Lulju 2016

Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu (Ef 4, 32).

M’hemmx ħaġa isbaħ milli tisma’ ʼl min jgħidlek: “Inħobbok”. Meta xi ħadd iħobbna, aħna ma nħossuniex waħedna, nimxu fiż-żgur, inkunu nistgħu nħabbtu wiċċna mad-diffikultajiet u s-sitwazzjonijiet diffiċli. Jekk imbagħad din l-imħabba tkun waħda reċiproka, it-tama u l-fiduċja jissaħħu, inħossuna protetti. Aħna lkoll nafu li biex it-tfal jikbru sew huma għandhom bżonn li jkunu mdawrin b’imħabba, li xi ħadd iħobbhom. Imma dan hu veru f’kull età. Għalhekk il-Kelma tal-ħajja tistedinna nkunu “twajba” ma’ xulxin, jiġifieri li nħobbu ʼl xulxin u bħala mudell hi tagħtina lil Alla nnifsu.

L-eżempju tiegħu jfakkarna li meta nħobbu ʼl xulxin, dan ma jfissirx sempliċiment  sentiment; ifisser b’mod konkret u esiġenti li “tkun tixtieq il-ġid tal-ieħor”. Ġesù kien qrib il-morda u l-fqar, ħass għall-folol, ħenn għall-midinbin, ħafer ʼil min sallbu.

 Aħna wkoll meta nkunu rridu l-ġid lil xi ħadd ifisser li nisimgħuh, nuruh attenzjoni sinċiera, naqsmu miegħu l-ferħ u l-provi, nieħdu ħsiebu, nimxu miegħu. L-ieħor qatt ma hu barrani, imma ħuna, oħtna li rridu naqdu. Dan kollu hu l-maqlub ta’ meta naraw lill-ieħor bħala l-għadu tagħna, sa naslu li nixtiqulu d-deni, sa ma ngħaffġuh, saħansitra noqtluh, kif sfortunatament nisimgħu fl-aħbarijiet. Għalkemm ma naslux biex noqtluh, ma jiġrilniex lilna wkoll li nżommu f’qalbna għalih, li nkunu għedewwa tiegħu jew sempliċement li ma jimpurtaniex aktar minnu għax darba hu weġġagħna, jew għax hu antipatku jew għax m’hux wieħed minn tal-klikka tagħna?

Irridu l-ġid tal-oħrajn, tgħallimna l-Kelma tal-ħajja, ifisser li nimxu fit-triq tal-ħniena, inkunu lesti li naħfru ʼl xulxin kull darba li niżbaljaw. Dwar dan, Chiara Lubich tirrakkonta li fil-bidu tal-esperjenza tal-komunità nisranija tagħha, biex jgħixu l-kmandament ta’ Ġesù, kienu għamlu patt ma’ sħabha li jħobbu lil xulxin. Iżda, minkejja dan, “speċjalment fil-bidu ma kienx dejjem faċli għal grupp ta’ tfajliet li jgħixu din l-imħabba mill-qiegħ. Konna nies bħall-oħrajn, avolja kellna din il-grazzja ta’ don speċjali ta’ Alla, u anki bejnietna, fir-relazzjoni ta’ bejnietna, seta’ jinġabar it-trab, u l-għaqda kienet tiddgħajjef. Per eżempju dan kien jiġri meta konna nindunaw bid-difetti ta’ xulxin u konna niġġudikaw lill-oħrajn u minħabba f’hekk l-imħabba ta’ bejnietna kienet tibred.   

Biex ma jiġrilniex hekk darba waħda ħsibna li nagħmlu patt bejnietna li sejjaħnielu “patt ta’ ħniena”. Qtajnieha li kull filgħodu nibdew naraw lill-proxxmu li konna niltaqgħu miegħu: fil-fokolar, l-iskola, fejn naħdmu, eċċ. b’mod ġdid, ġdid fjamant, u li ma niftakrux fid-difetti tiegħu, imma ngħattu kollox bl-imħabba. Dan kien ifisser li aħna ridna nersqu maġenb kulħadd b’maħfra sħiħa lejhom. Kien impenn qawwi, li ħadnieh ilkoll flimkien, u kien jgħinna nkunu dejjem aħna li nibdew inħobbu l-ewwel, biex nimitaw lil Alla li hu kollu ħniena, li jaħfer u jinsa”[1].

Patt ta’ ħniena! Dan ma jistax ikun mod kif aħna nikbru fit-tjubija?

 

Fabio Ciardi


 

[1] L’amore al prossimo, Taħdita mal-ħbieb tagħna Musulmani, Castel Gandolfo, 1 ta’ Novembru 2002.