IL-KELMA TAL-ĦAJJA

MEJJU 2019

 

 

“IS-SLIEM GĦALIKOM! KIF IL-MISSIER BAGĦAT LILI,

 

HEKK JIENA NIBGĦAT LILKOM” (ĠW 20,21).

 

Wara r-rakkont traġiku tal-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib, li ħakmet lid-dixxipli b’tant biża’ li ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu, San Ġwann l-evanġelista jxandar aħbar li ħasdithom: Ġesù qam mill-mewt u reġa’ lura fost ħbiebu! Fil-fatt, nhar Ħadd il-Għid, Ġesù Rxoxt deher lil Marija ta’ Magdala. Dak in-nhar stess filgħaxija deher ukoll lil xi dixxipli oħra li kienu magħluqin ġewwa għax ħassewhom mitlufin u telliefa.

 

Ġesù mar ifittixhom u ried jerġa’ jiltaqa’ magħhom. Mhux importanti li kienu ttradewh u li ħarbu quddiem il-periklu; meta dehrilhom urihom is-sinjali tal-passjoni: idejn u sider feruti, minfudin, kollhom ġrieħi bil-kefrija tas-salib. L-ewwel ħaġa li qalilhom kienet tislima ta’ paċi, li hu tassew don li jinżel f’ruħna u jibdlilna ħajjitna.

 

Kien dak il-ħin li d-dixxipli fl-aħħar għarfuh u reġgħu mtlew bil-ferħ. Ħassewhom imfejqa, imfarrġa, imdawla; kienu mill-ġdid mal-Imgħallem u Alla tagħhom.

 

Imbagħad Ġesù Rxoxt fdalhom f’idejhom, huma li kienu nies daqshekk dgħajfa, biċċa xogħol mill-aktar impenjattiva: li joħorġu fit-toroq u jwasslu mad-dinja kollha l-aħbar il-ġdida tal-Vanġelu, kif Hu stess kien għamel. X’kuraġġ! Ġesù wera fiduċja sħiħa fihom kif il-Missier kien wera fiduċja fiH.

 

Fl-aħħar, San Ġwann iżid jgħid li Ġesù “nefaħ fuqhom”. Dan ifisser li Hu qasam magħhom l-istess qawwa li kellu fih, l-istess Spirtu ta’ mħabba li jġedded il-qlub u l-imħuħ.

 

“IS-SLIEM GĦALIKOM! KIF IL-MISSIER BAGĦAT

 

LILI, HEKK JIENA NIBGĦAT LILKOM”.

 

Matul ħajtu Ġesù għadda mill-istess mumenti li ngħaddu minnhom aħna: għex il-ferħ tal-ħbiberija, it-tbatija tat-tradiment, l-impenn fix-xogħol u l-għejja fil-vjaġġi tiegħu. Hu jaf aħna x’insarrfu, jaf il-limiti tagħna, it-tbatijiet u l-fallimenti li ngħaddu minnhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Iżda meta ngħaddu minn dawn il-mumenti ta’ dlam, meta ningħalqu fina nfusna, Hu jibqa’ jfittex `il kull wieħed u waħda minna, jibqa’ jemmen fina, kif għamel mad-dixxipli li nħbew f’kamra mudlama.

 

Ġesù Rxoxt jistedinna biex flimkien miegħu nagħmlu esperjenza ta’ ħajja ġdida u ta’ paċi, biex imbagħad din naqsmuha mal-oħrajn. Hu jibgħatna nagħtu xhieda tal-laqgħa tagħna Miegħu, jistedinna “noħorġu” barra minna nfusna, miċ-ċertezzi u mil-limiti tagħna, biex inkomplu l-istess missjoni li Hu kien irċieva mingħand il-Missier: iridna nwasslu l-aħbar li Alla hu Mħabba.

 


 

KELMA TAL-ĦAJJA | MEJJU 2019 | ĦARĠA 1905

 

“IS-SLIEM GĦALIKOM! KIF IL-MISSIER BAGĦAT

 

LILI, HEKK JIENA NIBGĦAT LILKOM”.

 

F’Mejju tal-2005 Chiara Lubich kellha dan xi tgħid fuq din il-Kelma tal-Ħajja:

 

“Illum il-kliem biss mhux biżżejjed. [...] L-aħbar tal-Vanġelu tħalli aktar frott jekk isserraħ fuq ix-xhieda tal-għixien tagħna, kif għamlu l-ewwel insara li setgħu jgħidu: ‘Inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna...’ 1. Kemm ikun jiswa jekk fuqna wkoll jgħidu bħalma ntqal fuqhom: ‘Ara kemm jinħabbu, u kull wieħed lest li jmut għall-ieħor’ 2. Kemm ikun jiswa jekk inħobbu b’mod konkret billi ngħinu `l min hu fil-bżonn, nagħtu ikel, ħwejjeġ, djar `il min m’għandux, noffru ħbiberija `l min jinsab waħdu jew iddisprat u għajnuna `l min għaddej minn mumenti diffiċli. B’hekk inkunu xhieda lid-dinja ta’ dik il-hena li jnissel fina Ġesù, u billi Kristu jitnissel fina, aħna nagħtu sehemna biex tkompli sseħħ il-ħidma tal-fidwa tiegħu” 3.

 

“IS-SLIEM GĦALIKOM! KIF IL-MISSIER BAGĦAT

 

LILI, HEKK JIENA NIBGĦAT LILKOM”.

 

Aħna wkoll nistgħu mmorru nfittxu `l Ġesù f’ħutna l-bnedmin li qed jgħixu fil-ħabs tat-tbatija u s-solitudni. Filwaqt li nuruhom rispett, aħna nistgħu noffru lilna nfusna biex inkunu l-wens fil-mixja ta’ ħajjithom ħalli jiksbu l-paċi li jagħti Ġesù, kif qed tagħmel Maria Pia flimkien ma’ ħbiebha li huma impenjati f’ċentru ta’ servizz għall-immigranti fin-naħa t’isfel tal-Italja. Fuq wiċċ dawn l-immigranti tista’ taqra stejjer ta’ tbatija, gwerer u vjolenza li għaddew minnhom.

 

“Jien x’qiegħda nfittex?”, stqarret Maria Pia. “Jiena qed infittex lil Ġesù li jagħti sens `il ħajti u naf li nista’ nagħrfu u niltaqa’ miegħu l-aktar fil-ġrieħi ta’ ħuti l-bnedmin”. U żżid tgħid: “L -Għaqda tagħna toffri korsijiet tat-Taljan u għajnuna biex isibu dar u xogħol, u nfittxu li ngħinuhom f’dak li jkollhom bżonn. Għidnielhom li aħna lesti ngħinuhom anki spiritwalment u kien hemm xi nisa Ortodossi li jiġu biex jitgħallmu t-Taljan li tant laqgħu bil-ferħ din l-għajnuna tagħna. Sirna nafu li f’ċentru tal-immigranti kien hemm ukoll xi nsara tal-Knisja Evanġelika Battista. Ftehimna mal-kappillan ta’ din il-Knisja u bdejna nwassluhom kull nhar ta’ Ħadd għas-servizz li jsir fil-knisja tagħhom, li tinsab xi ftit kilometri `l bogħod. Minn din l-imħabba konkreta bejn l-Insara twieldet ħbiberija li kompliet tissaħħaħ anki b’laqgħat kulturali, diskussjonijiet u kunċerti. Sibna li aħna “poplu” li qed ifittex u jsib toroq ġodda ta’ għaqda fid-diversità, biex nagħtu xhieda quddiem kulħadd tas-Saltna t’Alla”.

 

Letizia Magri

 

1:  1 Ara 1 Ġw 1,1.

2:  Tertulliano, Apologetico, 39,7

3:   C. Lubich, Kelma tal-Ħajja Mejju 2005, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5, Città Nuova, Ruma 2017), pp.750-751.

 

 

ĊENTRU TAL-MOVIMENT TAL-FOKOLARI

‘Stellaelise’, Triq il-Ħuttaf, Kappara | t. 21 385 801 | e. focfmt@go.net.mt