Ottubru 2015

“MINN DAN JAGĦRAF KULĦADD LI INTOM DIXXIPLI TIEGĦI, JIĠIFIERI, JEKK IKOLLKOM L-IMABBA BEJNIETKOM” (ĠW 13, 35).

Minn dan jingħarfu min huma l-insara, din hi dik il-ħaġa li tagħmilhom differenti mill-bqija, għax Ġesù hekk ħaseb li trid tkun il-komunità tiegħu.

Kitba mill-isbaħ tal-ewwel sekli tal-kristjaneżmu, l-Ittra lil Dijonjetu, tgħid li “l-insara mhumiex differenti mill-bqija tan-nies la fil-mod kif jitkellmu u lanqas għal kif jilbsu. Ma joqogħdux fi bliet partikulari, ma jitkellmux b’mod stramb, u ma jgħixux xi ħajja speċjali”. Huma nies normali, bħall-bqija. Iżda għandhom sigriet li bih jistgħu jħallu impatt fuq is-soċjetà u jsiru l-qalb tagħha (ara kap. 5-6).

Dan hu sigriet li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu ftit qabel ma miet. Bħall-għorrief Lhud, bħal kif jagħmel missier ma’ ibnu, huwa wkoll, Mgħallem tal-għerf, ħalla b’wirt il-ħila li nagħrfu ngħixu u ngħixu sew. Tgħallem dan direttament mill-Missier: “kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom” (Ġw 15, 15) u kien frott tal-esperjenza tiegħu fir-rabta li kellu mal-Missier. Dan jikkonsisti fl-imħabba lejn xulxin, li hija l-aħħar rieda tiegħu, it-testment tiegħu, il-ħajja tas-sema li hu ġab f’din l-art u li qasam magħna biex issir l-istess ħajjitna.

Hu jrid li din tkun l-identità tad-dixxipli tiegħu, li jingħarfu mill-imħabba ta’ bejniethom:

“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imabba bejnietkom”.

Id-dixxipli ta’ Ġesù jingħarfu mill-imħabba ta’ bejniethom? “L-istorja tal-Knisja hi storja ta’ qdusija”, kiteb Ġwanni Pawlu II. Iżda “fiha nsibu ħafna ġrajjiet li jagħtu xhieda kuntrarja għall-kristjaneżmu” (Incarnationis Mysterium, 11). Għal ħafna sekli l-insara ġġieldu f’isem Ġesù gwerer li ma jispiċċaw qatt, u għadhom sallum mifrudin bejniethom. Għad hawn nies li jorbtu lill-insara mal-Kruċjati, mal-qrati tal-Inkwiżizzjoni, jew inkella li jqisuhom bħala difensuri ta’ morali antikwata u li jeħduha kontra l-progress tax-xjenza.

Ma kienx l-istess għall-ewwel insara tal-komunità li kienet qed titwieled f’Ġerusalemm. In-nies kienet tammirahom għall-qsim tal-ġid li kienu jgħixu, għall-għaqda li kienet issaltan bejniethom, għall-qlub ferħana u safja tagħhom (ara Atti 2, 46). Fl-Atti tal-Appostli naqraw li “Il-poplu kien ifaħħarhom”, u li allura “il-għadd ta’ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej, sew irġiel kemm nisa, kien dejjem jiżdied u joktor (Atti 5, 13-14). Ix-xhieda tal-ħajja tal-komunità kienet tattira ħafna nies. Mela, għaliex aħna m’aħniex magħrufa mill-oħrajn għax ninħabbu bejnietna? X’għamilna bih dan il-kmandament ta’ Ġesù?

“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imabba bejnietkom”.

Fid-dinja Kattolika, ix-xahar ta’ Ottubru, huwa ddedikat għall-missjoni. Matul dan ix-xahar nirriflettu fuq l-ordni mogħtija minn Ġesù biex immorru fid-dinja kollha nħabbru l-Vanġelu; nitolbu għall-missjunarji li qegħdin fuq quddiem nett f’din il-missjoni u ngħinuhom. Din il-Kelma tal-ħajja tista’ tkun ta’ għajnuna għalina lkoll biex inpoġġu f’postha d-dimensjoni ewlenija tal-aħbar nisranija. Dan ma jfissirx li nimponu t-twemmin tagħna, li ngħinu lill-fqar biex dawn jikkonvertu. Mhix lanqas li niddefendu l-valuri morali tagħna jew li nieħdu pożizzjoni qawwija quddiem l-inġustizzji u l-gwerer, għalkemm dawn huma dmirijiet tagħna u l-insara m’għandhomx iwarrbuhom.

Qabel xejn l-aħbar nisranija hija xhieda ta’ ħajja li kull dixxiplu ta’ Ġesù jrid joffri personalment: “Il-bniedem tallum aktar jisma’ minn dawk li jagħtu xhieda milli mill-għalliema” (Evangelii nuntiandi, 67). Anki min hu kontra l-Knisja sikwit jintlaqat mill-eżempji ta’ dawk li jiddedikaw ħajjithom għall-morda, għall-fqar u huma lesti jħallu art twelidhom biex imorru joffru l-għajnuna tagħhom liċċkejknin.

Imma fuq kollox ix-xhieda li Ġesù jitlob minna hi dik ta’ komunità li turi l-verità talVanġelu. Din trid turi li l-ħajja li ġabilna Ġesù tista’ tagħti bidu għal soċjetà ġdida, li fiha jeżistu rabtiet veri ta’ mħabba ta’ aħwa, ta’ għajnuna u servizz lil xulxin, ta’ attenzjoni li nagħtu flimkien lil min hu dgħajjef u fil-bżonn.

Fil-ħajja tal-Knisja nsibu xhieda ta’ din ix-xorta.

“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imabba bejnietkom”.

Bla ma ninqatgħu min-nies li nagħmluha magħhom, jekk bejnietna ngħixu dik l-għaqda li għaliha Ġesù ta ħajtu, inkunu nistgħu noħolqu mod ta’ ħajja differenti u niżirgħu madwarna żerriegħa ta’ tama u ta’ ħajja ġdida. Familja li ġġedded kuljum ir-rieda li tgħix b’mod konkret l-imħabba lejn xulxin tista’ ssir raġġ ta’ dawl fl-indifferenza li teżisti bejn nies li joqogħdu fl-istess blokk ta’ appartamenti jew fl-inħawi ta’ madwar. U l-istess jista’ jiġri fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, fluffiċċji tal-Gvern, ġewwa l-ħabs...

Mhux hekk kienu jagħmlu l-ewwel insara fi żmien l-imperu Ruman? Mhux b’hekk infirex il-kristjaneżmu? Illum aħna nissejħu “l-ewwel insara” kif kienu huma, biex naħfru lil xulxin, naraw lil xulxin dejjem ġodda u ngħinu lil xulxin. F’kelma waħda biex ninħabbu bl-istess imħabba li biha ħabb Ġesù, ċerti li l-preżenza Tiegħu fostna għandha l-qawwa li ssieħeb anki oħrajn fil-loġika divina tal-imħabba. Fabio Ciardi

ĊENTRI TAL-MOVIMENT TAL-FOKOLARI                                               WWW.FOCOLARE.ORG

‘Stellaelise’, Triq il-Ħuttaf, Kappara • t. 21 385 801 • e. focfmt@go.net.mt

‘Vita Nuova’, Triq Agius de Soldanis, Sta. Venera • t. 21 486 112 • e. focmmt@go.net.mt