KELMA TAL-ĦAJJA

O T T U B RU 2 019 | Ħ AR Ġ A 1910

 

 

“ĦARES BIL-GĦAJNUNA TAL-ISPIRTU S-SANTU LI JGĦAMMAR FINA T-TEŻOR SABIĦ LI KIEN AFDAT F’IDEJK” (2 TM, 1, 14).

 

Din hi silta minn kitba ta’ San Pawl lil Timotju, “ibni tassew fil-fidi” 1, li kien jaħdem miegħu fix-xandir tal-Vanġelu u li kien fdalu l-komunità ta’ Efesu.

Pawlu, li kien qed iħoss ruħu qrib it-tmiem ta’ ħajtu, beda jagħmel kuraġġ `il Timotju biex isaħħu fl-impenn tiegħu ta’ gwida. Timotju kien rċieva “għana prezzjuż”: il-fidi nisranija kif wassluha l-appostli stess, u issa kellu r-responsabbiltà li jxandarha b’fedeltà sħiħa lill- ġenerazzjonijiet il-ġodda.

 

Għal Pawlu dan kien ifisser li Timotju ried jieħu ħsieb id-don li rċieva u juri s-sbuħija tiegħu, u li kellu jkun lest anki li jagħti ħajtu biex iwassal l-aħbar sabiħa tal-Vanġelu.

Pawlu u Timotju rċevew l-Ispirtu s-Santu li kien dawl u garanzija fix-xogħol siewi tagħhom ta’ rgħajja u ħabbara tal-Vanġelu. Bix-xhieda tagħhom u ta’ dawk li ġew warajhom, din l-aħbar waslet għandna wkoll.

 

“ĦARES BIL-GĦAJNUNA TAL-ISPIRTU S-SANTU LI JGĦAMMAR FINA T-TEŻOR SABIĦ LI KIEN AFDAT F’IDEJK”.

 

Bl-istess mod, kull nisrani għandu “missjoni” x’jaqdi fil-komunità soċjali u reliġjuża li jgħix fiha: jibni familja magħquda, jgħallem liż-żgħażagħ, jimpenja ruħu fil-politika u x-xogħol, jieħu ħsieb il-batuti, idawwal il-kultura u l-arti bl-għerf u l-għixien tal-Vanġelu, jikkonsagra ruħu `l Alla fil-qadi ta’ ħutu l-bnedmin.

 

Anzi, skont dak li Papa Franġisku qal liż-żgħażagħ, “[...] kull raġel u mara huma missjoni [...]” 2. Il-Knisja Kattolika pproklamat ix-xahar ta’ Ottubru bħala “xahar missjunarju straordinarju”. Din tista’ tkun għalina okkażjoni biex inġeddu l-impenn tagħna u nagħtu xhieda tal-fidi tagħna b’qalb miftuħa dejjem aktar għal dik l-imħabba tal-Vanġelu li tilqa’, tiltaqa’ u tiddjaloga mal-oħrajn 3.

 

“ĦARES BIL-GĦAJNUNA TAL-ISPIRTU S-SANTU LI JGĦAMMAR FINA T-TEŻOR SABIĦ LI KIEN AFDAT F’IDEJK”.

 

Kull nisrani hu “tempju” tal-Ispirtu s-Santu, li jagħtina dak li neħtieġu biex niskopru u nħarsu “t-teżori” li ġew fdati lilna, inkabbruhom u nwassluhom lill-oħrajn. L-ewwel fost dawn it-teżori hu t-twemmin tagħna fil-Mulej Ġesù. Jeħtieġ li aħna l-insara nqajmu fina l-fidi u nsaħħuha bit-talb, biex imbagħad inwassluha lill-oħrajn bix-xhieda ta’ mħabbitna.

Saċerdot li għadu kif ġie ordnat jirrakkonta: “Ġejt inkarigat nieħu ħsieb il-fidili ta’ knisja kattolika kbira f’belt fil-Brażil. L-ambjent soċjali hu diffiċli ħafna u sikwit niltaqa’ ma’ nies li m’għandhomx identità reliġjuża definita, iżda jieħdu sehem fil-quddiesa kif ukoll f’ċerimonji antiki tradizzjonali. Naf li hu dmir tiegħi nwassal il-fidi nisranija b’fedeltà lejn il-Vanġelu, iżda nixtieq li fil-parroċċa kulħadd iħossu milqugħ. Ħsibt li biex nagħti valur lill-għeruq kulturali ta’ dawn in-nies, iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tkun bħal festa animata bi strumenti mużikali tipiċi tal-kulturi tagħhom. Din hi sfida impenjattiva, imma tferraħ lil kulħadd għax, minflok ma tifred il-komunità, iġġib lil kulħadd flimkien u tgħaqqadna f’dak li hu tagħna lkoll: il-fidi f’Alla li hu għajn ta’ ferħ”.

 

“ĦARES BIL-GĦAJNUNA TAL-ISPIRTU S-SANTU LI JGĦAMMAR FINA T-TEŻOR SABIĦ LI KIEN AFDAT F’IDEJK”.

 

Teżor ieħor ta’ valur mill-aktar kbir li tana Ġesù nnifsu hu l-kelma tiegħu, li hi kelma t’Alla.

Dan ir-rigal “[...] jitfa’ fuqna responsabbiltà kbira [...]. Alla tana l-kelma tiegħu biex aħna nħaddmuha hekk li hi tagħti l-frott. Hu jrid jara sseħħ f’ħajjitna u f’dak kollu li nagħmlu fid-dinja dik il-bidla profonda li hi għandha l-ħila twettaq. [...]. Mela kif għandna ngħixu din il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar? Għandna nħobbu l-kelma t’Alla u nfittxu li nsiru nafuha dejjem aħjar, u fuq kollox għandna ngħixuha b’ġenerożità kbira, biex issir tabilħaqq l-ikel ewlieni tal-ħajja tar-ruħ tagħna, dik li tmexxi l-kuxjenza tagħna u tiggwidana fl-għażliet u f’kull ma nagħmlu. [...] Fil-kuxjenzi tan-nies hemm ħafna taħwid, u kollox qed isir relattiv u mċajpar. Meta ngħixu l-kelma t’Alla mhux biss nilqgħu kontra dan il-periklu serju imma, skont il-kliem stess li qal Ġesù u li jfisser ħafna (ara Mt 5, 15-16), aħna nsiru bħal imsiebaħ mixgħula li bid-dawl tagħhom jgħinu lill-oħrajn isibu t-triq it-tajba u jimxu fiha” 4.

Letizia Magri

 

1: 1 Tm 1, 2.

2: Ara FRANĠISKU, Messaġġ għall-ġurnata missjunarja dinjija 2018.

3: Għal aktar informazzjoni, ara www.october2019.va.

4: C. Lubich, Parola di Vita ottobre 1991, in eadem, Parole di Vita, a cura di Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5, Città Nuova, Roma, 2017), p. 486.