Novembru 2015

 

 

Li jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17, 21).

 

Din hi l-aħħar talba ħerqana ta’ Ġesù lill-Missier. Hu kien jaf li qed jitolbu l-aktar ħaġa għal qalbu, għax Alla ħalaq il-bnedmin bħala l-familja tiegħu u magħhom jaqsam kull ġid u l-istess ħajja divina tiegħu. X’inhi l-akbar xewqa tal-ġenituri għal uliedhom jekk mhux li dawn jinħabbu, jgħinu lil xulxin u jkunu magħqudin bejniethom? U x’inhu l-akbar dispjaċir tagħhom jekk mhux li jarawhom mifrudin minħabba għira, flus u sa jaslu biex ma jibqgħux ikellmu aktar lil xulxin? Sa minn dejjem Alla ħolom li l-familja tiegħu tkun waħda magħquda f’komunjoni ta’ mħabba bħal ulied ma’missierhom u bejniethom.

Ir-rakkont imqanqal tal-ewwel żminijiet ikellimna fuq id-dnub u l-firda tal-familja tal-bnedmin. Kif naqraw fil-ktieb tal-Ġenesi, ir-raġel jakkuża lill-mara, Kajjin joqtol lil ħuh, Lamek jiftaħar bil-vendetta kbira tiegħu, Babel iġib nuqqas ta’ ftehim u firda fil-ġnus... Il-proġett ta’ Alla jidher li falla.

Madankollu Hu ma qatax qalbu u baqa’ jsostni fuq l-għaqda tal-familja tiegħu. L-istorja tkompli b’Noe, bl-għażla ta’ Abram, bit-twelid tal-poplu l-magħżul, sa ma ddeċieda li jibghat lil Ibnu fuq l-art u jafdalu f’idejh missjoni kbira: dik li jiġbor f’familja waħda lil uliedu mifruda, li jiġbor flimkien in-nagħaġ il-mitlufa, li jwaqqa’ l-ħitan tal-firda bejn il-popli biex joħloq poplu wieħed ġdid (ara Ef 2,14-16).

Alla ma jiqafx joħlom fuq l-għaqda, għalhekk Ġesù talabha bħala l-akbar rigal għalina lkoll: Missier, nitolbok

 

“Li jkunu lkoll ħaġa waħda”.

 

Kull familja fiha l-marka tal-ġenituri. Hekk ukoll dik maħluqa minn Alla. Alla hu Mħabba mhux biss għax iħobb il-ħlejjaq tiegħu, imma  għax hu Mħabba fih innifsu, fil-mod li bih it-tliet Persuni divini jħobbu lil xulxin u huma ta’ don għal xulxin.

Għalhekk, meta  Alla ħalaq il-bniedem  u għamlu fuq is-sura u xbieha tiegħu, hu tah l-istess kapaċità ta’ relazzjoni, hekk li kull persuna tgħix fl-għotja tagħha nfisha. Infatti s-sentenza sħiħa tat-talba ta’ Ġesù li rridu ngħixu dan ix-xahar tgħid: “nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina”. Il-mudell tal-unità tagħna hi l-unità li teżisti bejn il-Missier u Ġesù. Tant hi profonda din il-ħaġa li tidher impossibbli. Imma tista’ sseħħ minn dik il-kelma kif, li tfisser għaliex: nistgħu nkunu magħqudin ħaġa waħda kif il-Missier u Ġesù huma magħqudin ħaġa waħda, propju għaliex jagħmluna ħaġa waħda mal-għaqda tagħhom, jagħtuna l-għaqda tagħhom.

 

“Li jkunu lkoll ħaġa waħda”.

 

Din hi propju dik il-ħaġa li Ġesù wettaq, li jagħmilna lkoll ħaġa waħda, kif hu ħaġa waħda mal-Missier, familja waħda, poplu wieħed. Għalhekk hu sar wieħed minna, ħa fuqu l-firdiet u d-dnubiet tagħna u sammarhom mas-salib.

Hu stess wera t-triq li kellu jieħu biex iwassalna għall-unità: “Meta nintrefa’ ‘l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12, 32). Kif ħabbar il-qassis il-kbir, “kellu  jmut (...) biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin” (Ġw 11, 52). Fil-misteru tiegħu tal-mewt u l-qawmien, hu ġabar kollox fih (ara Ef 1,10), reġa’ ħalaq l-għaqda li tkissret bid-dnub, reġa’ ġabar il-familja madwar il-Missier u reġa’ għamilna aħwa bejnietna.

Ġesù wettaq il-missjoni tiegħu. Issa fadal il-parti tagħna, l-“iva” tagħna għat-talba tiegħu:

 

Li jkunu lkoll ħaġa waħda”.

 

Aħna x’nistgħu nagħmlu biex din it-talba sseħħ?

Qabel xejn irridu nagħmluha tagħna. Nistgħu nisilfu xufftejna u qalbna lil Ġesù biex jibqa’ jgħid dan il-kliem lill-Missier u jtenni kuljum it-talba tiegħu b’fiduċja. L-għaqda hi don li jiġi mill-għoli, li rridu nitolbu għalih bil-fidi, bla ma qatt ngħajjew.

Barra minn hekk l-għaqda trid tibqa’ dejjem fl-ewwel post tal-ħsibijiet u x-xewqat tagħna. La din hi l-ħolma ta’ Alla jeħtieġ li tkun ukoll il-ħolma tagħna. Minn żmien għall-ieħor, qabel kull deċiżjoni li nieħdu, qabel kull għażla, kull azzjoni, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: dan li se nagħmel jiswa biex nibni l-għaqda,  hi din l-aħjar ħaġa biex ikun hawn l-għaqda?

Fl-aħħar nett irridu mmorru fejn hemm firdiet l-aktar evidenti u neħduhom fuqna, kif għamel Ġesù. Dawn jistgħu jkunu kwistjonijiet fil-familja jew bejn nies li nafu, jistgħu jkunu tensjonijiet li nsibu fejn ngħixu, nuqqas ta’ ftehim fuq il-post tax-xogħol, fil-parroċċa, bejn il-Knejjes. Ma rridux naħarbu n-nuqqas ta’ ftehim, ma rridux nibqgħu indifferenti, imma nwasslu l-imħabba tagħna billi nisimgħu u noqogħdu attenti għal dak li jrid jgħid l-ieħor, naqsmu t-tbatija li tinbet minn dik il-firda.

Fuq kollox irridu nkunu magħquda ma’ dawk li lesti jaqsmu dan l-ideal ta’ Ġesù u t-talba tiegħu, bla ma nagħtu importanza lil nuqqas ta’ ftehim u differenzi fil-mod kif naħsbuha, u nkunu kuntenti li aħjar “inqas perfetti imma magħqudin mal-oħrajn milli aktar perfetti imma mifrudin minnhom”. Irridu naċċettaw bil-ferħ id-differenzi ta’ bejnietna, anzi rridu nqisuhom bħala rikkezza. L-għaqda ma tfissirx li nkunu lkoll l-istess.

Iva, dan xi drabi jsallabna, imma din hi t-triq li Ġesù għażel biex jerġa’ jgħaqqad flimkien il-familja tal-bnedmin. Din hi t-triq li aħna wkoll irridu naqbdu u nimxu miegħu.

 

Fabio Ciardi