ĠUNJU 2015  |

“MARTA, MARTA, INTI TAĦSEB WISQ U TINKWIETA FUQ ĦAFNA ĦWEJJEĠ; IMMA WAĦDA HI MEĦTIEĠA”

(LQ 10, 41-42).

 

X’għożża hu u jtenni dan l-isem: Marta, Marta. Id-dar ta’ Betanja, li tinsab qrib Ġerusalemm,  huwa post fejn Ġesù kien imdorri jieqaf u jistrieħ mad-dixxipli tiegħu. Fil-belt, kien ikollu jiddiskuti, isib min jopponih u jiċħdu, filwaqt li hawn kien isib il-paċi u ‘l min jilqgħu tajjeb.

Marta hi mara fuq ruħha. Dan turih anki meta miet ħuha, meta bdiet diskursata mqanqla ma’ Ġesù, li fiha għamlitlu xi mistoqsijiet kollhom ħeġġa. Hi mara b’saħħitha, li turi fidi kbira. Meta Ġesù staqsiha: “Temmen int li jiena l-qawmien u l-ħajja?”, bla ma qagħdet taħsibha wisq, hi weġbitu: “Iva, Mulej, jiena nemmen” (ara Ġw 11, 25-27).

Marta kellha ħafna x’tagħmel biex tilqa’ kif jixraq lill-Imgħallem u d-dixxipli tiegħu. Id-dar kienet tagħha u għalhekk kienet tħossha responsabbli. Aktarx li kienet qed tħejji ċena kif jixraq għall-mistieden tagħha. Oħtha Marija ħallietha waħedha. Kontra l-użanzi tagħhom, flok ma qagħdet fil-kċina, hi qagħdet mal-irġiel tisma’ ‘l Ġesù. Intefgħet bilqiegħda f’riġlejh, eżattament bħala dixxiplu perfetta tiegħu. Għalhekk Marta qaltlu: “Mulej, mintix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!” (Lq 10, 40). B’mod sod u kollu mħabba Ġesù weġibha:

“Marta, Marta, inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa”.

Tgħid Ġesù ma kienx kuntent li Marta kienet qed tieħu ħsieb it-tisjir? Ma kienx jogħġbu kif ġie milqugħ u ma kienx se jiekol mill-ikel li kienet qed tħejjilu? Ftit wara dan l-episodju, fil-parabboli, hu faħħar lil dawk li għarfu jħaddmu t-talenti u jagħmlu l-ġid (ara Lq 12, 42; 19, 12-26). Saħansitra faħħar lil min kien iħaddem rasu (ara Lq 16, 1-8). Għalhekk ma setax ma jiħux gost jara mara kollha inizjattiva li kienet kapaċi tagħtih merħba xierqa.

Li ma għoġbux kien li hi kienet qed tinkwieta fix-xogħol tagħha. Kienet tħossha aġitata, “kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar” (Lq 10, 40), tilfet il-kalma. Ma kinitx hi li qed tmexxi x-xogħol, iżda kien ix-xogħol li ħakimha u għamilha skjava. Ma baqgħetx aktar mara libera iżda saret skjava tax-xogħol tagħha.

Mhux aħna wkoll jiġrielna hekk u nintilfu fuq il-ħafna affarijiet li rridu nagħmlu? L-Internet jogħġobna u fl-istess ħin ma jħalliniex bi kwietna, l-istess meta niċċattjaw u nibagħtu ħafna messaġġi bla bżonn. Anki meta jkollna affarijiet importanti x’nagħmlu, dawn jistgħu jnessuna li rridu nibqgħu attenti għall-oħrajn u nisimgħu lil dawk ta’ madwarna. Fuq kollox il-periklu hu li ma nibqgħux aktar naraw ir-raġuni għalfejn u għal min qed naħdmu. Ix-xogħol u l-affarijiet l-oħra li rridu nagħmlu jsiru kollox għalina.

Jiġri wkoll li nkunu aġitati quddiem sitwazzjonijiet u problemi diffiċli li jkollhom x’jaqsmu mal-familja, flus, karriera, l-iskola, il-futur tagħna u ta’ wliedna hekk li ninsew kliem Ġesù: “Toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh” (Mt 6, 31-32). Din hi ċanfira li tixraq lilna wkoll:

“Marta, Marta, inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa”.

X’inhi l-ħaġa waħdanija li rridu nagħmlu? Hi li nisimgħu u ngħixu kliem Ġesù. Ma nistgħu npoġġu xejn qabilhom u qabel Ġesù. L-uniku mod kif nistgħu nilqgħu lill-Mulej hu li nilqgħu dak li qed jgħidilna. Eżattament kif għamlet Marija, li nsiet kollox, intefgħet f’riġlejh u ma tilfitx kelma milli qal.

Bħal Marta, aħna wkoll imsejħin nagħmlu “ħafna affarijiet” għall-ġid tal-oħrajn. Ġesù għallimna li l-Missier ikun kuntent li nagħmlu “ħafna frott” (ara Ġw 15, 8) u li nagħmlu affarijiet akbar minn dak li għamel hu (ara Ġw 14, 12). Mela hu qed jistenna minn għandna li nkunu nies dedikati, li nħobbu x-xogħol li jridna nagħmlu, li nagħmluh sew, b’ħerqa u b’inizjattiva. Imma bla ebda għaġġla u stress, b’dik il-paċi li tiġi għax nafu li qed nagħmlu r-rieda ta’ Alla.

L-importanti hu biss li nimxu wara Ġesù, inħalluh jgħix fina, noqogħdu attenti għal kull ma jgħidilna, għal-leħen delikat tiegħu li mument wara l-ieħor imexxina. B’hekk ikun hu li jmexxi kull ma nagħmlu.

Aħna u nagħmlu l-“ħafna affarijiet” ta’ kuljum ma rridux naljenaw ruħna. Meta nimxu fuq kliem Ġesù, inkunu qed nagħmlu kollox b’imħabba. F’dak kollu li rridu nagħmlu, nagħmlu biss ħaġa waħda: inħobbu.

Fabio Ciardi