Novembru 2012

 

“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14, 23)

 

Dan il-kliem Ġesù qalu lill-appostli fl-aħħar diskors tiegħu fejn, fost l-oħrajn, jagħtihom kelmtu li huma għad jerġgħu jarawh, għax hu kien se juri ruħu ’l dawk li jħobbuh.

 

Ġuda, mhux l-Iskarjota, staqsieh għaliex kien se juri ruħu lilhom u mhux ’il kulħadd. Dan id-dixxiplu kellu xewqa kbira li Ġesù juri ruħu lin-nies biex b’hekk l-istorja tinbidel u, skont hu, dan kien ikun aħjar biex id-dinja ssalva. Infatti l-appostli kienu jaħsbu li Ġesù kien dak il-profeta li kien se jidher fl-aħħar taż-żminijiet, u li kellu juri lilu nnifsu ’l kulħadd bħala s-Sultan ta’ Iżrael, f’ras il-poplu t’Alla, biex b’hekk titwaqqaf is-Saltna tal-Mulej darba għal dejjem.

 

Iżda Ġesù wieġeb li hu ma kienx se jidher fil-beraħ f’xi dehra spettakolari. Iżda l-miġja tiegħu kellha tkun waħda sempliċi u straordinarja. It-Trinità kellha tinżel f’qalb dawk li jemmnu. Kienet miġja li kellha sseħħ fejn issib fidi u mħabba.

 

B’din it-tweġiba Ġesù jgħid eżatt b’liema mod kien se jkun preżenti fost

dawk li wara mewtu kienu se jemmnu fih. Hu jfisser kif dan il-kuntatt miegħu jista’ jseħħ.

 

“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu”

 

Il-preżenza tiegħu fl-insara u f’nofs il-komunità tista’ sseħħ mhux biss wara mewtu imma f’ċertu mod issa stess.

 

M’hemmx għalfejn tistenna ż-żminijiet futuri. It-tempju li jilqagħha ġewwa fih mhuwiex wieħed magħmul mill-ġebel, imma hu l-istess qalb tan-nisrani, li b’hekk issir it-tabernaklu l-ġdid, id-dar ħajja tat-Trinità.

 

“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu”

 

Imma l-insara kif jistgħu jaslu sa hawn? Kif jistgħu jġorru ’l Alla nnifsu fi ħdanhom? Liema hi t-triq biex tidħol f’din il-komunjoni profonda miegħu?

It-triq hi l-imħabba tagħna għal Ġesù.

 

Imħabba li mhijiex mibnija fuq dak li nħossu, imma waħda li tissarraf f’ħajja konkreta u, preċiżament, filli nħarsu l-Kelma tiegħu.

Alla jwieġeb b’imħabbtu għal din l-imħabba konkreta tal-insara, u t-Trinità tiġi u tgħammar fihom.

 

“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu”

 

“... iħares kelmti”.

U liema hu l-kliem li n-nisrani msejjaħ jgħix?

Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, “kelmti” ħafna drabi tfisser “il-kmandamenti tiegħi”. Għalhekk in-nisrani hu msejjaħ biex iħares il-kmandamenti ta’ Ġesù. Iżda dawn aħna ma rridux nifhmuhom bħala lista ta’ liġijiet. Irridu nħarsu lejhom bħala l-kliem li ried ifisser Ġesù meta ħasel riġlejn l-appostli: il-kmandament li nħobbu ’l xulxin. Lil kull nisrani Alla jordnalu jħobb ’il-oħrajn sa ma jasal li jagħti lilu nnifsu b’mod sħiħ, kif għallimna u kif għamel Ġesù.

 

“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu”

 

Mela kif nistgħu ngħixu sew din il-Kelma? Kif se nagħmlu biex naslu f’dak

il-punt meta l-Missier iħobbna u t-Trinità tiġi u tgħammar fina?

 

Naslu għal dan billi ngħixu l-imħabba ta’ bejnietna b’qalbna kollha, bi sħiħ u bla ma qatt naqtgħu qalbna.

 

Huwa l-aktar permezz ta’ hekk li n-nisrani jsib ukoll it-triq li tagħti ’l fuq,

it-triq li Ġesù msallab jitlob minna. Fil-fatt huwa f’din l-imħabba lejn xulxin li jwarrdu f’qalbna l-virtujiet u huwa wkoll permezz tagħha li jista’ jwieġeb għas-sejħa tal-qdusija.

 

Chiara Lubich