Kelma tal-Ħajja

SETTEMBRU 2017 | ĦARĠA 1709

 

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mt 16, 24).

Ġesù kien fil-qalba tal-ħajja pubblika tiegħu; kien qed iħabbar li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib u jħejji biex imur Ġerusalemm. Id-dixxipli ta’ Ġesù ntebħu bil-kobor tal-missjoni tiegħu u għarfu li Hu kien il-mibgħut minn Alla li l-poplu ta’ Iżrael kien qed jistenna. Huma ttamaw li fl-aħħar kienu se jeħilsu mill-qawwa tal-imperu Ruman u li kien beda jżernaq jum ta’ dinja aħjar li jġib miegħu sliem u ġid. 

Iżda għal Ġesù dan kollu kien ħolm li ma kienx se jseħħ. Hu qalilhom b’mod ċar li l-vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm ma kienx se jwasslu għal xi rebħa kbira, imma li Hu kellu jkun miċħud mill-poplu, kellu jbati u jmut. Qalilhom ukoll li fit-tielet jum kien se jqum mill-mewt. Dan kien kliem diffiċli biex jifhmuh u jaċċettawh, tant li Pietru ħadha kontrih u wrieh li ma kienx se jaċċetta pjan daqshekk bla sens. Anzi, ipprova jġiegħel il Ġesù jbiddel fehmtu.

Wara li widdeb lil Pietru, Ġesù dar lejn id-dixxipli kollha u għamlilhom stedina li xxukkjathom:

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja”.

B’dan il-kliem, Ġesù x’qed jitlob mid-dixxipli tiegħu ta’ kull żmien? Tgħid qed jgħidilna nobogħdu lilna nfusna? Qed jgħidilna ninqatgħu mill-affarijiet tad-dinja u nagħtuha biss għal ħajja spiritwali? Qed jitlobna nfittxu t-tbatija biex nogħġbu aktar ‘il Alla?

Dan il-kliem iħeġġiġna nimxu fuq il-passi ta’ Ġesù billi nilqgħu l-valuri tal-Vanġelu u dak li jitlob minna ħalli nsiru nixbhuH dejjem aktar. U dan ifisser li rridu ngħixu ħajjitna kollha b’mod sħiħ, kif għamel Hu, anki meta fit-triq jidher id-dell tas-salib.

 “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja”.

M’hemmx dubju li kulħadd għandu salib x’iġorr. It-tbatija, kull tbatija, hi parti mill-ħajja tagħna l-bnedmin; ħafna drabi din ma nifhmuhiex għax tmur kontra x-xewqa tagħna li nkunu kuntenti. Iżda Ġesù jgħallimna li fis-salib niskopru dawl mhux mistenni, kif jiġrilna meta nidħlu f’xi knisja u niskopru s-sbuħija tad-dawl ġej mit-twieqi bi ħġieġ ikkulurit, li minn barra jidhru mudlama u koroh.

Jekk irridu nimxu warajh, Ġesù qed jitlobna naqilbu l-valuri tagħna ta’ taħt fuq, qed jitlobna nwarrbu lilna nfusna miċ-ċentru ta’ ħajjitna u nieqfu nagħmlu biss dak li jaqblilna. Qed jgħidilna  nkunu aktar attenti għall-bżonnijiet tal-oħrajn milli għal dawk tagħna u nużaw l-enerġija tagħna ħalli nagħmlu lill-oħrajn kuntenti, kif għamel Hu. Ġesù ma tilef ebda okkażjoni biex ifarraġ u jagħti t-tama ‘l dawk li kien jiltaqa’ magħhom. Din il-mixja lejn il-ħelsien minna nfusna tista’ tkun għalina okkażjoni biex nikbru bħala bnedmin, biex niksbu l-libertà li twettqilna bi sħiħ il-personalità tagħna.

 “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja”.

Ġesù qed jistedinna nkunu xhieda tal-Vanġelu, anki meta l-fedeltà tagħna lejh ikollha tgħaddi mill-prova minħabba fid-diffikultajiet żgħar jew kbar tal-ambjent soċjali li ngħixu fih. Ġesù jinsab magħna, u jridna nibqgħu miegħU sabiex inkunu lesti li nagħtu ħajjitna għal Idejal li jitlob minna kuraġġ kbir: li nkunu lkoll aħwa ta’ xulxin u ngħixu għall-kultura tal-imħabba. 

Fil-qalb tal-bniedem hemm l-għeruq fondi għax-xewqa tal-imħabba. Dan jixhduh anki nies importanti minn tradizzjonijiet reliġjużi li mhumiex insara u li mxew sal-aħħar wara l-leħen tal-kuxjenza tagħhom. Gandhi kiteb hekk: “Kieku xi ħadd jiġi biex joqtolni, jiena mmut b’talba fuq fommi għall-qattiel tiegħi; niftakar f’Alla u fil-preżenza ħajja tiegħu fis-santwarju ta’ qalbi. Hekk biss nista’ nasal biex ngħid li fija hemm il-qawwa ta’ dawk li jgħidu le għall-vjolenza”. 1

Fil-misteru ta’ Ġesù msallab u abbandunat, Chiara Lubich sabet il-kura għall-fejqan ta kull ġerħa persunali u ta’ kull nuqqas ta’ għaqda bejn nies, gruppi u ġnus. Din l-iskoperta qasmitha ma’ ħafna nies. Fl-2007, waqt laqgħa ta’ Movimenti u Komunitajiet ta’ ħafna Knejjes li saret fi Stuttgart, qalet hekk:

“Matul ħajtu, kull wieħed minna jgħaddi minn tbatijiet li jixbhu xi ftit ‘il dawk ta Ġesù. ( ...) Meta nħossu (....) dawn it-tbatijiet, tajjeb niftakru li Ġesù ġa ħaddanhom u għamilhom tiegħu: dawn huma kważi preżenza tiegħu, sehem fit-tbatija tiegħu. Irridu nagħmlu kif għamel Ġesù, li wara li għajjat l-għajta tiegħu fuq is-salib, kompla jgħid: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23, 46), u reġa’ ntelaq fidejn il-Missier.

Kif għamel Hu, aħna wkoll nistgħu mmorru lil hinn mit-tbatija u negħlbu l-prova li nkunu għaddejjin minnha, billi ngħidulU: “Ġesù abbandunat, f’din it-tbatija, jien qed inħobb lilek; jien lilek inħobb; din it-tbatija fik tfakkarni, hija espressjoni tiegħek, hi wiċċ tiegħek”. U, jekk fil-mument ta’ wara nintefgħu nħobbu lil ħuna jew lil oħtna u nwettqu dak li Alla jrid, ħafna drabi ngħaddu mill-esperjenza fejn it-tbatija tinbidel f’ferħ (...). Il-gruppi żgħar li fihom ngħixu (...) jistgħu jgħaddu minn firdiet żgħar jew kbar. Anki f’dik it-tbatija aħna nistgħu naraw ‘il Wiċċu, nirbħu dik it-tbatija fina u nagħmlu minn kollox biex nerġgħu nġibu l-għaqda. (...) Ġesù msallab u abbandunat hu t-triq u l-mudell ta’ kif għandna ngħixu ħajjitna mal-oħrajn.” 2

 

 1: M.K. Gandhi, Antiche come le montagne, Ed. di Comunità, Milano 1965, pp. 95-96.

2: C. Lubich, Per una cultura di comunione – Laqgħa internazzjonali “Flimkien għall-Ewropa”  - Stuttgart, 12 ta’ Mejju 2007 –  website:  http://www.together4europe.org/