Kelma tal-Ħajja Novembru 2013

 

 

“Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu”  (Ef 4, 32).

Dan hu programm konkret u essenzjali għal ħajjitna. Ikun biżżejjed programm bħal dan biex ikollna soċjetà differenti, fejn l-aħwa jgħixu flimkien, jgħinu lil xulxin. Hu meħud minn proġett kbir li ngħata lill-insara li kienu jgħixu fin-naħa ta’ fejn illum hemm it-Turkija.

F’dawk il-komunitajiet kienet bdiet issaltan il-“paċi” bejn Lhud u nies minn ġnus oħra, jiġifieri l-popli li kienu jirrappreżentaw il-firda bejn il-bnedmin.

L-għaqda, li Ġesù tana, irridu dejjem insaħħuha u ngħixuha b’mod konkret fis-soċjetà. Imġibitna trid tkun immexxija dejjem mill-imħabba ta’ bejn bniedem u ieħor. Minn hawn naraw kif għandhom ikunu r-rabtiet tagħna mal-oħrajn:

“Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu”.

Tjieba: din tfisser li nixtiequ l-ġid lill-oħrajn. Tfisser “insiru ħaġa waħda” magħhom, nersqu maġenbhom vojta għal kollox minna nfusna, mill-interessi tagħna,  mill-idejat tagħna, mill-preġudizzji li jdallmulna ’l ħarsitna, biex nieħdu fuqna t-toqol, il-bżonnijiet u t-tbatijiet tagħhom, u naqsmu magħhom il-ferħ.

Ifisser nidħlu f’qalb dawk kollha li nkunu qrib tagħhom biex nifhmu l-mod kif jaħsbuha, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom u b’xi mod nagħmluhom tagħna. Ifisser nifhmu tassew dak li jeħtieġu u nagħrfu nisiltu dawk il-valuri li Alla poġġa f’qalb kull bniedem. Fi ftit kliem: ngħixu għal dawk li jinsabu qrib tagħna.

Ħniena: nagħrfu nilqgħu lill-oħrajn kif inhuma, mhux kif nixtiequ li jkunu, b’karattru differenti milli għandhom, bl-istess idejat politiċi tagħna, bil-konvinzjonijiet reliġjużi tagħna, u bla dawk id-difetti jew drawwiet li tant idejquna. Le, jeħtieġ inwessgħu qalbna u nagħmluha kapaċi tilqa’ ’l kulħadd bil-modi differenti tagħhom, bil-limiti u l-miżerji tagħhom.

Maħfra: naraw lill-oħrajn dejjem ġodda. Qatt ma jonqsu mumenti ta’ nuqqas ta’ ftehim, ta’ fehmiet differenti minn tagħna, ta’ kwistjonijiet, anki meta nkunu mdawrin b’nies li jogħġbuna, fil-familja, fl-iskola, fuq il-post tax-xogħol. Naslu biex ma nisimgħux aktar lil xulxin, nevitaw li niġu wiċċ imb’wiċċ ma’ dak li jkun, sa ma naslu wkoll biex nobogħdu lil min ma jaħsibhiex bħalna. Irridu nimpenjaw ruħna b’mod qawwi, b’mod esiġenti biex naraw lil xulxin ġodda, ġodda fjamanti; ma nibqgħux niftakru aktar f’meta kienu offendewna, imma ngħattu kollox bl-imħabba, b’maħfra sħiħa ta’ qalbna, billi nimitaw lil Alla li jaħfer u jinsa.

Imbagħad is-sliem veru u l-għaqda jaslu meta t-tjieba, il-ħniena u l-maħfra ngħixuhom mhux biss aħna waħedna, imma lkoll flimkien, ilkoll flimkien.

Bħal meta tqabbad ħuġġieġa, kultant trid iċċaqlaq il-ħatab biex ma jinkesiex bil-ġamar; bl-istess mod, kultant żmien, irridu nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-imħabba ta’ bejnietna, lir-rabtiet tagħna ma’ kulħadd, biex ma jinksewx bil-ġamar tal-indifferenza, tal-apatija u tal-egoiżmu.


 

“Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu”.

Dan kollu rridu ngħixuh bil-fatti, b’mod konkret.

Ġesù nnifsu wriena x’inhi l-imħabba meta fejjaq il-morda, meta tema ’l-folol, meta qajjem lin-nies mill-mewt, meta ħasel saqajn id-dixxipli. Fatti, fatti: dan ifisser tħobb.

Qed tiġini f’moħħi omm ta’ familja Afrikana: kemm batiet meta rat lil bintha Rosangela titlef għajnha, vittma ta’ ġuvni aggressiv li weġġagħha b’daqqa ta’ qasba u baqa’ jwaqqagħha għaċ-ċajt. Ħadd mill-ġenituri tiegħu ma talab skuża. Is-skiet u n-nuqqas ta’ rabta ma’ dik il-familja sewdulha qalbha. “Stabar”, kienet tgħidilha Rosangela li ħafret kollox, “jiena fortunata għax nista’ nara b’għajni l-oħra!”

Omm Rosangela kellha dan x’tirrakkonta: “Darba, filgħodu, omm dak il-ġuvni bagħtet għalija wara li  ħassha ħażin. L-ewwel reazzjoni tiegħi kienet din: “Ara ftit, issa ġiet titlobni ngħinha, propju lili minn dawn il-ġirien kollha, wara dak li għamlilna binha!

Imma mill-ewwel ftakart m’hemm xejn x’jista’ jżomm lill-imħabba. Tlaqt niġri għandha, fetħitli l-bieb u ntelqet fuqi b’ħass ħażin fuqha. Mort inwassalha l-isptar u qgħadt magħha sa ma ġew it-tobba jaraw x’kellha. Għaddiet ġimgħa wara li ħarġet mill-isptar u ġiet għandi tirringrazzjani. Lqajtha b’qalbi kollha. Rnexxieli naħfrilha. Issa r-rabta ta’ bejnietna reġgħet lura għal kif kienet, anzi, beda żmien ġdid”.

Anki l-ġurnata tagħna tista’ timtela b’ħafna azzjonijiet konkreti biex naqdu lill-oħrajn, b’azzjonijiet umli u intelliġenti, bħala espressjoni ta’ mħabbitna. Imbagħad naraw l-imħabba tal-aħwa u l-paċi jikbru madwarna.

Chiara Lubich