L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Maria Voce, President tal-Moviment tal-Fokolari waqt żjara f'Malta

Maria Voce president tal-Moviment tal-Fokolari flimkien ma' L-Arċisqof ta' Malta Charles J. Scicluna fi tmiem laqgħa fl-Istitut Kattoliku, 05/05/2017.

 

 

Ċelebrazzjoni tal-40 Anniversarju  tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana.  

Il-Ġimgħa, 5 ta’ Mejju, 2017

           

 

Djalogu jew djalogi?  Stil ta’ Ħajja

 

Maria Voce

 

President tal-Moviment tal-Fokolari

 

 

Eminenzi, Eċċellenzi, Awtoritajiet reliġjużi u ċivili, Sinjuri,

Ħuti,

 

L-ewwelnett nirringrazzja lir-Rev. Professur Hector Scerri u lill-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana għall-istedina tagħhom. Insellem ukoll lill-membri tal-Kunsill Ekumeniku Malti. Ninnota b’ferħ kemm hu ħaj hawn Malta l-impenn għall-kawża ekumenika u kemm nies ħadmu u ddedikaw ruħhom matul is-snin biex jintisġu rapporti kostruttivi bejn Insara ta’ Knejjes u komunitajiet ekkleżjali differenti, li huma bosta fil-gżira.

Nixtieq noffri l-preżentazzjoni tat-tema: ‘Djalogu jew djalogi? Stil ta’ ħajja’ biex flimkien magħkom ilkoll niċċellebraw bi gratitudni l-40 sena li ilha mwaqqfa l-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana.

 

Fid-dinja globalizzata u interdipendenti tallum, id-djalogu jidher bħala t-triq waħdanija biex l-umanità tista’ tgħix. Il-bnedmin, jew jiġġieldu kontra xulxin sakemm jeqirdu lil xulxin, inkella jiddjalogaw bejniethom; huwa biss il-ftuħ għal xulxin u d-djalogu li jnisslu u jwasslu għall-ħajja, għax is-sisien ta’ kull azzjoni jkun l-għarfien li l-bnedmin huma aħwa ta’ xulxin, ulied Alla. Inħoss li l-Ispirtu s-Santu qed iqanqal lill-Knejjes tagħna, xi ftit kullimkien, biex jimxu f’din id-direzzjoni: biex niddjalogaw ħalli niksbu mill-ġdid dik l-għaqda li maż-żmien inkisret, u biex, bħala nsara, nagħtu quddiem id-dinja dik xhieda komuni skont it-talba ta’ Ġesù: “Missier ħa jkunu lkoll ħaġa waħda, biex id-dinja temmen” (ara Ġw 17).

 

Premessa

Nitlobkom tippermettuli nagħmel din il-premessa.

L-esperjenzi u r-riflessjonijiet tiegħi huma kollha frott tal-laqgħa tiegħi ma’ Chiara Lubich, fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari u mal-kariżma tagħha. Iltqajt magħha meta kont għadni żagħżugħa qed nistudja l-liġi f’università f’Ruma, u tant kont milquta mill--għixien awtentiku tagħha għal Alla u għal ħutha l-bnedmin, li mill-ewwel li ħassejt li għandi nimxi warajha fit-triq komunitarja tal-fokolar.

Il-kariżma ta’ Chiara Lubich, li hi magħrufa fil-Knisja Kattolika u li ħafna mexxejja tà Knejjes oħra jħeġġu għaliha, welldet spiritwalità, li spiss hi definita bħala spiritwalità tal-unita’ jew spiritwalità ta’ komunjoni. Meta fl-1997 saret it-Tieni Assemblea Ekumenika Ewropea fi Graz, din l-ispiritwalità ġiet imsejħa wkoll spiritwalità ekumenika.

Il-lejla qed nitkellem bħala xhud għax, matul is-snin li għext  qrib Chiara u fit-tmien snin li ili President tal-Moviment tal-Fokolari, rajt tinxtered din il-kariżma li Alla waqqaf biex tagħti s-sehem tagħha ħalli jseħħ it-Testment ta’ Ġesù.

 

L-esperjenza ekumenika personali

Ġejja minn familja Kattolika tradizzjonali, min-naħa t’Isfel tal-Italja, fejn l-għadd ta’ nsara mhux Kattoliċi kien relattivament ftit. Fil-pajjiż fejn kont noqgħod jien, meta kont tisma’ lil xi ħadd jitkellem dwar dawn l-insara, ġeneralment kien ikun b’mod negattiv. Bħaż-żgħażagħ l-oħra ta’ żmienni, jien ukoll kbirt b’ċertu attaġġament ta’ nuqqas ta’ fiduċja fihom u kont konvinta li għandi nevithom.

Meta ltaqt mal-kariżma tal-unità ta’ Chiara Lubich rajt jinfetaħ quddiemi orizzont għal kollox ġdid: Alla hu mħabba, Alla hu Missier ta’ kulħadd, u l-Iben tiegħu Ġesù, il-Kelma li saret bniedem, għallimna l-kejl tal-imħabba trinitarja, imħabba universali, imħabba li ma tagħmilx preferenzi. Dan kollu bidel ħajti ta’ taħt fuq.

Fis-snin ’60, meta Chiara kienet bdiet kuntatt ma’ xi nsara membri tal-Fraternità tal-Ħajja Komuni fil-Ġermanja, l-esperjenza tagħha fetħet din ir realtà għalija wkoll. Konna tassew milquta meta skoprejna kemm l-Insara tar-Riforma jisħqu fuq l-għixien tal-Kelma: jafu bl-amment parti sew mill-Iskrittura u japplikawha għall-ħajja tagħhom ta’ kuljum, kif nippruvaw nagħmlu anki aħna fil-Moviment tal-Fokolari. L-innijiet tagħhom mhux biss jesprimu għaqda profonda ma’ Alla, imma jelevaw lir-ruħ. Bdew jaqgħu l-preġudizzji u bdejna niskopru li aħna aħwa fi Kristu.

Bil-mod il-mod bdejna nsiru nafu aktar lil xulxin. Fl-1965 il-Moviment tal-Fokolari u din il-Fraternita’ li semmejtilkom – bi qbil mal-awtoritajiet ekkleżjastiċi taż-żewġ naħat -  iddeċidew li jwaqqfu l-belt żgħira ta’ Ottmaring fil-Ġermanja, fejn sallum stess Kattoliċi tal-Moviment tal-Fokolari u Evanġeliċi ta’ din il-Bruderschaft (il-Fraternita’) jagħtu xhieda komuni, li qed tħalli l-frott, filwaqt li kull wieħed minnhom jibqa’ ankrat mal-spiritwalità tiegħu u mal-Knisja tiegħu. Hawnhekk, kuljum issir nofs siegħa ta’ talb flimkien għall-għaqda fost l-insara u dan ilu jsir għal aktar minn 50 sena.

Waqt il-Konċilju Vatikan II, li kien wassal il-Knisja Kattolika biex tidħol uffiċjalment fil-moviment kbir ekumeniku, l-aktar permezz tad-digriet fuq l-ekumeniżmu, Unitatis Redintegratio, Chiara Lubich kienet għamlet kuntatt ma’ xi osservaturi minn Knejjes oħra, fosthom il-Kanonku Anglikan Bernhard Pawley, it-teologu Riformat-Svizzeru Lukas Vischer, it-teologu Russu-Ortodoss Borovoy u oħrajn. Dawn baqgħu milquta mill-awtentiċità tal-ħajja mgħixa skont l-Evanġelju u xtaqu li l-kariżma tal-unità tinfirex ukoll fost il-Knejjes rispettivi tagħhom.

Fi Chiara u fina lkoll kompliet tikber il-konvinzjoni li Alla waqqaf il-kariżma tal-unità mhux biss għall-Kattoliċi, imma għall-Insara kollha. Kien il-Kardinal Agostino Bea - President tas-Segretarjat għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara - segretarjat li kien għadu kemm twaqqaf u li llum jissejjaħ Kunsill Pontfiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara - li ħeġġeġ u saħħaħ lil Chiara fl-ewwel kuntatti ekumeniċi tagħha.

 Hekk bdew sensiela ta’ laqgħat, dawk l-hekk imsejħa Ġimgħat Ekumeniċi, fejn Insara minn Knejjes  differenti jiltaqgħu kull sena u jaqsmu bejniethom l-esperjenzi dwar l-għixien tal-Kelma, speċjalment dwar il-Kmandament il-Ġdid ta’ Ġesù: “Bħalma  ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13,34).

Kibret il-ħtieġa li nsiru nafu sew lil xulxin, li naqsmu bejnietna d-doni tar-rikkezza spiritwali  li kull wieħed minna jġorr f’qalbu.

Bdejna niskopru  ħaġa wara l-oħra.  U kif jisħaq Papa Franġisku fl-eżortazzjoni Evangelii gaudium: “Hawn m’aħniex nitkellmu biss fuq li niksbu tagħrif fuq l-oħrajn biex insiru nafuhom aħjar, imma li nilqgħu dak li l-Ispirtu żera’ fihom bħala don għalina wkoll”.

Mill-1978 sal-1988, għext esperjenza tassew qawwija fil-belt antika ta’ Kostantinopli, li llum hi Istanbul fit-Turkija, waqt li kont responsabbli tal-fokolar hemmhekk.

Fit-13 ta’ Ġunju 1967 – dalwaqt ikunu  għaddew 50 sena minn din id-data – Chiara Lubich  kienet mistiedna biex tiltaqa’mal-Patrijarka ekumeniku ta’ dak iż-żmien, il-Patrijarka Athenagoras I.  Hu kien sama’ bi Chiara mingħand wieħed reliġjuż. Din kienet l-ewwel laqgħa minn 25 oħra li Chiara kellha ma’ din il-persuna daqshekk kariżmatika. Athenagoras stqarr li hu kien dixxiplu ta’ Chiara u xtaq li f’Kostantinopli jkun hemm fokolar.

Meta kont fit-Turkija, sirt naf aktar mill-qrib il-ġmiel u r-rikkeżża tal-ortodossija, speċjalment dik Griega. Skoprjet l-imħabba għall-Missirijiet il-Knisja, il-fedeltà lejn it-tradizzjoni, li mingħajrha din il-Knisja ma setgħetx tibqa’ sħiħa fis-sekli diffiċli tal-passat. Sirt naf personalment lill-Patrijarka Demetrios I, is-suċċessur tal-Patrijarka Athenagoras, li ġie jżurna waqt manifestazzjoni tal-Moviment tal-Fokolari u anki lill-Metropolita Bartolomeo, li illum hu l-Patrijarka ta’ Kostantinopli. Inħossha tassew grazzja li nbniet rabta ta’ stima u ta’ ħbiberija fraterna ma’ dan tal-aħħar. Japprezza ħafna l-ispiritwalità ta’ Chiara Lubich u qed ikompli jmexxi  fuq il-wirt spiritwali li ħallew dawk li ġew qablu. Mhux b’kumbinazzjoni aċċetta li jirċievi l-ewwel lawrja honoris causa fil-kultura tal-unità, li l-Istitut Universitarju tagħna Sophia offrilu f’Ottubru 2015, f’Loppiano, qrib Firenze.

 

Ma’ mexxejja ta’ Knejjes

Fl-aħħar snin, fil-vjaġġi li għamilt bħala President tal-Moviment tal-Fokolari, kelli l-pjaċir li nsir naf personalment diversi mexxejja ta’ Knejjes oħra; fosthom l-Arċisqof ta’ Canterbury, Dr. Rowan Williams tal-Knisja Anglikana;  l-Isqof Munib A. Younan, il-President tal-Federazzjoni Dinjija Luterana f’Ġerusalemm; is-segretarju ġenerali tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes: ir-Rev. Olav Fykse Tveit, u personalitajiet oħra.

Kienu laqgħat ta’ impatt spiritwali qawwi, ma’ bnedmin t’Alla, li f’dinja mifnija b’kunflitti u b’għeluq ġdid, għandhom tant għal qalbhom il-kawża tal-għaqda fost l-insara. Kull darba kienet okkażjoni ta’ kuraġġ ġdid biex inkomplu miexja ‘l quddiem f’kollaborazzjoni reċiproka filwaqt li npoġġu dejjem aktar l-ispiritwalità tagħna ta’ komunjoni għas-servizz tal-unità.

 

Ma’ membri ta’ Knejjes differenti li jagħmlu parti mill-Moviment

Insara minn Knejjes differenti xtaqu jieħdu sehem fl-ispiritwalità tal-unità u diversi ħassewhom imsejħa għall-vokazzjonijiet speċifiċi tal-Moviment. Dawn baqgħu jagħmlu parti mill-Knisja tagħhom, u spiss skoprew mill-ġdid l-għeruq rikki spiritwali tagħhom u komplew jissaħħu fihom.

Bejnietna (Kattoliċi, Anglikani, Luterani, Riformati, Ortodossi u membri tal-Knejjes Orjentali Ortodossi) hemm bosta diversitajiet  marbuta mal-kulturi tagħna, mal-postijiet mnejn niġu, mal-mod kif naħsbu u nesprimu ruħna. L-istorja tal-Knejjes tagħna mmarkatna u f’ċertu sens ikkundizzjonatna. B’danakollu, f’kull laqgħa tagħna jew fil-ħajja tagħna flimkien, nisperimentaw li jekk inwettqu dik l-imħabba  lejn xulxin li Ġesù jitlob minna f’San Ġwann 15,13 meta jgħid li “Ħadd  m’għandu mħabba akbar minn dik: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”, aħna nkunu nistgħu naqsmu kollox, nistgħu nitolbu, nistgħu nbatu u nifirħu flimkien. U jseħħ dak il-buzzett ta’ poplu wieħed nisrani.

Iva, aħna konxji li l-unità hi rigal t’Alla li Ġesù talab għalih lill-Missier; mhijiex xi ħaġa li nistgħu nagħmluha aħna. Iżda meta nħobbu lil xulxin il-ħin kollu, jista’ jkun hemm dawk il-kundizzjonijiet li jwasslu biex Ġesù stess ikun jista’ jgħammar fostna kif wiegħed fl-Evanġelju: “Fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f’ismi, hemm ninsab jien f’nofshom” (Mt 18.20).

 

Djalogu jew djalogi?

Id-djalogu mhuwiex biss dak li jsir fuq livell ta’ laqgħat bejn nies ta’ diversi denominazzjonijiet, ta’ reliġjonijiet differenti jew nies mingħajr ebda twemmin reliġjuż. Id-djalogu ma jsirx bejn il-kulturi, imma bejn il-persuni.  Jew aħjar, id-djalogu ngħixuh.

 

Fl-Evanġelju nisimgħu li Ġesù ddjaloga kemm il-darba mal-appostli, man-nies li kien jiltaqa’ magħhom, ma’ ommu Marija, imma qabel kollox iddjaloga mal-Missier. U l-kliem li sama’ mingħand il-Missier, tahom lilna u daħħalna fil-ħajja tat-Trinità. Hu kkomunikalna l-istil tal-ħajja tiegħu. Aħna wkoll imsejħin biex ngħixu l-ħajja tagħna skont it-Trinità: Ġesù għallimna ngħidu: “kif fis-sema hekk hawn fl-art”.

Nifhmu allura li s-sisien tad-djalogu hu Alla, Alla Mħabba u missier tagħna lkoll, li jagħmilna lkoll ulied fl-Iben, ilkoll aħwa, ilkoll familja waħda.

 

Sa mill-bidunett, Chiara għamlet it-talba ta’ Ġesù “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” – li nistgħu ngħidu li hi “ Ħalli l-bnedmin kollha jkunu familja waħda” - il-motto ta’ ħajjitha u stednet miljuni ta’ nies fid-dinja kollha biex jimpenjaw ruħhom ħalli dan iseħħ. “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” hu l-għan speċifiku tal-Moviment  tal-Fokolar,  jiġifieri il-Moviment twieled  u jgħix għal dan.

 Dan id-djalogu, mgħejx fid-dimensjonijiet bla għadd tiegħu, hu aspett fundamentali għall-Moviment tal-Fokolari, xi ħaġa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha; anzi hu t-triq waħdanija b’tama ta’ suċċess għal dawk li jridu jagħtu sehemhom biex isseħħ il-fratellanza universali. Id-djalogu hu stil ta’ ħajja, kultura ġdida, li l-Moviment jista’ u jrid joffri lill-irġiel u n-nisa tallum.

Aħna  ġejna mħarrġa biex inħarsu lejn Alla bħala Missier ta’ kulħadd, u allura biex inħarsu lejn kull persuna li niltaqgħu magħha bħala iben jew bint Alla, u allura bħala ħija jew oħti. Dan urietulna Chiara stess, forsi mingħajr ma kienet konxja ta’ dak li kien ifisser, meta  fl-1947 kitbet lil sħabha u qaltilhom:

 Il-ħarsa tagħkom għandha tkun dejjem fuq il-Missier wieħed ta’ tant ulied. Imbagħad ħarsu lejn il-kreaturi bħala wlied tal-Missier wieħed.  Il-ħsieb u l-qalb iridu jmorru dejjem aktar ‘l hemm minn kull limitu tan-natura umana, u jeħtieġ  nagħmluha drawwa li nimmiraw il-ħin kollu lejn l-għan li l-bnedmin ikunu lkoll aħwa ta’ xulxin b’Missier wieħed: Alla”.

Jekk dan hu s-sisien, mela l-metodu tad-djalogu li Chiara tgħallimna ma jistax ma jkunx l-imħabba! Huwa djalogu bejn aħwa, mela djalogu bejn persuni, mhux bejn ideoloġiji jew sistemi t’ ħsieb.  Huwa djalogu li hemm bżonn ikun sostnut u sostanzjat mill-ħniena, mill-kumpassjoni, mill-imħabba, kif insibu miġbur fir-Regola tad-Deheb, li nsibuha f’kull kultura u reliġjon: insibuha fl-Evanġelju ta’ San Mattew, kapitlu 7, vers 12: “Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom”.

Fl-1970 Chiara fakkritna:

Mingħajr l-imħabba ma jkollniex id-dawl t’Alla, u d-djalogu, kull djalogu jsir sterili, ma jagħtix frott; isir diskursata, tpaċpiċ, kliem. Le! Id-djalogu jrid ikun imħabba; fil-ħajja tagħna  aħna ma nistgħux ħlief inħobbu għax huwa biss id-dawl tal-Ispirtu s-Santu  fina  li jista’ jgħinna biex inwieġbu, biex inkunu nafu niddjalogaw, biex nagħtu tweġiba eżatta, biex nibnu”.

 Meta npoġġu l-imħabba u l-ħniena, bħala bażi tad-djalogu, dawn mhux biss iwassluna biex naraw lil min ikun ħdejna f’dawl ġdid, imma jwassluna biex niskopru d-diversità bħala don, tkun liema diversità tkun.

Chiara kienet qalet: “Dak li jinsab maġenbi ġie  maħluq biex ikun don għalija u jien ġejt maħluqa biex inkun don għal min hu maġenbi. Fuq l-art, kollox hu maħluq f’rabta ta’ mħabba ma’ kollox: kull ħaġa ma’ kull ħaġ’oħra. Iżda jeħtieġ li nkunu Mħabba biex nagħrfu l-fil tad-deheb bejn il-ħlejjeq”.

 Fi żmienna l-mezzi ta’ komunikazzjoni qed iwasslu biex il-kuntatti jiżdiedu, imma qed isiru  qosra, jgħaddu malajr, huma nieqsa mis-sens, u jkissru jew inaqqsu r-rabtiet. Huwa biss meta  l-imħabba tidħol  fir-rabta  jiena-int, li tingħeleb id-dimensjoni li hi biss naturali u li l-kuntatti jkunu jistgħu jinbidlu f’relazzjonijiet, jiġifieri tkun tista’ tintiseġ  xibka  bejn persuni li huma  aħwa  tassew.

 

L-arti tal-imħabba  

Chiara Lubich għexet din hi l-imħabba u wasslet lil dawk li jieħdu l-ispirazzjoni tagħhom minnha biex jittieħdu minnha wkoll.

L-imħabba ta’ Kristu mhijiex imħabba kwalunkwe, imma hi arti; Chiara tkellmet dwar “l-arti tal-imħabba” u ġabritha f’xi punti fundamentali: 

Inħobbu lil kulħadd: jiġifieri ma nammettux diskriminazzjoni.  Inħobbu mhux biss lil dawk li jiġu minna u lil ħbiebna, imma lil kulħadd: lil bojod  u suwed, lil dawk  ta’ pajjiżna u lill-barranin, lill-ħbieb u lill-għedewwa, lis-sinjuri u lill-foqra, lil min hu importanti u lit-tallab, lil min jistqarr ir-reliġjon tagħna, li min għandu reliġjon oħra  u anki lil min ma jemmenx.

Inħobbu dejjem: din hi mħabba li ma tammettix  waqfien, ma tieqafx, ma tintefiex, ma tonqosx. Imma tqanqlek biex tħobb il-ħin kollu.

Inħobbu aħna l-ewwel: din l-imħabba dejjemlesta li tieħu l-inizjattiva, ma tistenniex li tkun maħbuba jew li jkun hemm tweġiba għaliha.

“Insiru ħaġa waħda mal-oħrajn”: f’dan il-kliem Chiara ġabret punt ieħor.  Fihom hemm  dak li jgħid San Pawl: “Sirt kollox ma’ kulħadd” ( ara 1Kor 9,22) u dan ifisser li tidħol b’mod profond fir-ruħ tal-persuna l-oħra; tismagħha sew, tifhem il-problemi u l-ħtiġijiet tagħha; taqsam magħha  t-tbatijiet li jkollha. Nistgħu ngħidu li b’ċertu mod issir il-persuna l-oħra.  U hekk il-proxxmu jħossu mifhum, aċċettat, megħjun.

 

Ġesù abbandunat

Kif ser nagħmlu biex ngħixu din l-arti li ma sserraħx fuq sentimenti jew proponimenti tajba, imma sserraħ fuq l-għixien tal-imħabba bil-kejl li jitlob Ġesù, jiġifieri li wieħed ikun lest li jagħti ħajtu.  Hemm xi ċavetta, xi sigriet li jwassalna nkunu dejjem aktar kapaċi ngħixu dan il-kejl?

Nafu li Ġesù, fil-passjoni u l-mewt tiegħu, ma ħassx biss tbatija fiżika, imma ġarrab quċċata tat-tbatija fl-għajta: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27,46).

Iżda Ġesù ntelaq mill-ġdid fil-Missier meta qal: “F’idejk nerħi ruħi” (Lq 23,46); hu għeleb dik it-tbatija kbira u b’hekk wassal lill-bnedmin fi ħdan il-Missier u għall-għaqda ta’ bejniethom.

Kif nistgħu ngħixu dan il-misteru ta’ Ġesù abbandunat-rxoxt? Kif ser jirnexxilna nkomplu meta fil-mixja ekumenika ma naqblux fuq il-kwestjoni tal-verità?

Hubertus Blaumeiser, it-teologu Ġermaniż  espert fl-ekumeniżmu u membru tal-Moviment jgħid: “L-unità fil-verità ma tistax tkun imposta minn “fuq”. U lanqas ma tista’ tkun imbuttata minn xi forma ta’ ultimatum.  Hu f’dan is-sens li l-Konċilju Vatikan II irrinunzja intenzjonalment  għal kundanni duttrinali. L-uniku mod biex twitti t-triq għall-unità fil-verità  hu li toqgħod għarkupptejk quddiem l-oħrajn f’attaġġament tal-ħasil ta’ riġlejn  aktar milli  dak tal-ħasil tal-moħħ. Xi drabi  dan jista’ jfisser li  jkollok titlef wiċċek  biex  forsi ssibu f’riġlejn l-oħrajn, u dan  ifisser ħafna paċenzja u umiltà. U qabel kollox irid ikollok xewqa kbira li trid il-ġid lill-oħrajn”.

Fl-ittra tiegħu lill-Filippin, l-appostlu Pawlu kiteb hekk: Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbaħ lill-bnedmin” (Fil 2,5-7).  B’din l-imġiba nkunu nistgħu nittrażmettu l-verità ta’ Kristu b’mod li jitwemmen. Kristu tbattal minn kollox, biex jagħti lilu nnifsu b’imħabba għalina. Ma nistgħux nikkontradixxu din il-verità bil-mod kif inġibu ruħna.

Blaumeiser ikompli jgħid: “Żgur li l-ekumeniżmu hu mixja ma’ Ġesù: mill-mewt għall-qawmien. Kristu ġġenera l-Knisja meta fuq is-salib ħa fuqu d-dnubiet tagħna lkoll u ħass l-abbandun mill-Missier, u minn dak l-abbiss fawwar l-Ispirtu”.

 

Fl-għajta tiegħu tal-abbandun, Ġesù ġabar it-tbatijiet kollha tal-bnedmin, il-firdiet kollha tad-dinja, il-wirt kollu tad-dnub tagħna. Għalhekk, għalina, il-laqgħa mat-tbatija, mal-problemi,  mad-diffikultajiet, jistgħu jsiru laqgħat ma’ Ġesù abbandunat u rxoxt. Huwa hu li jwassalna biex infittxu lil xulxin, biex inħobbu lil xulxin, biex nittamaw, biex nibqgħu hemm anki  meta il-ħidma, bħal dak tal-għaqda bejn l-insara, tista’ tidher iebsa u forsi naħslu naqtgħu qalbna.

L-unità titwieled hemm, fejn flimkien ma’ Ġesù, nippenetraw fil-pjaga tal-firda: meta ma nħallux id-delużjonijiet,  il-feriti jew fallimenti li jista’ jkun hemm, jaqtgħulna qalbna. L-unità tista’ tikber jekk meta niltaqgħu mad-diffikultajiet ma nħarbux minnhom, imma  flimkien ma’ Ġesù Msallab  nibqgħu  nipperseveraw, u nilqgħu lil xulxin ukoll meta dan jista’ jweġġa’. Hekk tista’ sseħħ bidla u jista’ jkun hemm qawmien.

 

Ġesù f’nofsna

Fil-25 ta’ Jannar li għadda, fi tmiem il-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-insara, Papa Franġisku qal: “Kif jgħallimna Ġesù, huwa biss meta nitilfu ħajjitna għall-imħabba tiegħu li nirbħuha tassew (ara Lq 9, 24). Hi r-rivoluzzjoni  li Pawlu għex,  imma hi r-rivoluzzjoni Nisranija ta’ dejjem: ma ngħixux iżjed għalina nfusna, għall-interessi tagħna u biex nidhru aħna, imma  ngħixu bħal Kristu, għal Kristu u skont hu,  ngħixu bl-imħabba tiegħu u fl-imħabba tiegħu”. Qal ukoll: “Rikonċiljazzjoni awtentika bejn l-Insara tista’ sseħħ meta nagħrfu d-doni ta’ xulxin u nkunu kapaċi, b’umiltà u ħlewwa, nitgħallmu minn xulxin – nitgħallmu minn xulxin –, bla ma noqogħdu nistennew lill-oħrajn jitgħallmu qabilna”.

Il-Papa temm jgħid: “Jekk ngħixu din il-mewt għalina nfusna minħabba f’Ġesù, l-istil qadim ta’ ħajjitna jsir ħaġa tal-passat u, kif ġralu San Pawl, nidħlu f’għamla ġdida ta’ ħajja u ta’ komunjoni”.

Chiara Lubich issejjaħ dan il-mod ġdid ta’ ħajja  u ta’ komunjoni: “Ġesù f’nofsna”. Dan il-kliem jirreferi għall-wegħda ta’ Ġesù li jkun preżenti fost dawk magħqudin f’ismu, jiġifieri fl-imħabba tiegħu (Mt 18,20). Qed nitkellmu dwar preżenza ta’ Ġesù li nistgħu tassew nisperimentawha – aħna sperimentajnieha ta’ spiss – kif sperimentawha, per eżempju, id-dixxipli ta’ Emmaus li qalu: “Ma kenitx imkebbsa qalbna huwa u jkellimna fit-triq?” Din il-preżenza tal-Irxoxt fost dawk li huma tiegħu hi deċiżiva għall-ekumeniżmu. 

F’Novembru tal-1996, f’laqgħa  li  Chiara  kellha ma’ aktar minn 1000 anglikani u kattoliċi flimkien, fil-Logan Hall f’Londra,  kien hemm esperjenza ta’ dan it-tip li qanqlet lil Chiara biex tgħid: “Jekk Kristu hu fostna, ukoll jekk aħna minn  Knejjes differenti, min jista’ jifridna?”

Minn dan il-waqt ta’ realta’ ekumenika fl-għixien tal-Kristjaneżmu, Chiara bdiet titkellem dwar tip ġdid ta’ ekumeniżmu, li sejħitlu ekumeniżmu jew djalogu “tal-poplu”. B’din l-espressjoni hi wriet b’mod ċar li kull nisrani hu msejjeħ biex jgħix l-għaqda, biex jagħti sehmu billi jħobb lill-proxxmu tiegħu fl-ambjent fejn jgħix, u mhux biss fl-ambjent ekkleżjali.  Meta nħobbu lil xulxin, ikun Kristu stess li jgħaqqadna, hi liema hi l-Knisja tagħna. 

 

Flimkien għall-Ewropa

Esperjenza  ta’ din ix-xorta  hi l-istorja affaxinanti ta’ “Flimkien għall-Ewropa”. Naf li anki hawn Malta saru xi attivitajiet marbuta  mal-ġrajjiet kbar li mmarkaw il-mixja ta’ din ir-realtà.

 Flimkien għall-Ewropa hi komunjoni u kollaborazzjoni bejn aktar minn 300 moviment u komunità minn  Knejjes differenti, li jinsabu mifruxa mal-kontinent kollu. L-għaqda ta’ bejniethom, fl-ispirtu tal-“ekumeniżmu tal-poplu”,  twassalna biex naraw buzzett ta’ Ewropa magħquda, li ma tagħmilx uniformità mid-diversità kbira tagħha, iżda li tagħti valur lill-varjetà ta’ identitajiet. “Flimkien għall-Ewropa” hija forza li tgħaqqad,  speċjalizzata  fil-bini ta’ pontijiet bejn l-identitajiet differenti. Fl-okkażjoni ta’ tmiem il-kariga tiegħu bħala President tal-Kunsill Pontifiċju  għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara, il-Kardinal Walter Kasper qal li “Flimkien għall-Ewropa” hi  t-tama  kbira tiegħu  għall-ekumeniżmu.

Ser nitkellem biss fuq tliet waqtiet li fuqhom hi mibnija  din ir-realtà u li jwassluk  biex tifhem din it-tama.

L-ewwel wieħed hu l-konverżjoni  mitluba mill-Evanġelju, pass li kull membru jrid jagħmlu personalment meta jiġi f’kuntatt ma’ kariżma u jingħaqad ma’ komunità jew moviment. Din il-konverżjoni hi importanti anki mil-lat ekumeniku. L-Unitatis Redintegratio, id-digriet tal-Konċilju Vatikan II dwar l-ekumeniżmu, f’numru 7 jgħid: “M’hemmx ekumeniżmu li jistħoqqlu dan l-isem mingħajr il-konverżjoni minn ġewwa”.

 

F’laqgħa li saret fis-sena 2000, il-150 mexxejja ta’ xi 60 għaqda minn Knejjes differenti għexu mument bażiku ieħor meħtieġ għall-komunjoni. Ġesù talab: “Missier, ħa jkunu lkoll ħaġa waħda...biex id-dinja temmen”(Ġw 17, 21); mela l-għaqda bejn l-Insara hi meħtieġa  biex in-nies jiltaqgħu ma’ Alla.

 F’atmosfera spiritwali profonda, dawk preżenti għal din il-laqgħa ħassewha din ir-responsabbiltà u wasslithom b’mod l-aktar spontanju għal rikonċiljazzjoni. Wara talba komuni,  f’daqqa waħda qam wieħed kattoliku u quddiem kulħadd talab maħfra għall-preġudizzji li kellu kontra l-Luterani. Wara ftit ħin ta’ skiet, qam Luteran, ħafer  lil dan il-Kattoliku, anki f’isem l-Evanġeliċi preżenti, u mbagħad bid-dmugħ f’għajnejh  talab maħfra lill-Pentikostali  talli ma kienx tkellem tajjeb dwarhom. U hekk għamlu oħrajn  għal nofs siegħa sħiħa, b’mod spontanju, mingħajr tmexxija ta’ ħadd. Dik in-nofs siegħa kienet  esperjenza   ta’ fejqan u ħelsien  għal min jaħfer u għal min ikun maħfur.

Dakinhar saret ħaġa ovvja għal kulħadd li mingħajr rikonċiljazzjoni vera ma nistgħux nagħmlu l-mixja lejn l-unità. U din ir-rikonċiljazzjoni għadha sallum tikkaratterizza l-komunjoni bejn il-movimenti.

 Tant hu hekk li wieħed mill-iskopijiet ewlenin tal-manifestazzjoni “Flimkien għall-Ewropa” li saret is-sena l-oħra fi Munich, bi tħejjija għat-tifkira tal-500 mitt sena mir-Riforma, kien propju li joffri esperjenza  ta’ vera rikonċiljazzjoni li twassal għall-għaqda fost il-Knejjes u fis-soċjetà.  Numru sabiħ ta’ isqfijiet kienu preżenti għal din il-ġrajja.

It-tielet mument bażiku kien il-patt tal-imħabba lejn xulxin,  mhux biss bejn individwi imma wkoll bejn il-Movimenti u l-komunitajiet. Dan il-patt sar fit-8 ta’ Diċembru  2001 u ma kienx parti mill-programm tal-laqgħa li għaliha kien hemm 700 diriġenti ta’ Movimenti u komunitajiet ta’ knejjes differenti. Dan seħħ grazzi għall-esperjenza qawwija tal-preżenza ta’ Ġesù kif insibu f’San Mattew 18,20. U bl-intenzjoni li kull wieħed jieħu r-responsabbiltà li jagħti sehmu għall-għaqda fost l-insara billi jpoġġi l-kmandament il-ġdid ta’ Ġesù  bħala l-bażi għal dak kollu li jsir taħt it-titlu ta’ “Flimkien għall-Ewropa”. Dan il-patt jiġġedded f’kull laqgħa li jkollha x’taqsam ma’ “Flimkien għall-Ewropa”.

 

Dikjarazzjoni ta’ Ottmaring

Wara dak li ġara f’Lund fil-31 ta’ Ottubru 2016 meta Papa Franġisku u l-Isqof Munib Younan, President tal-Federazzjoni Dinjija Luterana kkommemoraw flimkien il-bidu tal-500 sena tar-Riforma, din is-sena ħassejt li kelli nagħti spinta ġdida lill-impenn ekumeniku li jikkaratterizza l-Moviment tagħna.

F’Lund assistejna għal ġest importanti li sar  minn dawk li jinsabu fl-ogħla kariga ta’ responsabbiltà. Il-firma tad-Dikjarazzjoni li saret miż-żewġ naħat titlob li tikber il-fiduċja reċiproka u li jkun hemm xhieda komuni tal-messaġġ evanġeliku biex nuru l-imħabba t’Alla lill-bnedmin. Iżda jekk il-ġrajja ta’ hemmhekk ma twassalx għall-ħajja konkreta fil-komunità, allura din tibqa’ biss tifkira storika li ma tħalli ebda effett fuq is-sitwazzjonijiet  tallum.

Fi Frar kelli l-opportunità li nkun  ġimgħa fil-belt żgħira ta’ Ottmaring fil-Ġermanja flimkien mal-Kunsill Ġenerali kollu tal-Moviment tal-Fokolari.

Kif ġa semmejt fil-bidu, f’Ottmaring hemm xhieda ekumenika permanenti ta’ żewġ komunitajiet li ilhom jgħixu hemm sa mill-1968; waħda twieldet fil-Knisja Kattolika u l-oħra fl-ambitu evanġeliku; it-tnejn li huma b’partiċipanti  ta’ Knejjes differenti. U xtaqt li propju hemmhekk nistieden lill-membri u lill-ħbieb kollha tal-Moviment għal diskursata  mill-qalb.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Ottmaring  li ppubblikajt f’dawk il-ġranet tixtieq tgħinna naħsbu b’mod ekumeniku: tfakkarna  li kull wieħed minn ħutna li niltaqgħu miegħu,  sew jekk hu fil-Knisja tagħna u anki jekk jagħmel parti  minn xi Knisja oħra, dan hu parti mill-ġisem ta’ Kristu,  parti minn dak il-ġisem li Kristu ta ħajtu għalih. Il-Moviment tal-Fokolari qed jieħu dan l-impenn assolut u jrid li jwasslu biex jinfed f’kull dimensjoni tal-ħajja  tal-bniedem tallum.

 

L-ekumeniżmu hu neċessità għal kull żmien. Jeħtieġ li javanza. Għax  iwieġeb għal dik il-ħtieġa ta’ Alla li kulħadd iħoss, forsi wkoll mingħajr ma jinduna. Jekk in-nies ikollhom l-okkażjoni li jiltaqgħu ma’ Ġesu’  preżenti fost l-insara li jinħabbu bejniethom, titwieled fihom il-fidi, jibdlu l-mod kif  iġibu ruħhom, ifittxu l-paċi u soluzzjonijiet ta’ ġustizzja, u jimpenjaw ruħhom għas-solidatjetà fost il-ġnus. 

Id-dinja tkun tista’ tiltaqa’ ma’ Alla biss jekk aħna l-insara nkunu magħqudin bejnietna. Inkella nkunu qed nagħmlu ommissjoni gravi.

 

It-text tad-Dikjarazzjoni ta’ Ottmaring bgħatnieh ukoll lir-responsabbli tal-Knejjes biex nagħtu aktar tama fil-mixja lejn l-unità.

 

Eminenzi, Eċċellenzi, Awtoritajiet reliġjużi u ċivili, Sinjuri, Ħuti,

Grazzi, grazzi tassew,li tajtuni l-okkażjoni li nkun magħkom u li smajtuni b’qalb miftuħa.

Nawgura minn qalbi lill-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana u flimkien magħkom nirringrazzja lil Alla għas-sehem li tat, flimkien mal-Kunsill Ekumeniku ta’ Malta, matul dawn l-40 sena biex jissaħħaħ l-ispirtu tal-għaqda fost l-insara. 

Flimkien, nitolbu lil Maria, Omm il-Bnedmin kollha u Omm il-Knisja, li tkun magħna, li tgħinna u tagħmlilna l-kuraġġ fil-mixja ekumenika sabiex isseħħ it-talba ta’ Ġesù “ Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17,21).