DWAR IL-MESSAĠĠI
MARJANI
LI JIRREFERU GĦAL
DIŻASTRI
NATURALI
Mons. René Laurentin -
Teologu u Mariologu Franċiż
Fid-dawl tad-diversi dehriet tal-Verġni Marija,
li uħud minnhom kienu aċċettati mill-Knisja, u
fid-dawl ukoll tal-bosta messaġġi allegatament
Marjani u li joħorġu minn diversi partijiet tad-dinja
u li jitkellmu dwar diżastri naturali, huwa
tajjeb li wieħed jifli sewwa r-riflessjoni tat-Teologu
u Mariologu Franċiż, Monsinjur Rene’ Laurentin.
Fil-ktieb tiegħu,
The Apparitions of the Blessed Virgin Mary Today,
p. 123-127, huwa kiteb hekk:-
“Id-dehriet tal-lum, bħal dawk tal-imgħoddi,
huma fl-istess ħin messaġġ profetiku u proposta
mill-Vanġelu. Dil-proposta taf tkun ripetuta sa
ma tinħass vojta wkoll. Smajnieha qabel.
Iġġegħilna nħarsu bis-serjetà lejn realtà li
ttraskurajna u nsejna, għax fil-każ tagħna spiss
dak li hu urġenti issa jieħu l-post ta’ dak li
hu essenzjali.
Il-messaġġ tad-dehriet, l-ewwelnett joffrilna
eżami: id-dinja tal-lum intelqet bla kedda u bla
nkwiet għad-dnub. Qed teqred lilha nnifisha. It-theddida
hija tassew serja. Dan hu li qed jgħidu d-dehriet
b’diversi modi: daqqa b’lingwaġġ maħsub biex
jaħsad lil dak li jkun u daqqa b’lingwaġġ li
jaħbi u oskur...
Id-dehriet irattbu u sa ċertu punt iħaffu l-qawwa
ta’ meta jixxandru theddidiet li jkunu waslu
biex iseħħu... għax l-intenzjoni mhix biex
tbeżża’ lin-nies jew li tagħmilhom aktar anzjużi,
iżda biex tistedinhom imorru lura lejn l-għajn
li tfejqilhom id-dnewwa u l-ansjetajiet...
Id-dnub hu l-għerq tal-ħażen (insult għal Alla u
qerda tal-bniedem)... Id-dnub tagħna jeqred l-ordni
u l-ekoloġija tal-ħolqien ta’ Alla. Aħna
niżviluppaw kif ukoll inħassru lid-dinja li
fuqha nsaltnu. L-ekoloġisti dan jafuh fuq
il-livell tar-rittmi naturali tad-dinja. Iżda l-livell
morali u reliġjuż mhux mogħti biżżejjed
attenzjoni.
Dan hu dak li jżomm lill-ħolqien u lill-bnedmin
f’bilanċ fir-relazzjoni essenzjali tagħhom mal-Ħallieq.
Mingħajr dan
il-bilanċ hemm ir-riskju li neqirdu lilna nfusna.
Fl-isforz biex naqtgħu lilna nfusna ’l hemm
mill-Ħallieq inkunu qisna wieħed li jisserra l-fergħa
stess li qiegħed ipoġġi fuqha.
Dan il-bilanċ morali u divin fl-aħħar mill-aħħar
huwa l-aspett l-aktar importanti... Id-dnub,
peress li jeqred irrelazzjoni bejn il-ħlejqa u
l-Ħallieq, jeqred lill-ħlejqa stess. Id-dnub
iferina fuq livell fiżiku, f’ġisimna, fuq livell
spiritwali, kif
ukoll jeqred lid-dinja. L-evidenza ta’ dan hija
ċara daqs il-jum.
Xejn minn dan ma hu vendetta mixħuta fuqna, iżda
hi biss il-konsegwenza li hemm fl-iżbalji umani
stess. Il-qerda tagħna nfusna hija forma ta’ ġustizzja li toħroġ
mill-aġir ħażin tagħna stess. M’huwiex Alla l-awtur
tal-ħażin li jiġrilna. Aħna stess l-awturi ta’
dan. M’għandniex ninsew ukoll li minħabba l-għaqda
li hemm bejn il-bnedmin, il-ħażin
jeffettwa saħansitra lill-innoċenti.”
Mons. René Laurentin fil-ktieb:
The Apparitions
of the Blessed Virgin Mary Today, p. 123-127.
|