Kelma tal-Ħajja

Diċembru 2016

 

Hu stess ġej biex isalvakom” (Is 35, 4)

Hu ġej issa! U aħna ċerti minn dan. Ma rridux nistennew għada, jew l-aħħar taż-żmien, jew  il-ħajja l-oħra. Alla jaġixxi  minnufih, l-imħabba ma tħallix iż-żmien jgħaddi jew jitwal. Il-profeta Isaija qal dan il-kliem lill-poplu li kien qed jistenna b’ħerqa t-tmiem tal-eżilju biex imur lura f’art twelidu. F’dawn il-jiem ta’ stennija għall-Milied irridu niftakru li wegħda bħal  din saret lil Marija: “Il-Mulej miegħek” (Lq 1, 28); l-anġlu ħabbrilha t-twelid tas-Salvatur.

Hu mhux ġej sempliċiment biex iżurna. Din hi ġrajja deċiżiva, ta importanza kbira: ġej biex  isalvana! Minn xhiex? Mela ninsabu fil-periklu? Iva. Kultant nindunaw, drabi oħra lanqas biss nintebħu. Ġej għax jara l-egoiżmu, l-indifferenza lejn min qed ibati u jinsab fil-bżonn,  il-mibegħda, il-firdiet. Qalb il-bnedmin hi marida. Hu jitqanqal bil-ħniena għall-bniedem, ma jridx li jintilef.

Jagħtina din l-ħniena tiegħu bħal dik l-id li tagħti l-għajnuna lil xi ħadd li jkun qed jegħreq.  Daż-żmien, sfortunatament, spiss naraw din il-ħaġa tiġri meta r-rifuġjati jippruvaw jaqsmu l-ibħra tagħna; naraw b’liema ħeffa jaħtfu dik l-id li tkun trid tgħinhom. Aħna wkoll, kull ħin,  nistgħu naħtfu id Alla u nimxu warajH b’fiduċja. Hu mhux biss ifejjaq lil qalbna magħluqa fiha nfisha u b’hekk magħluqa għall-oħrajn, imma jagħmilna kapaċi ngħinu lil kull min jinsab fil-bżonn, fid-dwejjaq u fit-tiġrib.

Chiara Lubich tgħid: “Żgur li mhuwiex Ġesù tal-istorja jew Ġesù bħala r-Ras tal-Ġisem mistiku li jsolvi l-problemi. Imma Ġesù-aħna, Ġesù-jien, Ġesù-int… Huwa Ġesù fil-bniedem, f’dak it-tali  bniedem (meta fih ikun hemm il-grazzja), li jibni pont, li jagħmel triq, … […] Hu bħal Kristu ieħor, bħala membru tal-Ġisem mistiku tiegħu, li kull bniedem jagħti sehmu fl-ambjenti kollha: fix-xjenza, fl-arti, fil-politika, fil-komunikazzjoni, eċċ.”. B’hekk il-bniedem  hu s-sieħeb fil-ħolqien u fil-fidwa li jġib Kristu. “Din hija l-inkarnazzjoni li għadha sejra,  inkarnazzjoni sħiħa li għandha xtaqsam ma’ Ġesù li hemm fil-membri kollha tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu”.

Dan hu eżattament dak li  ġralu Roberto, li kien il-ħabs u li sab ‘il min isalvah”. Issa sar  wieħed li “jsalva”. Hu rrakkonta l-esperjenza tiegħu lill-Papa meta fl-24 ta’ April għamel żjara lill-Mariapoli li kienet qed issir ġo Villa Borghese, f’Ruma. “Wara li ħriġt mill-ħabs,  fejn kont ili għal ħafna snin, ħsibt li nerġa’ nibda ħajti mill-ġdid. Imma, kif nafu, avolja tkun qattajt snin twal il-ħabs, għan-nies inti tibqa’ dejjem raġel ħażin. Bdejt infittex ix-xogħol  imma  sibt il-bibien kollha magħluqa. Kelli nittallab il-karità fit-toroq, u domt seba’ xhur norqod barra. Sa ma ltqajt ma Alfonso li waqqaf għaqda biex tgħin lill-familji tal-ħabsin. Qalli: ‘Jekk trid tibda tgħix ħajtek mill-ġdid, ejja miegħi’. Issa, ili sena ngħin lil Alfonso nħejju x-xirjiet biex nagħtuhom lill-familji tal-ħabsin li mmorru nżuru. Għalija din hi grazzja kbira għax jien nara lili nnifsi f’dawn il-familji. Nara d-dinjità ta’ dawn in-nisa waħedhom bi tfal żgħar, li jgħixu sitwazzjonijiet iddisprati u jistennew lil xi ħadd li jagħtihom ftit faraġ,  ftit mħabba. F’din il-ħidma ta’ għajnuna jiena sibt id-dinjità tiegħi ta’ bniedem. Issa ħajti  tagħmel  sens. Inħossni aktar b’saħħti għax għandi lil Alla f’qalbi, inħossni maħbub …”.

Fabio Ciardi