issa intom stess, mimlija gratitudni, tistgħu tilqgħu d-doni kbar tiegħu li jgħinukom, fil-mixja tal-fidi, biex issiru xhieda fidili u qalbiena ta’ Ġesù.  Id-doni ta’ l-Ispirtu huma realtajiet ta’ l-għaġeb, li bihom tistgħu tiffurmaw ruħkom bħala Nsara, tgħixu l-Vanġelu u tkunu membri attivi tal-komunità.  Fil-qosor sa nerġa’ nsemmi dawn id-doni, li dwarhom diġà jkellimna l-profeta Isaija u mbagħad Ġesù:

 

l-ewwel don hu l-għerf, li jgħinkom tiskopru kemm hu tajjeb u kbir il-Mulej u, kif tfisser il-kelma [sapiens bil-Latin], jimla li ħajjitkom bit-togħma tajba, biex tkunu, kif qal Ġesù, “melħ ta’ l-art”;

 

imbagħad id-don tal-fehma, biex tistgħu tifhmu fil-profondità tagħhom il-Kelma ta’ Alla u l-verità tal-fidi;

 

wara, id-don tal-kunsill, li jdawwalkom biex tiskopru l-pjan ta’ Alla għal ħajjitkom, għall-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnkom;

 

id-don tal-qawwa, biex tistgħu tirbħu t-tentazzjonijiet tal-ħażen u tagħmlu dejjem it-tajjeb, anki meta dan jitlob il-prezz tas-sagrifiċċju;

 

imbagħad jiġi d-don tax-xjenza, mhux xjenza fis-sens tekniku, kif jgħallmuha fl-Università, imma xjenza fis-sens iktar profond li tgħallimna nsibu fil-ħolqien is-sinjali u l-marki ta’ jdejn Alla, ħa nifhmu kif Alla jitkellem f’kull żmien u jkellem lili, u biex lill-Vanġelu nagħmluh ħaj fil-ħidma ta’ kull ġurnata; nifhmu li hemm profondità u nifhmu din il-profondità u hekk nagħtu togħma tajba lix-xogħol tagħna, anki dak diffiċli;

 

don ieħor hu dak tal-pjetà, li jżomm ħajja fil-qalb il-fjamma ta’ l-imħabba għal Missierna tas-Sema, hekk li nitolbuH kuljum bil-fiduċja u l-ħlewwa ta’ wlied maħbuba; biex ma ninsiex liema huma r-realtajiet fundamentali tad-dinja u ta’ ħajti: li hemm Alla u li Alla jafni u jistenna t-tweġiba tiegħi għall-pjan tiegħu;

 

is-sitt u l-aħħar don hu l-biża’ ta’ Alla – qabel tkellimna dwar il-biża’ –; il-biża’ ta’ Alla ma jfissirx li nibżgħu minnu, imma li jkollna rispett profond lejH, ir-rispett lejn ir-rieda ta’ Alla li hi l-veru pjan għall-ħajja tiegħi u hi t-triq li fiha l-ħajja personali u komunitarja tista’ tkun tajba; u l-lum, bil-kriżijiet kollha li hawn fid-dinja, naraw kemm hu importanti li kulħadd jirrispetta din ir-rieda ta’ Alla minquxa fi qlubna u li fid-dawl tagħha għandna ngħixu; u hekk dan il-biża’ ta’ Alla jsir fina xewqa li nagħmlu t-tajjeb, li nwettqu l-verità, li nagħmlu r-rieda ta’ Alla.

 

Għeżież subien u bniet, il-ħajja Nisranija kollha kemm hi hija mixja, qisna mexjin f’passaġġ li jeħodna fuq muntanja – mela anki jekk m’hux dejjem faċli, imma li titla’ fuq muntanja hi xi ħaġa sabiħa ħafna – fil-kumpanija ta’ Ġesù; b’dawn id-doni prezzjużi l-ħbiberija tagħkom miegħU ssir wisq aktar vera u b’saħħitha.  Din il-ħbiberija tixxettel kontinwament bis-sagrament ta’ l-Ewkaristija, li fih nirċievu Ġismu u Demmu.  Għalhekk nistedinkom tieħdu sehem dejjem, bil-ferħ u l-fedeltà, fil-Quddiesa tal-Ħadd, meta l-komunità kollha tinġabar flimkien biex titlob, tisma’ l-Kelma ta’ Alla u tieħu sehem fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku.  U ersqu wkoll qrib tas-Sagrament tal-Penitenza, tal-Qrar: hu laqgħa ma’ Ġesù li jaħfrilna dnubietna u jgħinna nagħmlu dak li hu tajjeb; nirċievu r-rigal: li nista’ nibda mill-ġdid hu don kbir fil-ħajja, li naf li jien ħieles, li nista’ nibda mill-ġdid, li kollox hu maħfur.  Imbagħad, tonqsux milli ssibu ta’ kuljum ħin għat-talb personali tagħkom.  Tgħallmu ddjalogaw mal-Mulej, afdaw ruħkom f’idejH, għidulu bil-ferħ u bit-tħassib tagħkom, u itolbuh id-dawl u l-għajnuna tul il-mixja tagħkom.

 

Għeżież ħbieb, intom xortikom tajba għax fil-parroċċi tagħkom għandkom l-oratorji, rigal kbir tad-Djoċesi ta’ Milan.  L-oratorju, kif juri ismu, hu post fejn wieħed jitlob, imma anki fejn ninġabru flimkien fil-ferħ tal-fidi, issir il-katekeżi, il-logħob, jiġu organizzati attivitajiet ta’ servizz u ta’ kull tip, – anzi jien ngħid – fejn wieħed jitgħallem jgħix.  Iffrekwentaw b’mod regolari l-oratorju tagħkom, biex tikbru dejjem iżjed fl-għarfien u fil-mixja tagħkom wara l-Mulej!  Dawn is-seba’ doni ta’ l-Ispirtu s-Santu jikbru propju f’din il-komunità fejn titgħallmu tgħixu fil-verità, ma’ Alla.  Fil-familja, obdu lill-ġenituri tagħkom, isimgħu minn dak li jgħidulkom għall-ġid tagħkom, biex bħal Ġesù tikbru “fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2:51-52).  Fl-aħħar nett, qatt titgħażżnu, imma kunu tfal u żgħażagħ ħabrieka, b’mod partikulari fl-istudju, fid-dawl tal-ħajja futura: dan hu d-dmir tagħkom ta’ kuljum u hu opportunità kbira li għandkom f’idejkom biex tikbru u biex tlestu t-triq għall-futur tagħkom.  Kunu disponibbli u ġenerużi ma’ l-oħrajn, billi tirbħu t-tentazzjoni li tpoġġu lilkom infuskom fiċ-ċentru ta’ kollox, għax l-egoiżmu hu l-għadu tal-ferħ veru.  Jekk issa tiggustaw dan il-ġmiel li tkunu parti mill-komunità ta’ Ġesù, intom ukoll tkunu tistgħu tagħtu l-kontribut tagħkom biex din tikber u tkunu kapaċi tistiednu oħrajn biex jagħmlu parti minnha.  Ħalluni wkoll ngħidilkom li l-Mulej kuljum, anki l-lum, hawnhekk, qed isejħilkom għal ħwejjeġ kbar.  Kunu miftuħa għal dak li jipproponilkom u jekk isejħilkom biex timxu warajh fit-triq tas-saċerdozju jew tal-ħajja kkonsagrata, tgħidulux le!  Dak ikun għażż żbaljat!  Ġesù jista’ jimlielkom qalbkom għal ħajjitkom kollha!

 

Għeżież subien, għeżież bniet, bil-qawwa kollha ngħidilkom: immiraw lejn ideali għoljin, għax kulħadd jista’ jasal għal miri għoljin, u mhux xi wħud biss!  Kunu qaddisin!  Imma possibbli li f’din l-età tagħna nkunu qaddisin?  It-tweġiba tiegħi hi: daż-żgur!  Dan jgħidu wkoll Sant’Ambroġ, il-qaddis kbir tal-Belt tagħkom, f’waħda mill-kitbiet tiegħu, fejn jikteb: “Għal Kristu, kull età hi matura” (De virginitate, 40).  U fuq kollox dan turih ix-xhieda ta’ tant qaddisin ta’ l-istess età tagħkom, bħal Domenico Savio, jew Maria Goretti.  Il-qdusija hi t-triq normali tan-Nisrani: m’hix riservata biss għal ftit magħżula, imma hi miftuħa għal kulħadd.  Naturalment, bid-dawl u l-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, li qatt ma jitlaqna waħidna jekk innewlulu jdejna u niftħulu qalbna!  U bl-għajnuna ta’ l-Omm tagħna.  Min hi din l-Omm tagħna?  Hi Marija, l-Omm ta’ Ġesù.  Lilha Ġesù fdalha lilna lkoll, qabel miet fuq is-salib.  Jalla, għalhekk, il-Verġni Marija tħares dejjem il-ġmiel ta’ l-“iva” tagħkom lil Ġesù, Binha, il-Ħabib kbir u fidil ta’ ħajjitkom.  Hekk ikun!

 


miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.