April 2015

 

“Sirt kollox ma’ kulħadd”

(1 Kor 9, 22)

 

Fl-ewwel ittra lill-komunità ta’ Korintu, li minnha ttieħdet il-Kelma tal-Ħajja ta’ dan ix-xahar, San Pawl ikollu jiddefendi ruħu min-nuqqas ta’ rispett ta’ xi nsara lejh. Dawn kienu jiddubitaw jew jiċħdu li hu kien appostlu. Wara li wriehom li hu appostlu għax kien “ra lil Ġesù” (ara 9, 1), San Pawl jgħid għaliex ġab ruħu b’mod umli, tant li ma ried l-ebda ħlas għal xogħlu. Għalkemm seta’ jgħid li hu appostlu bi dritt, ipprefera jkun “qaddej ta’ kulħadd”. Hekk ried iġib ruħu biex ikun jaqbel mal-Vanġelu.

Biex iwasslilhom il-messaġġ ġdid tal-Vanġelu, hu qabes għal kull kategorija ta’ nies, sa ma sar ħaġa waħda magħhom. Għal ħames darbiet kiteb “sirt ħaġa waħda” mal-oħrajn: mal-Lhud li, biex iħobbhom kien josserva l-liġi ta’ Mosè, għalkemm kien iqis li ma kienx għadu marbut magħha; ma’ dawk li ma kinux Lhud, li ma kinux josservaw il-liġi ta’ Mosè, huwa wkoll kien jgħix bħallikieku ma kienx taħt il-liġi ta’ Mosè, filwaqt li kellu liġi li kienet titlob ħafna minnu, lil Ġesù nnifsu. Imbagħad kien hemm dawk li jistgħu jissejħu “dgħajfin”. Dawn kienu nsara skruplużi li kienu jistaqsu lilhom infushom setgħux jieklu l-laħam li kien jiġi offrut lill-idoli. Hu sar dgħajjef magħhom ukoll, għalkemm kien “qawwi” u kien iħossu tassew ħieles. Fi ftit kliem, sar “kollox ma’ kulħadd”.

Kull darba kien itenni li qed iġib ruħu hekk biex “jirbaħ” lil kulħadd għal Kristu, biex għallinqas “isalva” lil xi ħadd. Ma kienx jilludi ruħu, ma kienx qed jistenna xi suċċess kbir, kien jaf tajjeb li ftit kienu dawk li kienu se jwieġbu għal imħabbtu. Madankollu hu kien iħobb ʼil kulħadd u kien jaqdi ʼl kulħadd fuq l-eżempju tal-Mulej, li ġie “biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għal kotra” (Mt 20, 28). Min aktar minn Ġesù Kristu sar ħaġa waħda magħna? Hu li kien Alla, “xejjen lilu n-nifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin” (Fil 2, 7).

 

“Sirt kollox ma’ kulħadd”

 

Chiara Lubich ħadet dan il-kliem u tatu importanza kbira fl-“arti tal-imħabba[1]” tagħha. Semmietu “issir ħaġa waħda”. Fih hi rat espressjoni tad-“diplomazija” tal-imħabba. Kitbet hekk:  “Meta xi ħadd jibki, irridu nibku miegħu. U jekk jidħaq, nifirħu miegħu. B’hekk is-salib jinġarr fuq ħafna spallejn, u l-ferħ jiżdied u jidħol f’ħafna qlub. Insiru ħaġa waħda b’imħabba għal Ġesù, sa mal-proxxmu, milqut mill-imħabba t’Alla fina, ikun irid isir ħaġa waħda magħna, biex ngħinu lil xulxin u naqsmu flimkien ideali, proġetti u għożża. […] Din hi d-diplomazija tal-imħabba, li tixbah lid-diplomazija ordinarja, fejn wieħed ma jgħidx dak li jista’ jgħid, biex ma jweġġgħax lill- oħrajn u lanqas ʼil Alla; wieħed jagħraf jistenna, ikun jaf meta għandu jiskot jew jitkellem, sabiex jasal fejn irid jasal. Din hi d-diplomazija ta’ Ġesù li sar bniedem biex tagħmilna Alla”[2].

 

 

 

Ta’ għalliema tajba li hi, Chiara tgħidilna x’ifixkilna milli “nsiru ħaġa waħda”: “Kultant inkunu distratti, drabi oħra jkollna x-xewqa ħażina li ngħidu l-idea tagħna qabel il-waqt, li nagħtu l-parir tagħna mhux f’waqtu. Drabi oħra ma tantx inkunu lesti nsiru ħaġa waħda mal-proxxmu għax naħsbu li dan ma jifhimniex, jew ikollna xi ġudizzji oħra lejh. Xi drabi jkollna l-interess li nirbħuh lejna biex iżomm magħna”. Għalhekk “jeħtieġ li naqtgħu jew li nwarrbu dak kollu li jkollna f’moħħna jew f’qalbna biex insiru ħaġa waħda mal-oħrajn”[3]. Mela din hi mħabba kontinwa u li ma tgħejja qatt, imħabba li taf tippersevera u bla interessi, imħabba li min-naħa tagħha tafda fl-imħabba ta’ Alla li hi akbar u aktar qawwija.

 

Dawn huma suġġerimenti prezzjużi, li jistgħu jgħinuna ngħixu l-Kelma tal-Ħajja ta’ dan ix-xahar, nintefgħu nisimgħu lill-oħrajn b’mod sinċier, nifhmuhom sew, u nsiru ħaġa waħda magħhom f’dak li jġarrbu u jħossu, naqsmu magħhom l-inkwiet u l-ferħ tagħhom:

 

“Sirt kollox ma’ kulħadd”

 

Madankollu, il-Vanġelu mhux qed jistedinna nwarrbu l-konvinzjonijiet tagħna, qisna  naqblu ma’ kull ħaġa li jagħmlu l-oħrajn, jew li ma jkollniex l-opinjoni tagħna. Jekk inkunu ħabbejna lill-oħrajn sa ma nkunu sirna ħaġa waħda magħhom, u jekk inkunu għotja ta’ mħabba u dan inkunu għamilnieh b’rabta sinċiera, aħna nistgħu u għandna naqsmu magħhom kif naħsbuha. Anki jekk il-verità tista’ tweġġa’, irridu nibqgħu dejjem f’atteġġament ta’ mħabba kbira. Meta nsiru ħaġa waħda mal-oħrajn, dan ma jkunx sinjal ta’ dgħufija min-naħa tagħna, ma jfissirx li rridu nsibu kompromess biex ngħixu fil-kwiet mal-oħrajn, imma għandu jkun espressjoni ta’ bniedem ħieles li jintefa’ jaqdi lill-oħrajn; dan jitlob minna kuraġġ u determinazzjoni.

Importanti li jkollna f’moħħna għalfejn irridu nsiru ħaġa waħda mal-oħrajn.

Is-sentenza ta’ San Pawl li se ngħixu dan ix-xahar, kif għidna diġà, tkompli bil-kliem: “... biex insalva lil kulħadd”. San Pawl qed jgħid li aħna għandna nsiru ħaġa waħda biex ħaddieħor  isalva lilu nnifsu. Dan hu mod kif nidħlu fl-oħrajn, biex it-tajjeb u l-verità li diġà hemm fihom joħorġu b’mod sħiħ, biex inwarrbu żbalji u nwasslu s-sustanza tal-Vanġelu. Din hi biċċa xogħol li għal San Pawl ma tagħrafx limiti jew skużi, ma jistax jonqos fih għax dan hu li Alla fdalu f’idejh, u jrid iwettqu “b’kull mezz”, b’dik il-ħeġġa li tiġi biss mill-imħabba.

Din hi l-intenzjoni li biha nsiru “ħaġa waħda”. Anki l-politika u l-kummerċ iridu jersqu qrib in-nies, jidħlu fi ħsiebhom, jagħrfu xinhuma l-bżonnijiet, imma dejjem ikun hemm dik ix-xi ħaġa li biha wieħed jagħmel dan kollu għall-interessi tiegħu. Filwaqt li, kif tgħid Chiara, “id-diplomazija divina titħarrek biss għall-ġid tal-oħrajn u għalhekk hi nieqsa minn kull forma ta’ egoiżmu”[4].

Mela, “insiru ħaġa waħda”, biex ngħinu lil kulħadd jikber fl-imħabba u b’hekk inkunu qed naħdmu biex il-bnedmin kollha jistmaw lil xulxin ta’ aħwa. Din hi l-ħolma ta’ Alla għall-bniedem. Għal dan il-għan Ġesù ta ħajtu.

 


[1] “Arti tal-Imħabba”, miktub minn Chiara Lubich, ed. 2014

[2] “Diplomazia”, fi Scritti spirituali/1, Città Nuova, Roma 20035, p. 88-89.

[3] La vita,  un viaggio, Città Nuova, Roma 19944, p. 63.

[4] “Diplomazia”, cit., p. 89.