Settembru 2012

 

“Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih il-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4, 13-14).

 

Meta Ġesù qal dan il-kliem, li hu ġawhra tal-Vanġelu, lis-Samaritana, hu kien qiegħed ħdejn il-bir ta’ Ġakobb. Ġesù jsemmi l-ilma, element mill-aktar sempliċi, imma mill-aktar mixtieq u meħtieġ għal min jgħix fid-deżert. Ma kellux għalfejn joqgħod ifisser ħafna affarijiet biex in-nies tifhem xi jfisser l-ilma.

 

L-ilma tal-għajn iservi għall-ħajja tagħna naturali, filwaqt li l-ilma ħaj li jsemmi Ġesù, iservi għall-ħajja ta’ dejjem.

 

Kif id-deżert jieħu l-ħajja meta tagħmel ħafna xita, hekk ukoll iż-żerriegħa li tagħtina l-magħmudija, tista’ tinbet biss jekk tissaqqa bil-Kelma t’Alla. Il-pjanta tikber, tarmi u tieħu s-sura ta’ siġra jew ta’ xi fjura mill-isbaħ. Dan għax tirċievi l-ilma ħaj tal-Kelma li tagħtiha l-ħajja u żżommha għall-eternità.

 

“Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih il-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”.

 

Dan id-diskors Ġesù qed jgħidu lilna lkoll, li fid-dinja ninsabu bil-għatx: qed jgħidu lil dawk li jafu bin-nixfa spiritwali li għaddejjin minnha u għadhom iħossu l-għatx, u lil dawk li lanqas biss iħossu l-bżonn li jixorbu mill-għajn tal-ħajja vera, u tal-valuri kbar tal-umanità.

 

Imma, fl-aħħar mill-aħħar, Ġesù qed ikellem lill-irġiel u n-nisa tallum u qed jgħidilna fejn nistgħu nsibu t-tweġiba għall-mistoqsijiet kollha tagħna, u għas-sodisfazzjon sħiħ tax-xewqat tagħna.

         

Mela, ilkoll kemm aħna għandna nixorbu mill-għajn ta’ kelmtu, u nħallu l-messaġġ tiegħu jisqina.  Kif?  Billi nħallu l-Vanġelu jmexxilna ħajjitna, billi nqabbluha ma’ kliemu, u nfittxu li naħsbu b’moħħ Ġesù u li nħobbu b’qalbu. Kull mument li fih infittxu li ngħixu l-Vanġelu hu qatra minn dak l-ilma ħaj li nixorbu. Kull meta nagħmlu att ta’ mħabba mal-proxxmu tagħna nkunu qed nixorbu minn dak l-ilma.

         

Iva, għax dak l-ilma hekk ħaj u prezzjuż hu speċjali: ifawwar f’qalbna kull meta niftħuha b’imħabba għall-oħrajn. Dan l-ilma hu għajn t’Alla li, aktar ma nħobbu lill-oħrajn – b’azzjonijiet kbar jew żgħar ta’ mħabba – aktar jaqtagħlna l-għatx bih.

 

“Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih il-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”.

 

Mela issa fhimna li, biex ma nbatux l-għatx, irridu nagħtu mill-ilma ħaj li jagħtina Hu. Kultant biżżejjed ngħidu kelma, nagħtu tbissima, nagħtu s-sapport tagħna lil xi ħadd, biex mill-ġdid inħossuna mimlija u tassew sodisfatti, biex Hu jfawwarna bil-ferħ. U jekk nibqgħu nagħtu, din l-għajn ta’ paċi u ferħ, minnha jnixxi dejjem ilma aktar abbundanti, li ma jinxef qatt.

         

Hemm ukoll sigriet ieħor li wriena Ġesù. Nistgħu nxebbhuh ma’ bir bla qiegħ li minnu nistgħu ntellgħu l-ilma. Meta tnejn jew tlieta jingħaqdu f’ismu, u jħobbu ’l xulxin bl-istess imħabba tiegħu, Hu jkun f’nofshom. Imbagħad aħna nħossuna ħielsa, magħqudin ħaġa waħda, mimlijin dawl u xmajjar ta’ ilma ħaj joħorġu minna. Din hi l-wegħda ta’ Ġesù li sseħħ għaliex minnu, li jkun preżenti f’nofsna, igelgel ilma li jaqtagħlna l-għatx għall-eternità.

 

Chiara Lubich