Mejju 2016

 

Hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu” (Ap 21, 3)

 

Alla sa minn dejjem xtaq li jgħammar magħna, il-poplu tiegħu. Din ix-xewqa tiegħu tidher sa mill-ewwel paġni tal-Bibbja li jpinġu lil Alla jinżel mis-sema jippassiġġa fil-ġnien u jitkellem ma’ Adam u Eva. Mhux għal dan ħalaqna? X’jixtieq il-maħbub jekk mhux li joqgħod mal-maħbuba? Il-ktieb tal-Apokalissi, li jifli l-pjan ta’ Alla fl-istorja, jiżgurana li x-xewqa ta’ Alla għad isseħħ fil-milja tagħha.

 

Hu diġà beda jgħammar fostna sa minn meta ġie Ġesù, l-Għimmanu-El, “Alla magħna”. U issa li Ġesù rxoxta, il-preżenza tiegħu m’għadhiex limitata għal xi post jew għal xi ħin, iżda nfirxet mad-dinja kollha. Ma’ Ġesù bdiet tissawwar komunità ta’ bnedmin mill-aktar oriġinali, poplu magħmul minn ħafna ġnus. Alla ma jridx jgħammar biss fil-qalb tiegħi, fil-familja tiegħi jew fil-poplu tiegħi, imma jrid jgħammar fost il-popli kollha li huma msejħa biex jiffurmaw ġens wieħed. Wara kollox, il-fatt li ħafna qed iħallu pajjiżhom biex imorru joqogħdu f’pajjiż ieħor qed ibiddel dak li konna nifhmu bil-kelma ġens. F’ħafna pajjiżi, il-poplu hu magħmul minn ħafna popli.

 

Tant aħna differenti  minn xulxin minħabba l-kulur tal-ġilda, il-kultura u r-reliġjon, li  ħafna drabi nħarsu lejn xulxin b’suspett u biża’; niġġieldu kontra xulxin. Madankollu Alla hu Missier ta’ kulħadd, iħobbna lkoll u jħobb lil kull wieħed minna. Forsi naħsbu li Alla jrid jgħammar fost poplu wieħed, fostna “il-poplu tiegħu” u jħalli lill-popli l-oħra waħedhom. GħaliH aħna lkoll uliedu, aħna familja waħda.

 

Għalhekk, immexxijin mill-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar, ejjew napprezzaw il-fatt li aħna differenti minn xulxin, ejjew nirrispettaw lil xulxin u nħarsu lejn il-persuna l-oħra bħala parti minna: l-ieħor  jgħix fija u jien ngħix fl-ieħor. Nibdew minn dawk li ngħixu magħhom kuljum. B’hekk inkunu nistgħu nagħmlu spazju għall-preżenza ta’ Alla fostna, u jkun Hu li jagħmilna ħaġa waħda, li jħares l-identità ta’ kull ġens, li joħloq soċjetà ġdida.

 

F’kitba tant attwali u profetika, Chiara Lubich diġà kienet tkellmet dwar dan fl-1959 meta qalet: “Jekk jum wieħed il-bnedmin, mhux bħala individwi imma bħala popli […] jagħrfu jwarrbu lilhom infushom, jagħrfu jwarrbu l-ideja li għandhom ta’ pajjiżhom, […] u  jagħmlu dan għal dik l-imħabba li Alla jitlob bejn Stat u ieħor bħalma jitlob minna li nħobbu lil xulxin, dakinhar għad ikun il-bidu ta’ żmien ġdid, għax […] ikun hemm il-preżenza ħajja ta’ Ġesù fost il-ġnus […].

 

Dawn huma żminijiet […] li fihom kull poplu jrid iħares lil hinn mill-fruntiera tiegħu u jimrah aktar ‘il bogħod; wasal il-waqt li fih jeħtieġ li nħobbu ʼl pajjiż ħaddieħor bħalma nħobbu lil pajjiżna stess; wasal il-waqt li fih jeħtieġ inħarsu lejn l-affarijiet b’mod  ġdid u safi.  Biex inkunu nsara, mhux biżżejjed niddistakkaw irwieħna minna stess. Żminijietna jitolbu xi ħaġa aktar minn dawk li jimxu wara Kristu: jitolbu kuxjenza soċjali tal-kristjaneżmu […].

 

[…] Nittamaw li l-Mulej ikollu ħniena minn din id-dinja mifruda u mħawda; minn dawk il-popli li jingħalqu  fihom infushom, mhedija bis-sbuħija tagħhom daqs li kieku kienet teżisti hi biss, meta wara kollox hi sbuħija limitata u ma tissodisfax, u li jiggranfaw mal-ġid tagħhom, anki ma’ dak li jista’ jservi għal popli oħra li qed imutu bil-ġuħ. Jalla Hu jwaqqa’ dak kollu li jifridna u jwassal biex l-imħabba bejn pajjiż u ieħor tkun bħal għajn ta’ ilma ġieri li minnha joħroġ ġid kbir spiritwali u materjali.

 

Nittamaw li l-Mulej, Hu, li waħdu jista’ jagħmel familja waħda mill-bnedmin kollha u jħares is-sbuħija ta’ kull ġens, isawwar ordni ġdid, sabiex fis-sbuħija li kull ġens iqiegħed biex tkun ta’ servizz għall-oħrajn, jiddi d-dawl waħdieni ta’ ħajja li ssebbaħ id-dinja pajjiżna filwaqt li ddewwaqna dak li għad ngħixu f’Pajjiżna tas-sema.”[1]

 

Fabio Ciardi


 

[1] Maria, vincolo di unità tra i popoli, in La dottrina spirituale, Città Nuova, Roma 2006, pp. 327-329.