Kelma tal-Ħajja, Jannar 2016

Jannar 2016

“Imsejħin biex inxandru l-opri tal-għaġeb tal-Mulej” (ara 1 Pt 2,9).

 

Dak li jagħmel il-Mulej huwa tal-għaġeb. Meta Alla ħalaq l-univers, hu “ra li kien tajjeb” (Ġen 1,25), filwaqt li wara li għamel il-bniedem, raġel u mara, u fdalhom f’idejhom il-ħolqien, hu ra li “kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen 1,31. Imma l-aqwa opra tiegħu hi dik li wettaq Ġesù: bil-mewt u l-qawmien tiegħu hu ħalaq dinja ġdida u ġens ġdid. Ġens li Ġesù tah il-ħajja tas-Sema; għamel li nkunu lkoll tassew aħwa billi nilqgħu lil xulxin, naqsmu ħajjitna  u nagħtu lilna nfusna lill-oħrajn. San Pietru kiteb ittra li fiha jgħid lill-insara tal-ewwel żminijiet li l-imħabba ta’ Alla għamlithom “ġens magħżul, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu ta’ Alla (aqra l-versi 9 u 10).

Jekk aħna wkoll, bħall-ewwel insara, nagħrfu tassew min aħna, kemm il-ħniena ta’ Alla ħadmet fina, fostna u madwarna, kieku nibqgħu mgħaġġbin, nintlew b’ferħ kbir u nħossu l-bżonn li naqsmu dan il-ferħ mal-oħrajn, li “nistqarru l-opri tal-għaġeb tal-Mulej”.

Imma diffiċli, kważi impossibbli, nagħtu xhieda tajba għas-sbuħija tas-soċjetà ġdida, li għaliha Ġesù ta ħajtu, u nibqgħu iżolati minn xulxin. Għalhekk hi ħaġa normali li l-istedina ta’ San Pietru tkun għall-poplu kollu. Ma nistgħux nuru lilna nfusna mifruda, jew indifferenti lejn xulxin, u mbagħad nistqarru li: “Il-Mulej ħalaq ġens ġdid, ħelisna mill-egoiżmu, mill-mibegħda u milli nżommu f’qalbna għal xulxin, u li hu tana b’liġi l-imħabba lejn xulxin li tagħmilna qalb waħda u ruħ waħda...”. Fost il-ġens Nisrani tagħna żgur li hemm differenzi fil-mod kif naħsbuha, fit-tradizzjonijiet u l-kulturi, imma dawn id-differenzi rridu nilqgħuhom b’rispett, nagħrfu s-sbuħija ta’ din il-varjetà kbira, konvinti li l-għaqda ma tfissirx li aħna lkoll l-istess.

Din il-mixja se nagħmluha matul il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara, li f’pajjiżna tiġi ċċelebrata mit-18 sal-25 ta’ Jannar, u matul is-sena kollha. Din il-Kelma tal-ħajja tistedinna biex, bħala Nsara minn Knejjes u komunitajiet differenti, insiru nafu aħjar lil xulxin, u  biex inwasslu lil xulxin il-ħwejjeġ  kbar li qed iwettaq il-Mulej. Imbagħad inkunu nistgħu “nistqarru” dawn l-affarijiet b’mod li niġu emmnuti, u nkunu xhieda li aħna magħqudin ħaġa waħda bejnietna f’din id-diversità u li aħna nagħmlu l-qalb lil xulxin.   

Chiara Lubich tħeġġiġna biex nagħmlu din il-mixja: “L-imħabba hi l-akbar qawwa tad-dinja: tqanqal rivoluzzjoni Nisranija paċifika fost dawk li jgħixuha, hekk li l-insara tallum itennu dak li, sekli ilu, kienu jgħidu l-ewwel insara: “Twelidna l-bieraħ imma diġà ninsabu mxerrdin mad-dinja kollha”[i]. […] L-imħabba! Kemm għandna bżonnha fid -dinja! U fina l-insara! Aħna lkoll li ġejjin minn Knejjes differenti ngħoddu 'l fuq minn elf miljun ruħ. Għalhekk aħna qegħdin ħafna u jmissna nidhru sew fid-dinja. Imma tant aħna mifrudin li ħafna huma dawk li ma jarawniex, u lanqas ma jaraw ‘il Ġesù permezz tagħna. Hu qal li d-dinja għad tagħrafna bħala tiegħu u, permezz tagħna, għad tagħraf Lilu, mill-imħabba ta’ bejnietna, mill-għaqda: «Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom» (Ġw 13,35). […] Għalhekk dan iż-żmien jitlob minn kull wieħed minna mħabba, jitlob għaqda u solidarjetà. U jsejjaħ anki lill-Knejjes biex jerġgħu jkunu ħaġa waħda kif kienu ħafna sekli ilu”.[ii] 

 


[i]  Tertulliano, Apologetico 37.7.

[ii] Chiara Lubich: Il dialogo è vita, Roma 2007, pp.42-43