Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2009

 

"Kull wieħed minnkom jgħix skond id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn" (1Pt 4,10)1.

 

Edith, għamja mit-twelid, tgħix ma’ persuni oħra għomja f’istitut fejn il-kappillan, li għandu riġlejh ipparalizzati, ma jistax jiċċelebra l-Quddies. Minħabba f’hekk kien hemm min irid ineħħi ‘l Ġesù Ewkaristija minn dik id-dar. Edith talbet lill-isqof biex iħallihulhom bħala l-uniku dawl għad-dlam tagħhom. Il-permess ingħatalha u miegħu permess ieħor biex tqarben hija stess lill-kappillan u ‘l sħabha.

Xewqana li tkun utli għall-oħrajn, Edith tmexxi programm fuq ir-radju li jdum sejjer għal xi sigħat. B’hekk hi tista’ toffri mit-tajjeb li għandha: pariri, ħsibijiet utli, tweġibiet ċari fuq il-morali, eċċ. Bl-esperjenza tagħha hi tgħin lil dawk li qed ibatu.    Edith... nista’ nkompli ngħid aktar dwarha.  Hi għamja u t-tbatija dawlitha.

Kemm aktar eżempji nista’ nirrakkuntalek! It-tajjeb jeżisti imma ma jagħmilx ħoss. Edith prattikament tgħix ta’ nisranija: hi taf li kull wieħed minna rċieva kwalitajiet tajba u bihom għandu  jaqdi lill-oħrajn.

Iva, għax bil-kelma “don” (jew “kariżma” li ġejja mill-Grieg) ma nifhmux  biss dawk il-grazzji li Alla jagħti ’l-mexxejja tal-Knisja. U lanqas ma tfisser biss dawk id-doni mhux tas-soltu li hu jagħti direttament lil xi ħadd mill-fidili għall-ġid ta’ kulħadd, meta jara li l-Knisja tkun teħtieġ tirrimedja għal xi sitwazzjonijiet eċċezzjonali, jew għal xi perikli serji li għalihom l-istituzzjonijiet tal-Knisja ma jkunux biżżejjed. Dawn id-doni jistgħu jkunu l-għerf, ix-xjenza, id-don tal-mirakli u tal-lingwi, il-kariżma li biha titwaqqaf spiritwalità ġdida fil-Knisja, u doni oħrajn.

Mhux dawn biss huma doni jew kariżmi, imma hemm oħrajn iktar sempliċi li ħafna nies għandhom u li tinnutahom minħabba l-ġid li jagħmlu. L-Ispirtu s-Santu jaħdem.

Barra minn hekk anki t-talenti naturali jistgħu jissejħu doni jew kariżmi. Għalhekk kulħadd għandu minnhom. Inti wkoll.

U kif għandek tużahom?  Ara  kif tista’ tħaddimhom. Huma ngħatawlek mhux għalik biss, imma għall-ġid ta’ kulħadd.

  

"Kull wieħed minnkom jgħix skond id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn".

 

Bla għadd hi l-varjetà tad-doni. Kull wieħed għandu d-don tiegħu u għalhekk fil-komunità għandu l-funzjoni speċifika tiegħu.

Imma għidli ħaġa: x’don għandek int? Għandek xi ċertifikat, diploma, xi lawrja? Qatt ma ħsibt li toffri xi ftit sigħat fil-ġimgħa biex tgħallem ’il min ma jafx, jew ’il min m’għandux il-mezzi biex jistudja?

Għandek qalbek partikolarment ġeneruża? Qatt ħsibt biex tgħaqqad il-forza tiegħek ma’ dik ta’ oħrajn ħalli tgħin ‘il min hu fqir jew imwarrab, u b’hekk tkun qed tpoġġi s-sens tad-dinjità tal-bniedem f’qalb ħafna nies?

Int kapaċi tikkonsla lill-oħrajn? Jew  tieħu ħsieb id-dar, issajjar, tagħmel ilbies bi ftit flus jew tinqala’ għal xi xogħol manwali? Ħares madwarek u ara min għandu bżonnok.

Inbati meta nara li hawn min qed ifittex u li hawn min jgħallem kif nistgħu nimlew il-ħin liberu. Aħna l-insara m’għandniex ħin liberu, sa ma fid-dinja jibqa’ min hu marid, bil-ġuħ, il-ħabs, injurant, dubbjuż, imdejjaq, drogat, […] iltim, armla...

U ma jidhirlekx li t-talb hu don mill-aqwa li nistgħu nużaw, peress li kull ħin nistgħu nduru lejn Alla li jinsab kullimkien?

"Kull wieħed minnkom jgħix skond id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn".

Timmaġinaha Knisja li fiha l-insara kollha, miż-żgħar sal-kbar, jagħmlu kull ma jistgħu biex ipoġġu d-doni tagħhom ħalli jgħinu ‘l-oħrajn?

Kieku l-imħabba ta’ bejnietna tkun daqshekk vera, u qalbna tkun daqshekk kbira,   li minn dan kollu nintgħarfu bħala dixxipli ta’ Kristu […]

Mela, la dan ikun ir-riżultat, għaliex ma tagħmilx dak kollu li tista’ biex dan jitwettaq?

 

                                                                                                Chiara Lubich


1  Kelma tal-ħajja, Jannar 1979, ippubblikata f’Essere la Tua Parola. Chiara Lubich e cristiani di tutto il mondo, vol. I, Roma 1980, p.157-159.