Mejju 2015

 

“IMMA ALLA, GĦANI FIL-ĦNIENA TIEGĦU, BIS-SAĦĦA TALIMĦABBA KBIRA LI BIHA ĦABBNA, META AĦNA KONNA MEJTA MINĦABBA FI DNUBIETNA, TANA ĦAJJA ĠDIDA FLIMKIEN MA’ KRISTU” (EF  2, 4-5).

(...)

Ġesù jkellimna fuq l-imħabba ta’ Alla filwaqt li jurihulna bħala “Missier” qrib tagħna u attent għal kull ma neħtieġu, lest li jaħfer u jagħtina dak li jkollna bżonn: “Hu jtella’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex” (Mt 5, 45). Imħabbtu hi tassew waħda “għanja” u “kbira”, kif naqraw fl-ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, li minnha ttieħdet din il-Kelma tal-ħajja:

“Imma Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu”.

Kliem Pawlu hu kważi għajta ta’ ferħ li toħroġ meta naħsbu fuq l-affarijiet straordinarji li Alla jagħmel magħna: konna mejtin u tana ħajja ġdida.

Din is-sentenza tibda bil-kelma “imma”. Biha Pawlu juri kuntrast ma’ dak li kellu f’moħħu qabel: il-kundizzjoni traġika tal-bnedmin mgħaffġin bid-dnub, ilsiera ta’ xewqat egoistiċi u ħżiena, taħt l-influwenza tal-forzi tal-ħażen, kontra r-rieda ta’ Alla. F’din is-sitwazzjoni huma jistħoqqilhom il-korla tiegħu (ara Ef 2, 1-3). Iżda Alla, flok ma jikkastiga (dan hu l-istagħġib kbir ta’ Pawlu), jerġa’ jagħtihom il-ħajja: ma jħallix il-korla tmexxih, imma l-ħniena u l-imħabba.

Ġesù kien diġà wriena din l-imġiba ta’ Alla fil-parabbola tal-iben il-ħali. B’idejh miftuħa hu jilqa’ lit-tifel iż-żgħir li kien qed jgħix ħajja li ma tixraqx lill-bnedmin. L-istess fil-parabbola tarragħaj it-tajjeb, li jmur ifittex in-nagħġa l-mitlufa. Meta jsibha, jerfagħha fuq dahru u jeħodha lura d-dar. Jew dik tas-Samaritan it-tajjeb li jdewwi l-ġrieħi ta’ dak ir-raġel li waqa’ taħt idejn il-ħallelin (ara Lq 15, 11-32; 3-7; 10, 30-37).

Alla, Missier ħanin, kif insibu fil-parabboli, mhux biss jaħfrilna, imma jagħtina l-istess ħajja ta’ ibnu Ġesù, jagħtina l-milja tal-ħajja divina.

Minn hawn jiġi l-innu ta’ radd il-ħajr:

“Imma Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu”.

Din il-Kelma tal-ħajja għandha tqanqal fina l-istess ferħ u ħajr ta’ San Pawl u tal-ewwel komunità nisranija tiegħu. Alla juri ruħu “għani fil-ħniena” u “ta’ mħabba kbira” magħna wkoll. Hu  lest jaħfer u jafdana mill-ġdid. M’hemmx sitwazzjoni ta’ dnub, tbatija u solitudni fejn hu ma jkunx magħna. Hu jimxi magħna, jagħtina fiduċja, jagħtina ċ-ċans li nerġgħu nqumu u l-ħila biex dejjem nibdew mill-ġdid.

Papa Franġisku, fl-ewwel “Angelus” tiegħu, tkellem fuq il-ħniena ta’ Alla. Qal: “Wiċċ Alla hu dak ta’ missier kollu ħniena, li dejjem jieħu paċenzja... jifhimna, jistenniena, ma jgħajjix jaħfrilna... Hu Missier kollu ħniena li jaħfer dejjem, li għandu dik il-qalb mimlija ħniena għalina lkoll. U aħna wkoll nitgħallmu nħennu għal kulħadd”.

Dan hu suġġeriment kif nistgħu ngħixu l-Kelma tal-ħajja.

Ladarba Alla hu għani fil-ħniena u kbir f’imħabbtu magħna, aħna wkoll imsejħin inħennu għal kulħadd. La hu jħobb lil min hu ħażin, lil min hu għadu tiegħu, aħna wkoll irridu nitgħallmu nħobbu ‘l dawk li “mhux ta’ min iħobbhom”, saħansitra lill-għedewwa tagħna. Mhux hekk qalilna Ġesù: “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena”? (Mt 5, 7) Mhux hu li talabna nħennu bħalma hu ħanin Missierna? (Lq 6, 36). Pawlu wkoll kien jistieden lill-komunitajiet tiegħu, li kienu magħżulin u maħbubin minn Alla, biex jilbsu “sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar” (Kol 3, 12).

Jekk aħna nemmnu fl-imħabba ta’ Alla, aħna wkoll nistgħu nħobbu b’dik l-imħabba li tqarribna lejn kull min qed ibati u jinsab fil-bżonn, imħabba li tiskuża kollox, li tipproteġi u taf tagħti kas.

Jekk ngħixu hekk insiru xhieda tal-imħabba ta’ Alla u nkunu nistgħu ngħinu lil kull min niltaqgħu miegħu biex jiskopri li anki miegħu, Alla hu għani fil-ħniena u kbir f’imħabbtu.

Fabio Ciardi