KELMA TAL-ĦAJJA                                          

ĠUNJU 2018 | ĦARĠA 1806

 

“HENJIN DAWK LI JĠIBU L-PAĊI, GĦAX HUMA JISSEJĦU WLIED ALLA” (MT 5,9).

 

Il-Vanġelu ta’ San Mattew jibda bir-rakkont tal-predikazzjoni ta’ Ġesu li fih Hu jħabbar b’mod mhux mistenni l-Beatitudnijiet.

 

Ġesu jistqarr bħala “hienja”, nies tassew ferħana u li rnexxew f’ħajjithom, dawk li f’għajnejn id-dinja huma meqjusa bħala telliefa jew sfortunati: l-umli, l-imnikkta, ta’ qalbhom ħelwa, dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja, dawk li huma ta’ qalb safja u dawk li jġibu l-paċi.

 

Lil dawn, Alla jwegħidhom affarijiet kbar: Hu stess jaqtagħlhom il-ġuħ u jfarraġhom, u jwegħidhom b’wirt l-art u s-saltna Tiegħu. Din hija vera bidla mill-qiegħ tal-kultura tagħna. Tibdel għal kollox il-viżjoni magħluqa u mtappna li spiss twassalna biex niskartaw ‘il dawn in-nies għax inħarsu lejhom bħala bnedmin li ma tantx jiswew fil-kisba għall-poter u s-suċċessi.

 

Il-Bibbja tħares lejn il-paċi bħala l-frott tas-salvazzjoni li jwettaq Alla. Għalhekk, qabel xejn, hija don mogħti minnU. Il-paċi hi karatteristika ta’ Alla nnifsu, li jħobb il-bnedmin kollha u l-ħolqien kollu b’qalb ta’ Missier. Hu għandu proġett li bih iġib il-ftehim u l-armonija. Għalhekk, min iħabbrek għall-paċi, jixbah lil Alla, bħalma iben jixbah lil missieru.

 

Chiara Lubich kitbet hekk: “Biex iġġib il-paċi jrid ikollok il-paċi ġewwa fik. Irridu nkunu nies li l-ħin kollu jġibu l-paċi qabel xejn fl-imġiba tagħna, billi ngħixu fi qbil ma’ Alla u r-rieda Tiegħu. [...] ≪... għax huma jissejħu wlied Alla≫: meta ningħataw isem ifisser insiru dak li l-isem jesprimi. Lil Alla, San Pawl kien isejjaħlu ≪Alla tal-paċi ≫ u meta kien isellem lill-insara kien jgħidilhom: ≪Alla tal-paċi jkun magħkom ilkoll≫. Dawk li jġibu l-paċi juru li huma qraba ta’ Alla, iġibu ruħhom bħala wlied Alla, jagħtu xhieda ta’ Alla li [...] poġġa l-ordni fis-soċjeta tal-bnedmin, u l-paċi hija frott ta’ dan”.1

 

Il-paċi ma tfissirx sempliċement ma tiġġilidx; lanqas li żżomm il-kwiet u tagħmel kompromessi fuq il-valuri biex tkun dejjem aċċettat minn ħaddieħor. Il-paċi hi għixien li jaqbel mal-benna tal-Vanġelu, li jitlob minna l-kuraġġ li nagħmlu għażliet li jeħduha kontra l-kurrent tad-dinja.

 

Inkunu “dawk li jġibu l-paċi” meta, fuq kollox, noħolqu okkażjonijiet li bihom nirranġaw il-kwistjonijiet ħalli nġibu l-għaqda f’ħajjitna u f’ħajjet l-oħrajn. L-ewwelnett għaqda ma’ Alla u mbagħad ma’ min jgħix qrib tagħna: fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, l-iskola, fil-parroċċa u fl-għaqdiet, fir-rabtiet tagħna mannies u bejn il-ġnus. Għalhekk din hija forma ta’ mħabba deċiżiva lejn il-proxxmu tagħna, hi opra kbira ta’ ħniena li tfejjaq ir-rabtiet kollha bejn kulħadd.

 

Hekk iddeċieda li jagħmel fl-iskola wieħed żgħażugħ mill-Venezwela: “Darba, wara li spiċċajna l-lezzjonijiet, indunajt li sħabi kienu qed jorganizzaw protesta li fiha kellhom f’moħħhom li jużaw il-vjolenza, jaħarqu l-karozzi u jitfgħu l-ġebel. Mill-ewwel ġieni f’moħħi li dik l-imġiba ma’ kenitx taqbel mal-istil ta’ ħajti. Għalhekk ipproponejt lil sħabi biex niktbu ittra lill-kapijiet tal-iskola: b’hekk stajna nitolbu l-istess affarijiet li huma riedu jiksbu bil-vjolenza. Ktibnieha u tajnieha lill-kap tal-iskola”.

 

F’dawn iż-żminijiet jeħtieġ li nwasslu għad-djalogu bejn nies u gruppi, li huma differenti minn xulxin minħabba storja, tradizzjonijiet u opinjonijiet, u napprezzaw u nilqgħu l-varjeta u l-għana tagħhom.

 

Kif qal m’ilux Papa Franġisku: “Il-paċi tinbena fid-differenzi ta’ bejnietna... U jekk nitilqu minn dawn id-differenzi, ta’ aħwa li aħna, nitgħallmu minn xulxin ... Wieħed hu Missierna, u aħna lkoll aħwa. Ejjew ninħabbu bħala aħwa. U jekk niddiskutu bejnietna, ejjew nagħmlu dan bħal aħwa li malajr jerġgħu lura għall-ftehim bejniethom u jaslu biex ikunu dejjem aħwa ta’ xulxin”.2

 

Nistgħu wkoll nimpenjaw ruħna biex nagħrfu kull rimja ta’ paċi u fraternita li diġa qed jagħmlu l-bliet tagħna aktar miftuħa u umani. Ejjew nieħdu ħsieb kull rimja u nkabbruha; b’hekk inkunu qed nagħtu sehemna biex jitfejqu l-ġrieħi tal-firdiet u l-kwestjonijiet li l-bliet tagħna jkunu għaddejjin minnhom.

 

Letizia Magri

 1: Cfr. C. Lubich, Diffondere pace, Citta Nuova, 25, [1981], 2, pp. 42-43.

 2: Cfr. Tislima tal-Papa, Laqgħa mal-leaders reliġjużi tal-Myanmar, 28 ta’ Novembru 2017