ĦAL LUQA - 17.04.2010 - 17.00
Ajruport Internazzjonali ta’ Malta
Ċerimonja ta’ Merħba
Sur President,
Għeżież Ħuti fl-Episkopat,
Awtoritajiet Distinti,
Sinjuri,
Hu pjaċir kbir għalija li nkun hawn Malta
magħkom illum. Jien ġejt fostkom bħala
pellegrin biex inqim lill-Mulej u nfaħħru
għall-għeġubijiet li għamel hawnhekk. Ġejt
ukoll bħala s-Suċċesur ta’ San Pietru biex
nikkonfermakom fil-fidi (ara Lq 22:32) u
biex ningħaqad magħkom fit-talb lil Alla
waħdani ħaj u veru, fil-kumpanija
tal-Qaddisin kollha, inkluż l-Appostlu kbir
ta’ Malta, San Pawl. Għalkemm iż-żjara
tiegħi f’pajjiżkom hi qasira, nitlob li
tħalli ħafna frott.
Jien grat, Sur President, għall-kliem
ġentili li bih tajtni merħba f’ismek u
f’isem il-poplu Malti. Nirringrazzjak
tal-istedina tiegħek u għall-ħidma iebsa li
int u l-Gvern għamiltu biex tħejju
għaż-żjara tiegħi. Nirringrazzja lill-Prim
Ministru, lill-awtoritajiet ċivili u
militari, lill-membri tal-Korp Diplomatiku u
lil kull min hu preżenti, li qed tonoraw din
l-okkażjoni bil-preżenza tagħkom u
għall-merħba kordjali tagħkom.
B’manjiera speċjali kien nagħti merħba
lill-Arċisqof Pawlu Cremona, lill-Isqof
Mario Grech u lill-Isqof Awżiljarju Annetto
Depasquale, u wkoll lill-Isqfijiet l-oħra
preżenti. Meta qed nagħtikom merħba, jien
nixtieq nesprimi l-għożża tiegħu
għas-saċerdoti, djakni, reliġjużi rġiel u
nisa, u għall-fidili lajċi kollha fdati
fil-kura pastorali tagħkom.
L-okkażjoni taż-żjara tiegħu f’dawn
il-gżejjer hija l-elf disa’ mija u ħamsin
anniversarju tan-nawfraġju ta’ San Pawl fuq
xtut Malta. San Luqa jiddeskrivi din
il-ġrajja fl-Atti tal-Appostli, u hu minn
dan ir-rakkont li intom għażiltu t-tema ta’
din iż-żjara: “Jeħtieg iżda li naslu fi
gżira” (Atti 27:26). Uħud jistgħu jqisu l-miġja
ta’ San Pawl f’Malta permezz ta’ ġrajja mhux
mistennija bħala sempliċi inċident fl-istorja.
Iżda l-għajnejn tal-fidi
jippermettulna nagħrfu f’dan il-ħidma
tal-Provvidenza divina.
Malta, fil-fatt, kienet f’salib it-toroq ta’
ħafna mill-ġrajjiet u skambji kulturali kbar
fl-istorja tal-Ewropea u tal-Mediterran sa
l-istess żminijietna. Dawn il-gżejjer
kellhom funzjoni importanti fl-iżvilupp
politiku, reliġjuż u kulturali tal-Ewropa,
tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq.
F’dawn il-gżejjer, mela, fid-disinji
misterjużi ta’ Alla, l-evanġelju twassal
minn San Pawl u mis-segwaċi bikrin ta’
Kristu. Il-ħidma missjunarja tagħhom tat
frott kbir tul is-sekli u kkontribwixxiet
b’għadd bla qies ta’ modi għat-tiswir
tal-kultura għanja u nobbli ta’ Malta.
Bis-saħħa tal-qagħda ġeografika tagħhom,
dawn il-gżejjer kienu ta’ importanza
strateġika kbira f’aktar minn okkażjoni
waħda, saħansitra fi żminijiet reċenti:
fis-sewwa, il-George Cross fuq il-bandiera
nazzjonali tagħkom jixhed bi kburija
għall-kuraġġ kbir tal-poplu tagħkom waqt
il-ġranet mudlama tal-aħħar gwerra dinjija.
Daqstant ieħor, il-fortifikazzjonijiet li
jikkaratterizzaw b’mod daqshekk prominenti
l-arkitettura tal-gżira jitkellmu dwar
ġlidiet imgħoddija meta Malta
kkontribwixxiet tant kemm bl-art u kemm
bil-baħar għad-difiża tal-Kristjaneżmu.
Intom għadkom taqdu funzjoni siewja fid-dibattiti
dejjem għaddejjin fuq l-identità, il-kultura
u l-politika Ewropea. Fl-istess waqt, jien
nieħu pjaċir ninnota l-impenn tal-Gvern
tagħkom favur proġetti umanitarji fuq medda
wiesgħa, l-aktar fl-Afrika. Hu ttamat ħafna
li dan iservi biex jippromwovi l-benessri ta’
dawk l-anqas iffortunati minnkom, bħala
espressjoni ta’ karità Kristjana ġenwina.
Fis-sewwa, Malta għandha ħafna
x’tikkontribwixxi għal mistoqsijiet tant
diversi fuq tolleranza, reċiproċità,
immigrazzjoni, u kwistjonijiet oħrajn li
huma kruċjali għall-futur ta’ dan
il-kontinent. In-nazzjon tagħkom għandha
tibqa’ tappoġġja l-indissolubilità taż-żwieġ
bħala istituzzjoni kemm naturali u kemm
sagramentali, u n-natura vera tal-familja,
bl-istess mod li tappoġġja l-qdusija
tal-ħajja umana mill-konċepiment sal-mewt
naturali, u r-rispett xieraq dovut
lill-libertà reliġjuża b’modi li jwasslu lil
individwi u lis-soċjetà għal żvilupp
integrali awtentiku.
Malta għandha wkoll rabtiet mill-qrib mal-Lvant
Nofsani, mhux biss f’termini kulturali u
reliġjużi iżda saħansitra lingwistiċi.
Ippermettuli nħeġġiġkom biex din it-tagħqida
ta’ ħiliet u qawwiet tużawha dejjem aktar
biex isservi ta’ pont bejn il-popli, kulturi
u reliġjonijiet li jdawru l-Mediterran. Għad
hemm ħafna xi jsir biex jinbnew
relazzjonijiet ta’ fiduċja ġenwina u djalogu
li jagħti frott, u Malta qiegħda
f’pożizzjoni tajba li testendi l-id
tal-ħbiberija lill-ġirien tagħha tat-tramuntana
u n-nofsinhar, tal-lvant u tal-punent.
Il-nies ta’ Malta, imdawlin għal kważi żewġ
millennji mit-tagħlim tal-Evanġelju u
msaħħin il-ħin kollu mill-għeruq insara
tagħhom, huma ġustament kburin bil-funzjoni
indispensabbli li l-fidi Nisranija kellha
fl-iżvilupp tan-nazzjon tagħhom. Is-sbuħija
tal-fidi tagħna hija espressa b’modi diversi
u komplimentari ħawnhekk, u mhux l-anqas
fil-ħajjiet ta’ qdusija li wasslu lil Maltin
biex jagħtu lilhom infushom għall-ġid
tal-oħrajn. Fost dawn irridu ninkludu lil
Dun Ġorġ Preca li jien kelli l-pjaċir
nikkanonizza kważi tliet snin ilu (3 ta’
Ġunju, 2007). Nistedinkom ilkoll biex
issejħu l-interċessjoni tiegħu biex din l-ewwel
żjara pastorali tiegħi fostkom tħalli frott
spiritwali.
Jien nistenna b’ħerqa li nitlob magħkom kemm
indum Malta u nixtieq niżgurakom, bħala
missier u bħala ħukom, mill-imħabba tiegħi
lejkom u mill-ħerqa tiegħi li maqsam magħkom
dan iż-żmien f’ambjent ta’ fidi u ħbiberija.
B’dawn il-ħsibijiet jiena nafdakom ilkoll
fil-ħarsien tal-Madonna ta’ Pinu u ta’
missierkom fil-fidi, l-Appostlu l-kbir San
Pawl.
Il-Mulej ibierek lill-poplu kollu ta’ Malta
u ta’ Għawdex!