KELMA TAL-ĦAJJA

 

Ottubru 2009

Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!” (Lq 21, 19)

 

[...]

“Nibqgħu sħaħ”. Kliem li jfisser ħafna: ifisser tieħu paċenzja, tibqa’ żżomm sħiħ u tirreżisti, tafda.

Li tibqa’ sħiħ sal-aħħar hi kwalità meħtieġa u mingħajrha ma nagħmlu xejn fil-mumenti ta’ tbatija, meta nkunu mġarrba, meta nkunu ser naqtgħu qalbna, meta d-dinja tiġbidna lejha, meta nkunu ppersegwitati.

Naħseb li xi darba inti wkoll sibt ruħek f’xi waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi u  indunajt li, kieku ma żammejtx sħiħ, għandu mnejn kont taqa’. Forsi xi drabi waqajt. Jista’ jkun li  bħalissa stess tinsab f’xi waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ta’ tbatija.

Allura x’għandek tagħmel?

Erġa’ qum fuq saqajk, u... żomm sħiħ.

Inkella,  ma jkunx jixraqlek l-isem ta’ “nisrani” .

Inti taf li min irid jimxi wara Kristu jrid jerfa’ salibu kuljum, iħobb it-tbatija, għallinqas bir-rieda tiegħu. In-nisrani hu msejjaħ biex iżomm sħiħ.

L-appostlu San Pawl juri lill-komunità l-fatt li hu żamm sħiħ bħala sinjal ta’ ħajja tassew nisranija.

U xejn ma jiddejjaq iqiegħed din il-kwalità fuq livell ta’ miraklu.

Jekk imbagħad inti tħobb is-salib u żżomm sħiħ, tkun tista’ timxi wara Kristu li jinsab fis-Sema u allura ssalva.

 

Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”.

 

Aħna nistgħu niddistingwu bejn żewġ tipi ta’ nies: dawk li jħossu l-istedina biex ikunu nsara veri, imma din is-sejħa taqa’ f’ruħhom bħal żerriegħa fuq il-blat. Ħafna entużjażmu, bħal nar tat-tiben, u mbagħad ma jibqa’ xejn.

Filwaqt li dawk tat-tieni tip jilqgħu l-istedina, bħalma l-art tilqa’ fiha ż-żerriegħa. U l-ħajja nisranijia tagħhom tikber, tegħleb id-diffikultajiet u teħodha kontra t-tempesti.  

Dawn in-nies iżommu sħiħ u għalhekk min jibqa’ sħiħ sal-aħħar isalva ħajtu.

 

Naturalment, jekk inti trid iżżomm sħiħ sal-aħħar, mhux biżżejjed isserraħ biss fuq il-forzi tiegħek.

Teħtieġ l-għajnuna t’Alla.

Lil Alla San Pawl isejjaħlu: “Alla li minnu ġej kull sabar u faraġ...”

Mela Lilu trid titlob il-grazzja biex tibqa’ żżomm sħiħ u Hu jagħtihielek.

Għax jekk inti nisrani mhux biżżejjed li tkun mgħammed jew li kultant tmur il-knisja u tagħti xi ftit karità. Trid tikber bħala nisrani. Issa, fil-ħajja tar-ruħ, biex tikber trid tgħaddi mill-provi, mit-tbatija, mit-tfixkil, mill-battalji tal-ħajja.

Issib ’il min jaf iżomm sħiħ tassew: dawn huma dawk in-nies li jħobbu. L-imħabba ma tarax tfixkil, ma tarax diffikultajiet, ma tarax sagrifiċċji. U meta  żżomm sħiħ tkun qed tagħti prova tal-imħabba tiegħek.

 

[...]

Marija hi l-mara li żammet sħiħ.

Lil Alla itolbu biex iqabbad ’il qalbek bl-imħabba lejH; u tkun ħaġa naturali għalik li żżomm sħiħ fid-diffikultajiet kollha tal-ħajja. U b’hekk issalva ruħek.

  

Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”

 

Mhux hekk biss. Meta inti żżomm sħiħ, l-oħrajn jittieħdu minnek. Min jibqa’ sħiħ sal-aħħar, jagħmel kuraġġ lill-oħrajn biex huma wkoll ma jaqtgħux qalbhom li jibqgħu sħaħ sal-aħħar.

[...]

M’għandniex nikkuntentaw ruħna bi ftit imma rridu nħarsu ’l fuq. Għandna ħajja waħda biss u din qasira. Ejjew nagħmlu kulma nistgħu jum wara l-ieħor, naffrontaw diffikultà waħda wara l-oħra biex nimxu wara Kristu... u b’hekk insalvaw  ruħna.

 

 

 

Chiara Lubich