Kelma tal-Ħajja Settembru 2014

“Ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom għall-glorja ta’ Alla” (Rum 15, 7)

Din hi waħda mill-aħħar twissijiet li San Pawl bagħat lill-insara ta’ Ruma. Din il-komunità, bħal ħafna oħra mxerrda mal-kultura Griega u Rumana, kienet magħmula minn insara li qabel jew kienu pagani jew inkella Lhud. Għalhekk bejniethom kien hemm differenza kbira ħafna fil-mentalità u fil-formazzjoni kulturali tagħhom. Din id-differenza kienet tagħtihom l-okkażjoni biex jiġġudikaw, jiddiskriminaw u ma jissaportux lil xulxin. Dan żgur li ma kienx skont dak li Alla kien jistenna minnhom, jiġifieri li jilqgħu lil xulxin.

San Pawl, biex jgħinhom jegħlbu dawn id-diffikultajiet, ħaseb li l-aħjar ħaġa tkun li jġegħilhom jaħsbu sewwa fuq il-grazzja tal-konverżjoni li huma kienu rċevew. Il-fatt li Ġesù kien sejħilhom għall-fidi u tahom id-don tal-Ispirtu s-Santu, hija prova tal-imħabba li biha Ġesù kien laqa’ lil kull wieħed u waħda minnhom. Minkejja l-ħajja mgħoddija tagħhom u l-fatt li kienu ġejjin minn postijiet differenti, Ġesù laqagħhom biex huma jkunu ġisem wieħed.

“Ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom għall-glorja ta’ Alla”.

Dan il-kliem ta’ San Pawl ifakkarna f’wieħed mill-aspetti tal-imħabba ta’ Ġesù li tant jolqotna. Din hi l-imħabba li biha Ġesù, fil-ħajja tiegħu hawn fl-art, dejjem kien jilqa’ lil kulħadd, l-aktar lil dawk imwarrbin mis-soċjetà, fil-bżonn jew l-imbegħdin minn Alla. Din hija l-imħabba li biha Ġesù offra lil kulħadd il-fiduċja, l-intimità u l-ħbiberija tiegħu. Fl-istess ħin hu neħħa l-firdiet bejn il-bnedmin li l-kburija u l-egoiżmu kienu ħolqu fis-soċjetà ta’ żmienu. Ġesù wera l-imħabba tal-Missier tagħna tas-Sema li biha hu jilqa’ lil kulħadd u għalhekk uriena li aħna għandna nuru mħabbitna għal xulxin. Din hi l-ewwel ħaġa li Alla l-Missier iridna nagħmlu. Għalhekk lill-Missier aħna ma nistgħux nagħtuh glorja akbar milli nfittxu li nilqgħu lil xulxin kif Ġesù laqa’ lilna.

“Ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom għall-glorja ta’ Alla”.

Mela kif se ngħixu l-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar? Din qed tgħidilna biex noqogħdu attenti minn waħda mill-forom tal-egoiżmu tagħna li spiss naqgħu fiha u ngħiduha kif inhi, dik li hi l-aktar iebsa biex negħlbuha: it-tendenza li ninqatgħu għalina nfusna, li niddiskriminaw lil ħaddieħor, inħalluh barra, għax hu differenti minna u forsi ma jħalliniex bi kwietna.

Ejjew mela nfittxu li ngħixu din il-Kelma tal-ħajja qabelxejn fil-familji tagħna, fl-għaqdiet, fil-komunitajiet, ma’ dawk li jaħdmu magħna fuq il-post tax-xogħol; dan billi nwarrbu l-ġudizzji, id-diskriminazzjoni, s-suspetti, billi ma nżommux f’qalbna għall-oħrajn, u nissaportu lil xulxin. Jekk ma nagħmlux hekk ma jkollniex rabtiet tajba mal-oħrajn u l-imħabba ta’ bejnietna tintemm.

Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ma’ ħutna l-bnedmin inwiegħdu li nagħtu xhieda tal-imħabba li biha Ġesù kien jaf jilqa’ lill-oħrajn, billi nilqgħu lil kull proxxmu li Ġesù jlaqqagħna miegħu, speċjalment lil dawk li, minħabba l-egoiżmu soċjali tagħna nkunu mħajra nwarrbuhom.

Il-pedament tal-imħabba nisranija hu li nilqgħu lill-oħrajn, l-aktar lil dawk li jkunu differenti minna. Minn hawn irridu nibdew, din hi l-ewwel tarġa biex tinbena dik iċ-ċiviltà tal-imħabba, dik il-kultura ta’ komunjoni li Ġesù qed isejħilna għaliha speċjalment f’dawn iż-żminijiet tallum.

 

Chiara Lubich