Kelma tal-Ħajja OTTUBRU 2013

 

“Tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-liġi” (Rum 13,8).

 

Fil-versi ta’ qabel (Rum 13, 1-7), San Pawl jsemmi l-obbligu li għandna lejn l-awtorità ċivili (ubbidjenza, rispett, ħlas tat-taxxi eċċ) u jisħaq li t-twettiq ta’ dan l-obbligu jrid ikun imqanqal mill-imħabba. Qed jitkellem dwar obbligu li faċli nifhmuh għax jekk ma nwettquhx nistgħu neħlu l-pieni msemmija fil-liġi.

         

San Pawl telaq minn dan il-punt u mbagħad għadda biex jitkellem dwar obbligu ieħor li hu ftit aktar diffiċli biex tifhmu: hu l-istess obbligu li ħallielna Ġesù u li rridu nwettquh ma’ kull proxxmu: li nħobbu lil xulxin. Din l-imħabba nuruha b’diversi modi: bil-ġenerożità, bil-fiduċja, bl-istima lejn xulxin, bis-sinċerità eċċ. (ara Rum 12, 9-12).

 

“Tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-liġi”.

 

Din il-Kelma tal-ħajja turina biċ-ċar żewġ affarijiet.

L-ewwelnett tippreżentalna l-imħabba bħala obbligu, jiġifieri bħala xi ħaġa li quddiemha ma nistgħux nibqgħu indifferenti, ma nistgħux inwarrbuha. Hija xi ħaġa li timbuttana u tiġri warajna u ma noqogħdux bi kwietna qabel ma nwettquha.                 

Turina li l-imħabba lejn xulxin mhijiex xi ħaġa “żejda”, li nwettquha għax aħna ġenerużi u li nistgħu nitfgħuha fil-ġenb kull meta jidhrilna bla ma nkunu qed niksru xi liġi. Din il-Kelma titlobna npoġġu din l-imħabba fil-prattika, għax jekk ma nagħmlux hekk inkunu qed nittradixxu d-dinjità tagħna ta’ Nsara msejħa minn Ġesù biex inkunu għodda ta’ mħabbtu fid-dinja.

 

It-tieni ħaġa tgħidilna li l-imħabba lejn xulxin hi l-qalba, ir-ruħ u l-għan aħħari tal-kmandamenti kollha.

 

Bir-riżultat li jekk irridu nwettqu sew ir-rieda t’Alla ma nistgħux nikkuntentaw ruħna billi nħarsu l-kmandamenti mingħajr ħeġġa u b’mod ġuridiku; imma rridu nżommu dejjem quddiem għajnejna x’irid jgħidilna Alla permezz tagħhom. Għalhekk, per eżempju, biex wieħed jgħix tajjeb is-seba’ kmandament, ma jridx biss ma jisraqx, imma jrid jaħdem bis-serjetà għall-ġustizzja soċjali. Hekk biss inkunu qed nuru mħabbitna lejn il-proxxmu.

 

“Tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-liġi”.

 

Mela kif ser ngħixu l-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar?

 

Fl-imħabba lejn il-proxxmu li qed tipproponielna din il-Kelma nsibu numru bla għadd ta’ rqaqat. Ser niefqu l-aktar fuq waħda minnhom, dik li jidhrilna li l-kliem stess ta’ din is-silta qed jissuġġerilna b’mod partikulari. 

       

Jekk, kif jgħid San Pawl, l-imħabba lejn xulxin hija obbligu, mela aħna rridu nkunu minn tal-ewwel li nħobbu, kif Ġesù għamel magħna. Għalhekk trid tkun imħabba li tieħu l-inizjattiva, li ma tistenna xejn, li ma tħalliex għal għada dak li tista’ tagħmel illum.

         

Mela ejjew ngħixu hekk matul dan ix-xahar. Ejjew infittxu li nkunu aħna l-ewwel li nħobbu lil kull persuna li niltaqgħu magħha: inċemplulha, niktbulha. U nagħmlu l-istess ma’  dawk li ngħixu magħhom. Jalla l-imħabba tagħna tkun imħabba konkreta, imħabba li tifhem, li taħseb minn qabel, li tagħraf tistabar, li ma taqtax qalbha, li tħenn.

 

Nindunaw li l-ħajja spiritwali tagħna tagħmel pass kbir ’il quddiem, u l-ferħ li jimla lil qlubna ma jitkejjilx.

         

Chiara Lubich