KELMA TAL-ĦAJJA - MARZU 2017

 

“ ... AGĦMLU ĦBIEB MA’ ALLA” (2 KOR 5, 20)

F’bosta nħawi tad-dinja għaddejjin gwerer imdemma’ li qishom qatt m’huma se jieqfu. Fihom qed isibu ruħhom familji, tribujiet u ġnus. Gloria, tfajla ta’ għoxrin sena,  tirrakkonta: “Sirna nafu b’raħal li spiċċa maħruq u fih ħafna nies tilfu kull ma kellhom. Jiena, flimkien ma’ sħabi, bdejna niġbru affarijiet ta’ siwi għalihom: saqqijiet, ħwejjeġ u ikel. Tlaqna u wara tmien siegħat vjaġġ iltqajna ma’ dawn in-nies li kienu qed jgħixu f’sitwazzjoni tal-biki. Bdejna nisimgħu x’kellhom xi jgħidu, farraġniehom, għannaqniehom... Familja minnhom qaltilna: “It-tifla tagħna kienet fid-dar li ħarqulna u ħassejna ruħna qed immutu magħha. Issa, bl-imħabba tagħkom, qed insibu s-saħħa naħfru ‘l min għamlilna din il-ħsara kollha!”.

San Pawl,  dak li darba kien jaħqar lill-Insara (ara Atti 22, 4) ukoll għamel esperjenza: hu ltaqa’ mal-imħabba kbira ta’ Alla b’mod li qatt ma stennieh, u mbagħad kien mibgħut bħala ambaxxatur ta’ rikonċiljazzjoni f’isem Alla. (ara 2 Kor 5, 20) B’hekk huwa sar xhud mimli ħeġġa tal-misterju ta’ Ġesù, li miet u rxoxta u li reġa’ għaqqad miegħu d-dinja sabiex ilkoll nkunu nistgħu nagħmlu esperjenza ta’ għaqda sħiħa miegħU u ma’ ħutna l-bnedmin. (ara Ef2,13) U, permezz ta’ Pawlu, il-messaġġ tal-Vanġelu wasal u saħħar għal warajh saħansitra lill-pagani, li kienu meqjusa fost dawk l-aktar ‘il bogħod mis-salvazzjoni: agħmlu ħbieb ma’ Alla!

Minkejja l-iżballji li nagħmlu u li jaqtgħulna qalbna jew l-impressjoni żballjata li nistgħu ngħaddu mingħajr Alla, aħna nistgħu nħallu l-ħniena bla tarf u l-imħabba tal-ġenn tiegħu jfejquna u jagħmluna bnedmin ħielsa ħalli nkunu nistgħu naqsmu dan it-teżor ma’ ħutna l-bnedmin. B’hekk jirnexxilna nagħtu sehemna għall-proġett ta’ paċi li Alla għandu għalina lkoll u għall-ħolqien kollu u li jista’ jegħleb il-ħażen li nsibu fl-istorja. Chiara Lubich tgħid: “(...) Bis-salib u l-mewt ta’ Ibnu, Alla ta prova mill-aktar kbira ta’ mħabbtu. Permezz tas-salib ta’ Kristu, Hu reġa’ għaqqadna miegħu. Din il-verità fundamentali tal-fidi tagħna tgħodd ukoll għallum.

 Il-bnedmin qed jistennewha din il-verità: iva, Alla hu qrib tagħna b’imħabbtu u hu jħobb ‘il kull wieħed u waħda minna b’imħabba tal-ġenn. Id-dinja teħtieġha din l-aħbar, imma aħna nistgħu nwassluha jekk qabelxejn inħabbruha u nerġgħu nħabbruha lilna nfusna biex b’hekk inħossuna mdawrin b’din l-imħabba, anki meta kollox iġegħilna naħsbu l-kuntrarju (...). L-imġiba tagħna trid turi li din il-verità li qegħdin inħabbru, hi tassew ta’ min jemminha. Ġesù qalilna bi kliem mill-aktar ċar li jekk xi ħadd minn ħutna għandu xi ħaġa kontra tagħna, irridu nirranġaw miegħu qabel ma ntellgħu l-offerta tagħna fuq l-artal. (ara Mt 5, 23-24)... Mela, ejjew inħobbu ‘l xulxin kif ħabbna Hu, bla ma ningħalqu fina nfusna u bla ebda preġudizzji, u billi nkunu miftuħin biex nagħrfu u napprezzaw il-kwalitajiet tajba tal-proxxmu tagħna, lesti li nagħtu ħajjitna għal xulxin. Dan huwa l-aqwa kmandament ta’ Ġesù; dan hu li jagħmilna tassew insara. U dan għadu jgħodd illum kif kien jgħodd għall-ewwel insara li mxew wara Kristu. Meta ngħixu din il-kelma nsiru nies li jġibu l-paċi”. (Città Nuova 1996/24, p.37.)

Jekk ngħixu b’dan il-mod, kull ġurnata ta’ ħajjitna tistagħna b’atti ta’ ħbiberija u maħfra fil-familja tagħna u bejn il-familji l-oħra, fil-Knisja tagħna u bejn il-Knejjes l-oħra, f’kull komunità ċivili u reliġjuża tagħna.

Letizia Magri