Il-Moviment tal-Fokolari beda minn Chiara Lubich fl-Italja u llum jinsab f’182 pajjiż fid-dinja kollha.  Il-membri tiegħu jixtiequ jaħdmu biex kull fejn jinsabu jinżamm ħaj l-ispirtu ta’ mħabba ta’ dan il-Moviment li l-iskop ewlieni tiegħu hu li jseħħu l-kliem ta’ Ġesu’ “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda, biex hekk id-dinja temmen”. 

Sa mill-bidu nett ta’ dan il-Moviment, l-għixien tal-Kelma tal-Ħajja kienet xi ħaġa tipika tiegħu.  Chiara u l-ewwel ħbieb tagħha skoprew ħaġa ġdida, sempliċi u fl-istess ħin kbira ħafna:  Ġesu stess hu l-verita’, u jekk irridu naslu għall-verita’ jeħtieġ li nimxu warajh, għax Hu l-Kelma ta’ Alla li sar bniedem.

Meta qraw il-kliem ta’ Ġesu' laqtuhom b’mod profond, mhux tas-soltu. Fehmu li l-Vanġelu fih kliem ta’ Ħajja, setgħu jgħixuh, u jista’ jgħixu kulħadd:  kbar, żgħar, suwed,  bojod, il-bidwi, il-membru parlamentari, l-omm, il-ħabsi ……

Il-Vanġelu fih kliem bħal:  “Aħfer għal 77 darba”; “Agħti ‘l min jitolbok”; “Henjin dawk li jhennu”; “Tiġġudikawx”.

Chiara tgħid li x-xewqa tagħhom kienet li jgħixu b’tali mod illi, kieku l-Vanġeli kollha kellhom jinqerdu, in-nies meta jaraw lilhom jgħixu kienu jkunu jistgħu jerġgħu jiktbu l-Vanġelu mill-ġdid.

Hekk nixtiequ nagħmlu aħna wkoll:  Kull xahar ngħixu sentenza waħda mill-Vanġelu, inżommuha f’qalbna u ngħixuha. B’imħabba kbira lejn xulxin naqsmu l-ġid kollu li tħalli fina u hekk tissaħħah il-qdusija tagħna u dik tal-oħrajn flimkien magħna. Fhimna li kull kelma ta’ Ġesu hi Mhabba.  U kelma waħda biss minn dawn il-Kliem tal-Ħajja kapaċi tbiddel lid-dinja.