Settembru 2015

 

“ĦOBB LIL GĦAJREK BĦALEK INNIFSEK” (MK 12, 31).

 

Din hi waħda mill-Kliem tal-Vangelu li titlobna ngħixuha bla dewmien. Tant hi ċara, u tant titlob minna, li m’għandhiex bżonn ta’ ħafna kummenti. Biex nagħrfu l-qawwa li hemm fiha, tajjeb naraw f’liema kuntest intqalet.

Ġesù kien qed iwieġeb mistoqsija li għamillu wieħed Kittieb, wieħed mill-istudjużi tal-Bibbja, li staqsieh liema hu l-akbar kmandament. Din kienet kwistjoni miftuħa, l-aktar minn meta fil-Bibbja kienu sabu 613-il preċett x’iridu jobdu.

Ir-rabbi Shammaj, wieħed mill-akbar Mgħallmin li għex ftit snin qabel, ma riedx jgħid liema kien l-akbar kmandament. Fil-waqt li oħrajn, kif għamel Ġesù, kienu diġà qalu li l-imħabba hi l-qofol ta’ kollox.

Ġesù mhux biss reġa’ qabad jgħallem li l-imħabba hi l-qofol ta’ kollox, imma poġġa l-imħabba ta’ Alla (ara Dt 6, 4) u l-imħabba tal-proxxmu (ara Lv 19, 18) fi kmandament wieħed. Infatti, it-tweġiba li ta lill-Kittieb kienet: “Isma’, Iżrael: Il-Mulej Alla tagħna, huwa l-Mulej wieħed, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”

“Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”.

Din it-tieni parti tal-istess kmandament hi espressjoni tal-ewwel parti: l-imħabba ta’ Alla. Alla tant għandu għal qalbu lil kull bniedem li jekk aħna rridu nferrħuh u nuruh imħabbitna bil-fatti, l-aħjar mod biex nagħmlu dan hu li nħobbu lil kulħadd. Kif il-ġenituri jkunu kuntenti meta jaraw lil uliedhom jiftiehmu u jkunu magħqudin bejniethom, hekk ukoll Alla, li hu bħal missier u omm għal kull wieħed minna. Hu jkun kuntent meta jara li aħna nħobbu ‘l-proxxmu tagħna bħalna nfusna. Meta nagħmlu hekk inkunu qed nagħtu sehemna għall-għaqda tal-familja talbnedmin.

Il-profeti kienu ilhom mijiet ta’ snin jispjegaw lill-poplu ta’ Iżrael li Alla jrid l-imħabba u mhux sagrifiċċji u vittmi maħruqa (ara Hos 6, 6). Ġesù nnifsu fakkarhom fit-tagħlim tagħhom, meta qalilhom: “Ħniena nistenna u mhux sagrifiċċju” (Mt 9, 13). Infatti kif tista’ tħobb lil Alla li ma tarahx, jekk ma tħobbx lil ħuk li tarah? (ara 1 Ġw 4, 20). Inħobbu lil Alla, naqduh, nagħtuh ġieħ daqskemm inħobbu, naqdu u nagħtu ġieħ ‘il kull persuna, tkun min tkun, nafuha jew ma nafuhiex, minn ġensna jew barranija, l-aktar lil dawk “ċkejknin” li huma fil-bżonn.

Din hi stedina lill-insara ta’ kull żmien biex jibdlu l-qima tagħhom f’ħajja, biex joħorġu mill-knejjes fejn jaduraw, iħobbu u jfaħħru ‘l Alla, ħalli jmorru jiltaqgħu mal-oħrajn u jwettqu dak li jkunu fehmu mit-talb u l-għaqda tagħhom ma’ Alla.

“Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”.

Mela kif se ngħixu dan il-kmandament tal-Mulej?

L-ewwel nett jeħtieġ niftakru li l-imħabba tal-proxxmu hi marbuta mal-imħabba ta’ Alla.

Irid jgħaddi ż-żmien biex nagħrfu x’inhi l-imħabba u kif għandna nħobbu, għalhekk jeħtieġ insibu żmien għat-talb, għall-“meditazzjoni”, għal djalogu ma’ Alla. Huwa Alla li jgħallimna kif inħobbu għax hu Mħabba. U meta nerġgħu lura għandu wara li nkunu ħabbejna lill-oħrajn, it-talb tagħna jkun aktar ġenwin, u niftakru nitolbu għal dawk li nkunu ltqajna magħhom u għall-bżonnijiet tagħhom.

Imbagħad jekk irridu nħobbu ‘l-proxxmu bħalna nfusna jeħtieġ li nkunu nafuh kif nafu lilna nfusna u nħobbuh kif irid ikun maħbub u mhux kif jogħġob lilna. Is-soċjetà hi magħmula minn popli ta’ kulturi differenti, minn nies li ġejjin minn pajjiżi oħra, allura l-isfida tal-imħabba hi akbar. Meta wieħed imur iżur pajjiż ġdid, hemm bżonn li jsir jaf it-tradizzjonijiet u l-valuri tiegħu għax hekk biss jista’ jifhem u jħobb iċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż. L-istess dawk li qed jilqgħu l-immigrati, li xi drabi ma jkunu ċittadini tal-ebda pajjiż, li jridu jitgħallmu lingwa ġdida u li jkollhom problemi biex jibdew jidraw f’dak il-pajjiż.

Din id-diversità nsibuha wkoll fi ħdan l-istess familja, fil-postijiet tax-xogħol u anki f’nies li jgħixu qrib tiegħu. Aħna nixtiequ li nsibu ‘l min ikun lest biex jismagħna, lil min jgħinna biex nippreparaw ruħna għal xi eżami, biex insibu x-xogħol, biex inpoġġu l-ordni fi djarna? Forsi anki l-ieħor għandu l-istess bżonnijiet. Irridu naslu biex nifhmu ‘l dak li jkun u noqogħdu attenti għall-bżonnijiet tiegħu, nisimgħuh sew u npoġġu ruħna minn floku.

Tgħodd ukoll il-kwalità tal-imħabba. San Pawl, fil-famuż innu tal-imħabba, isemmi l-kwalitajiet tagħha: l-imħabba taf tistabar, tixtieq il-ġid tal-oħrajn, mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, tqis lill-oħrajn aktar importanti minnha, ma tonqosx fir-rispett, ma tfittixx dak li jaqbel lilha, ma tinkorlax, ma żżommx qalbha għad-deni, kollox tgħatti, kollox temmen, kollox tissaporti (ara 1 Kor 13, 4, 7).

Kemm għandna okkażjonijiet f’ħajjitna biex ngħixu:

“Ħobb lill-għajrek bħalek innifsek”.

Fabio Ciardi