Ottubru 2012

 

“La qiegħed tgħid Int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5, 5)

 

Kif temm jgħallem lin-nies, Ġesù nxteħet bilqiegħda fuq id-dgħajsa ta’ Xmun u mbagħad qal lilu u lil sħabu biex ikalaw ix-xbiek tagħhom fl-ilma. Għalkemm Xmun stqarr li kienu għamlu lejl sħiħ jitħabtu bla ma qabdu xejn, hu żied jgħidlu: “La qiegħed tgħid Int, ħa nkala x-xbiek”.

 

Wara li għamel hekk, tant qabdu ħut li x-xbiek beda jinqasam. Imbagħad ġew sħabu jgħinuh u huma wkoll imlew id-dgħajjes tagħhom, hekk li għal ftit ma għerqux. Xmun, li baqa’ milqut ħafna, kif kienu wkoll Ġakbu u Ġwanni, inxteħet f’riġlejn Ġesù u talbu jitbiegħed minnu, għax kien bniedem midneb. Imma Ġesù qallu biex ma jibżax għax minn dak il-ħin ’il quddiem kien se jsir sajjied tal-bnedmin. Minnufih Xmun, Ġakbu u Ġwanni saru dixxipli tiegħu.

 

Dan hu r-rakkont tas-sajda mirakoluża li hi xbieha tal-missjoni futura tal-appostli. L-imġiba ta’ Pietru hi mudell mhux biss għall-appostli l-oħra u għal dawk li kellhom jiġu warajhom, imma wkoll għal kull nisrani.

 

“La qiegħed tgħid Int, ħa nkala x-xbiek”.

 

Wara lejl jistagħdu bla ma qabdu xejn, Pietru, li kien sajjied gwapp, seta’ jitbissem ftit u ma jilqax l-istedina ta’ Ġesù biex ikala x-xbiek filgħodu, għax dan ma kienx ħin tajjeb għas-sajd. Iżda ma tax kas tar-raġunament ta’ moħħu imma għażel li jafda f’Ġesù.

 

Anki llum il-ġurnata, kull min jemmen, u sewwasew għax jemmen, hu msejjaħ biex jgħix is-sitwazzjoni ta’ Pietru. Infatti l-fidi tiegħu għaddiet minn prova kbira.

 

Timxi wara Ġesù jfisser deċiżjoni, impenn u perseveranza f’dinja li qed ngħixu fejn donnu qed tistedinna biex inħallu kollox għaddej, biex ma nagħtu kas ta’ xejn, biex inkunu nies ta’ nofs kedda. Bħal qisu kollox jidher kbir wisq, ma tista’ tilħqu qatt u, minn qabel ma tibda, tħoss li mhux se jirnexxilek.

 

Għalhekk jeħtieġ ikollna l-qawwa li nimxu ’l quddiem, biex neħduha kontra l-ambjent ta’ madwarna, kontra d-dinja kif inhi, kontra l-ħbieb u l-mass-media.

 

Din hi l-prova iebsa li rridu niġġieldu kuljum, anzi kull mument. Jekk aħna naffrontaw u nilqgħu din il-prova, hi sservina biex insiru nsara maturi u biex naraw kemm hu tabilħaqq veru l-kliem tal-għaġeb ta’ Ġesù. Naraw ukoll il-wegħdiet tiegħu jseħħu. F’ħajjitna nistgħu nintefgħu f’avventura divina li hi wisq isbaħ minn tant oħrajn li qatt wieħed jista’ jimmaġina. B’hekk aħna nistgħu nuru li filwaqt li l-ħajja fid-dinja hi spiss nieqsa minn kull gost, iebsa u ma tħalli ebda frott, Alla jfawwar b’kull ġid ’il dawk li jimxu warajh. Sa  minn din il-ħajja stess iħallas bil-mija fil-wieħed, kif ukoll il-ħajja ta’ dejjem. Dan kollu hu bħal sajda mirakoluża li kull darba tiġġedded.

 

“La qiegħed tgħid Int, ħa nkala x-xbiek”.

 

Mela kif se ngħixu din il-Kelma tal-ħajja?

Billi aħna wkoll nagħmlu l-għażla li għamel Pietru: “La qiegħed tgħid Int...”. Jeħtieġ ikollna fiduċja fil-Kelma tiegħu, bla ma niddubitaw minn dak li jitlob minna. Anzi, jeħtieġ inpoġġu s-sisien ta’ mġibitna, ta’ dak kollu li nagħmlu u ta’ ħajjitna stess fuq il-Kelma tiegħu.

 

B’hekk ħajjitna nibnuha fuq dak li hu sod u żgur; u b’għaġeb kbir għad naraw li sewwa sew fejn jonqsu l-forzi umani, jidħol HU u fejn għall-bniedem huwa impossibbli, titwieled ħajja ġdida.

 

Chiara Lubich