Kelma tal-Ħajja

Mejju 2017 | ĦARĠA 1705

 

“Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28,20)

Fi tmiem il-Vanġelu tiegħu, San Mattew jirrakkonta l-aħħar ġrajjiet mill-ħajja ta’ Ġesù hawn fl-art. Ġesù kien irxoxta u temm il-missjoni tiegħu: kien ħabbar l-imħabba ta’ Alla li tagħti l-ħajja lill-ħolqien kollu u reġa’ fetaħ it-triq li twassal għall-imħabba tal-aħwa fl-istorja tal-bnedmin. Għal San Mattew, Ġesù hu Alla magħna”, l-Immagħnu-El, kif kienu wegħduh il-profeti u kif kien mistenni mill-poplu ta’ Iżrael.

Qabel ma reġa’ lura għand il-Missier, Hu ġabar id-dixxipli, dawk li kien qasam magħhom mill-qrib il-missjoni tiegħu, u qalilhom biex ikomplu dak li kien beda Hu.

Biċċa xogħol iebsa! Imma Ġesù serrħilhom moħħhom li kien se jibqa’ magħhom; anzi, wegħedhom li kien se jibqa’ magħhom kuljum “sal-aħħar taż-żminijiet”, biex isaħħaħhom, jimxi magħhom u jqawwilhom qalbhom.

Bl-għajnuna tiegħu huma kellhom ikunu xhieda tal-laqgħa tagħhom miegħu, mal-kelma tiegħu u tal-mod kif hu ġab ruħu biex jilqa’ u jħenn għal kulħadd, ħalli ħafna nies oħra jkunu jistgħu jiltaqgħu miegħu u jiffurmaw flimkien il-poplu ġdid ta’ Alla, poplu mwaqqaf fuq il-kmandament tal-imħabba.

Nistgħu ngħidu li l-ferħ ta’ Alla huwa propju meta Hu jkun kuljum miegħi, miegħek, magħna, sat-tmiem tal-istorja persunali tagħna u tal-istorja tal-bnedmin kollha.

Imma tgħid dan veru? Tassew li nistgħu niltaqgħu miegħu?

Hu jinsab «wara l-kantuniera, ħdejja, ħdejk. Hu jinħeba f’min hu fqir, imżeblaħ, ċkejken, marid, f’min jitlob parir, f’min hu nieqes mil-libertà. Hu jinsab f’min hu ikrah, imwarrab... Dan qalu Hu stess: “... kont bil-ġuħ u tmajtuni...” 1. Ejjew nitgħallmu niskopruh hemm fejn jinsab» 2.

Hu jinsab fil-Kelma tiegħu li, jekk ngħixuha, iġġeddidilna ħajjitna; hu jinsab kullimkien fid-dinja fl-Ewkaristija u jasal għandna anki permezz tal-ministri tiegħu, li huma qaddejja tal-poplu tiegħu. Hu jinsab preżenti meta aħna nġibu l-għaqda fejn inkunu 3.  U hekk it-talba tagħna lill-Missier tkun aktar effikaċi u aħna nsibu d-dawl li jdawlilna l-għażliet li nagħmlu kuljum.

“Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.

Kemm timliena bit-tama din il-wegħda, kemm tinkuraġġina biex infittxuh f’ħajjitna. Ejjew niftħu qalbna u jdejna biex nilqgħu ‘l ħaddieħor u naqsmu miegħu ħajjitna, kemm persunalment kif ukoll bħala komunità: fil-familji u l-knejjes tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol u waqt il-festi, fl-għaqdiet ċivili u reliġjużi. B’dan il-mod aħna niltaqgħu ma’ Ġesù u Hu għad jgħaġġibna bil-ferħ u d-dawl tiegħu, li huma sinjali tal-preżenza tiegħu.

Jekk kull filgħodu nistenbħu u naħsbu: “Illum irrid niskopri fejn Alla jrid jiltaqa’ miegħi!”, aħna wkoll inkunu nistgħu nagħmlu esperjenza kollha ferħ bħal din li ġejja:

“Omm ir-raġel tiegħi tant kienet tħobb ‘il binha, li jien kont ngħir għaliha. Sena ilu sabulha tumur: kellha bżonn ħafna kura imma bintha l-waħdanija ma setgħetx iddur biha. Dak iż-żmien ħadt sehem fil-Mariapoli 4 u l-laqgħa tiegħi ma’ Alla Mħabba bidlitli ħajti. L-ewwel konsegwenza ta’ din il-konverżjoni kienet id-deċiżjoni li nilqa ‘l-kunjata tiegħi d-dar, u għelibt kull biża’. Id-dawl li nxtegħel ġo qalbi għenni naraha b’għajnejn ġodda. Issa naf li jiena qed indur b’Ġesù fiha.

B’sorpriża kbira, hi bdiet twieġeb b’imħabba kbira għal kull ħaġa li kont nagħmel magħha.

addew xhur sħaħ ta’ sagrifiċċji. Meta l-kunjata ħallietna biex tmur is-sema, ħalliet paċi kbira fina lkoll.

Dak iż-żmien indunajt li kont qed nistenna tarbija, ħaġa li konna ilna nixtiquha disa’ snin! Dan l-iben tagħna huwa sinjal li tmissu b’idejk tal-imħabba ta Alla 5.

 

Letizia Magri

---------------------------

1: Cf. Mt 25,35.

2: Cf. Chiara Lubich, Kelma tal-ħajja/Ġunju - Scoprire Dio vicino, CN, 26, [1982],10, p.44.

3: Cf. Mt 18,20.

4: Esperjenza evanġelika ta’ ftit ġranet tal-Moviment tal-Fokolari.

5: “I fioretti di Chiara e dei Focolari”, ta’ Doriana Zamboni, Ed. San Paolo 2002, pp.43-44.