Kelma tal-Ħajja Mejju 2013

 

“Agħtu u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom” (Lq 6, 38).

 

Qatt qlajt xi rigal mingħand xi ħabib u ħassejt li trid tirringrazzjah, u mhux għax tħossok obbligat lejh, imma b’imħabba vera biex turih il-ħajr tiegħek lejh? M’hemmx dubju.

 

Jekk jiġri hekk lilek, aħseb u ara kemm jiġrilu hekk Alla, li hu Mħabba.

 

Hu jpattilna dejjem għal kull rigal li nagħtu ’l ħaddieħor f’ismu. Din hi esperjenza li sikwit

jagħmluha dawk li huma nsara veri. U kull darba tkun sorpriża. Ħadd ma jista’ jobsor il-fantasija kbira t’Alla. Nista’ nġiblek eluf ta’ eżempji, jekk irrid nista’ nikteb ktieb fuq hekk. Imbagħad tara kemm hu minnu din it-tixbieha: “kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom”. Dan il-kliem ifisser b’liema abbundanza Alla jpattilna għal dak li nkunu tajna, ifisser il-qalb kbira tiegħu.

 

“Ruma: kien diġà dalam. Grupp żgħir ta’ tfajliet, li kienu jgħixu l-Vanġelu, taw il-lejl it-tajjeb ’il xulxin. Kienu jgħixu f’appartament kważi taħt l-art. Imma xi ħadd ċempel il-qanpiena tal-bieb. Min kien ġie dak il-ħin? Kien hemm raġel b’paniku kbir fuqu, iddisprat. L-għada, hu u lfamilja tiegħu, kienu se jitkeċċew ’il barra għax ma kellux biex iħallas il-kera. Dawn it-tfajliet ħarsu lejn xulxin u, bi ftehim sieket bejniethom, fetħu l-kexxun fejn kien hemm dak li kien fadlilhom mill-paga biex iħallsu l-kontijiet tal-gass, telefon u d-dawl. Tawh kollox bla ma qagħdu jaħsbuha darbtejn. Kemm raqdu ferħanin dak il-lejl!Xi ħaddieħor kien se jaħseb fihom. Kien għadu lanqas biss sebaħ. Semgħu t-telefon idoqq. Instema’ leħen dak ir-raġel jgħidilhom: ‘Ftit ieħor inkun għandkom, ġej bit-taksi’. Skantaw meta semgħuh jgħidilhom hekk, u qagħdu jistennewh. Mid-dehra li kellu fuq wiċċu ndunaw li kien ġara xi ħaġa. ‘Il-bieraħ, kif wasalt lura d-dar, sirt naf li writt somma flus. Qatt ma bsart li kienet se tmiss lili. Ħassejt li kelli nagħti nofsha lilhom. Is-somma li tahom kienet eżattament id-doppju li kienu tawh b’tant ġenerożita.”

 

“Agħtu u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom” (Lq 6, 38).

 

Qatt ġralek hekk? Jekk le, ftakar li dak li tagħti trid tagħtih bla ebda interess, bla ma tistenna li se jerġgħu jagħtuhulek, ikun min ikun dak li talabhulek. Ipprova. Imma dan agħmlu mhux biex tara x’se jiġri, imma għax tħobb ’l Alla. Tgħidli: “Imma jien m’għandi xejn x’nagħti.”

 

Mhux tassew. Kieku rridu għandna ħafna x’nagħtu: il-ħin liberu tagħna, qalbna, tbissima, parir, il-kultura, il-paċi u xi kelma biex min għandu nikkonvinċuh jagħti ’l min m’għandux...

 

Forsi terġa’ tgħidli: “Imma jien ma nafx lil min nista’ nagħti.”

 

Ħares madwarek: tiftakru ’l dak il-marid li qiegħed l-isptar, lil dik l-armla dejjem waħedha, lil dak li kien jistudja miegħek u dejjem mistħi għax weħel mill-eżamijiet, lil dak iż-żagħżugħ imdejjaq għax bla xogħol, lil ħuk iż-żgħir li għandu bżonn l-għajnuna, lil dak il-ħabib tiegħek li spiċċa l-ħabs, lil min għadu ma tgħallimx sewwa s-sengħa tiegħu u jinsab imdejjaq? Kristu qiegħed jistennik f’kull wieħed minnhom.

 

Kun nisrani u ġib ruħek b’mod ġdid, ta’ nisrani li int: kif jgħidilna l-Vanġelu. Tkunx nisrani magħluq fik innifsek. Isserraħx fuq il-ġid ta’ din l-art, imma fuq Alla. Hekk tidher il-fidi tiegħek fiH u f’qasir żmien hi tissaħħaħ bid-don li jerġa’ lura għandek.  B’dan ma rridx ngħid li Alla jġib ruħu hekk biex aħna nistagħnew. Jagħmel hekk biex ħafna nies oħra, li jaraw il-mirakli żgħar li jsiru meta aħna nagħtu u naqilgħu, jagħmlu bħalna.

 

Jagħmel hekk biex aktar ma jkollna, aktar nistgħu nagħtu; biex bħala nies li jafu jqassmu sew il-ġid t’Alla, naqsmu kull ma jkollna mal-komunità ta’ madwarna. B’hekk wieħed ikun jista’ jgħid, kif intqal fuq l-ewwel komunità ta’ Ġerusalemm: ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn (ara Atti 4,34).

 

Ma taħsibx li b’hekk tkun qed tgħin biex isseħħ ir-rivoluzzjoni soċjali li d-dinja qed

tistenna?

 

“Agħtu u jingħatalkom”. Ġesù żgur li kellu f’moħħu l-premju li għad nirċievu fil-Ġenna. Imma kull ma jiġri hawn fl-art hu bi tħejjija u bħala garanzija ta’ dik il-Ġenna stess.

 

Chiara Lubich