Ottubru 2010

 

 

“Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 22, 39)1

               

Din il-Kelma nsibuha wkoll fit-Testment il-Qadim2. Biex iwieġeb għal mistoqsija li saritlu, Ġesù jidħol fit-tradizzjoni kbira tal-profeti u tar-rabbini, li kienet tfittex dak il-prinċipju li jgħaqqad it-Torah, li hu t-tagħlim t’Alla kif insibuh fil-Bibbja. Ir-Rabbi Hillel kien qal hekk: “Tagħmilx lil għajrek dak li tobgħod għalik innifsek. Hawn tinsab il-liġi kollha. Il-bqija huwa biss tifsira tagħha”3.

                                   

L-għalliema tar-reliġjon Lhudija jgħidu li l-imħabba lejn għajrna ġejja mill-imħabba għal Alla li ħalaq
il-bniedem fis-sura u x-xbieha tiegħu, u għalhekk ma tistax tħobb lil Alla bla ma tħobb il-ħlejjaq tiegħu: din hija l-vera raġuni għall-imħabba lejn għajrna, u dan huwa ‘prinċipju kbir u ġenerali fil-liġi.’4

 

Ġesù jisħaq fuq dan il-prinċipju u jżid jgħid li dan il-kmand li nħobbu lil għajrna jixbah lill-ewwel u l-akbar kmandament, jiġifieri li tħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu. Ġesù nsista fuq ir-rabta li hemm fix-xebh bejn dawn iż-żewġ kmandamenti u b’hekk jgħaqqadhom għal dejjem. L-istess ħaġa għamlet it-tradizzjoni nisranija; kif jgħid San Ġwann l-appostlu: “Min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma raH?”5

 

“Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”.

 

Il-Vanġelu kollu kemm hu jgħid b’mod ċar li l-proxxmu tagħna hu kull bniedem, raġel jew mara, ħabib jew għadu li jeħtiġilna nirrispettawh, nistmawh u nġibuh ta’ li hu. L-imħabba għal għajrna hi mħabba universali u fl-istess ħin personali. Hi tħaddan il-bnedmin kollha u rridu ngħixuha b’mod konkret ma’ min jgħix qrib tagħna.

 

Imma min jista’ jagħtina qalb hekk kbira, min jista’ jqanqal fina sentimenti ta’ tjieba  li bihom aħna nħossuna qrib anki ta’ min hu barrani għalina, tant li aħna mmorru lil hinn mill-imħabba għalina nfusna, biex naraw lilna nfusna fl-oħrajn? L-imħabba hi don li jagħtina Alla, anzi hija l-istess imħabba t’Alla li “ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna”6.

 

Għalhekk din mhijiex imħabba komuni, mhijiex sempliċement ħbiberija, mhijiex imħabba lejn min hu
fil-bżonn, imma hi dik l-imħabba li ssawbet fi qlubna sa mill-magħmudija: hi dik l-imħabba li hi l-istess ħajja t’Alla, tat-Trinità Qaddisa u li aħna nistgħu nieħdu sehem fiha.

 

Mela l-imħabba hija kollox, imma biex ngħixuha sew jeħtieġ inkunu nafu liema huma l-kwalitajiet tagħha. Dawn insibuhom fil-Vanġelu u fil-Bibbja kollha. Ejjew naraw fil-qosor il-kwalitajiet prinċipali tagħha.

 

L-ewwelnett  Ġesù, li miet għal kulħadd, u li ħabb lil kulħadd, jgħallimna li biex l-imħabba tkun waħda vera, irridu nħobbu lil kulħadd. Mhux kif ħafna drabi nħobbu aħna, b’imħabba umana, li tħobb biss lil ta’ madwarha: lil tal-familja, lill-ħbieb, il-ġirien... L-imħabba vera kif iridha Ġesù ma tridx tkun waħda li toqgħod tifred bejn min hu simpatku jew antipatku, bejn min hu sabiħ jew ikrah, bejn min hu kbir jew żgħir. Din l-imħabba ma toqgħodx tgħid: “Dak Malti, l-ieħor barrani, dan nisrani bħali, l-ieħor le”. Din l-imħabba tħobb lil kulħadd. U hekk irridu nagħmlu aħna: inħobbu lil kulħadd.

 

U ħaġ’oħra: l-imħabba vera tibda tħobb hi l-ewwel, ma toqgħox tistenna ‘l min iħobbha, kif soltu jiġri
fl-imħabba tagħna l-bnedmin, li nħobbu ‘l min iħobbna. Le, l-imħabba vera tibda hi, kif għamel Alla l-Missier meta aħna, li konna għadna midinbin, u għalhekk ma stajniex inħobbu, bagħat lil Ibnu
biex isalvana.

 

Mela nħobbu lil kulħadd u nibdew inħobbu aħna l-ewwel. U ħaġ’oħra: l-imħabba vera tara ‘l Ġesù f’kull proxxmu. Ġesù, fil-ġudizzju finali, għad jgħidilna: “Għamiltuh miegħi...”7. U dan jgħodd għat-tajjeb li nagħmlu u, sfortunatament, għall-ħażin ukoll.

 

L-imħabba vera tħobb lil min hu ħabib kif ukoll lil min hu għadu tagħna: hi tagħmillu l-ġid, titlob għalih. Ġesù jrid ukoll li l-imħabba, li hu ġab fid-dinja, issir reċiproka: li aħna nħobbu lill-oħrajn u li l-oħrajn iħobbu lilna, biex b’hekk bejnietna nsiru ħaġa waħda. Dawn il-kwalitajiet kollha tal-imħabba jġegħluna nifhmu, u jgħinuna ngħixu aħjar il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar.

 

 “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”.

 

Iva, l-imħabba vera tħobb lill-oħrajn kif aħna nħobbu lilna nfusna. U dan għandna neħduh kelma b’kelma: jeħtieġ naraw lilna nfusna fl-ieħor u nagħmlulu dak li nagħmlu magħna nfusna. L-imħabba vera hi dik li tagħraf tbati ma’ min ibati, tifraħ ma’ min jifraħ, iġġorr it-toqol tal-oħrajn. L-imħabba, kif jgħid San Pawl, taf issir ħaġa waħda ma’ dik il-persuna li tħobb. Mela din l-imħabba mhijiex magħmula biss minn sentimenti u kliem ħelu, imma minn fatti konkreti.

 

Min għandu twemmin reliġjuż ieħor jagħmel dan permezz ta’ dik li tissejjaħ ‘ir-regola tad-deheb’, li nsibuha fir-reliġjonijiet kollha. Din trid li nagħmlu lill-oħrajn dak li nixtiequ li ħaddieħor jagħmel magħna. Gandhi jfisser dan bi kliem sempliċi u effikaċi ħafna: “Ma nistax inweġġa’ lilek bla ma nweġġa’ lili nnifsi.”8

 

Għalhekk dan ix-xahar għandu jkun okkażjoni biex inkebbsu mill-ġdid l-imħabba lejn għajrna, li tant għandha wċuh: ibda mill-ġirien tagħna, minn dik il-ħabiba li tiġi l-iskola magħna, u spiċċa fil-ħabib u f’dak li jiġi minna mill-qrib. Imma l-imħabba għandha wkoll l-uċuh ta’ dawk il-ħafna nies ta’ qalbhom maqtugħa li t-televixin iwasslilna ġo darna mill-postijiet maħkuma mill-gwerra u d-diżastri naturali. Dari dawn ma konniex inkunu nafuhom, kienu nies eluf ta’ mili ‘l bogħod minna. Illum saru huma wkoll il-proxxmu tagħna.

 

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar l-imħabba tgħidilna hi x’għandna nagħmlu, u ftit ftit twessa’ l-qalb ċkejkna tagħna fuq il-kejl tal-qalb ta’ Ġesù.

 

Chiara Lubich

 

Referenzi:

1   Parola di vita, Ottubru 1999, ippubblikata fuq Città Nuova, 1999/18, p. 7.

2  Lev. 19, 18.

Talmud Babilonese Shabbat, 31a.

4  Rabbi Akiba, cit. F’Sifra, kummentarju rabbiniku għal Lev 19, 18.

5 1 Ġw 4, 20.

6 Rm 5, 5.

Ara Mt 25, 40.

Ara WILHELM MUHS, Parole del cuore, Milano 1996, pġ.