Kelma tal-Ħajja

Marzu 2010

 

Kemm-il darba f’ħajtek tħoss il-bżonn tal-għajnuna ta’ xi ħadd u fl-istess ħin tinduna wkoll li l-ebda bniedem ma jista’ jgħinek tassew! F’dak il-waqt li inti waħdek iddur lejn dak ix-Xi ħadd li jista’ jagħmel kollox. Dan hu Ġesù.  Isma’ x’irid jgħidlek:

 

Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja, ‘Warrab minn hawn u mur hemm’, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir” (Mt 17,20)1.

 

“Twarrab il-muntanja” ma jfissirx tmexxi xi muntanja. Ġesù ma wegħedx lid-dixxipli l-qawwa li jagħmlu mirakli kbar biex il-folla tistagħġeb bihom. U sa fejn naf jien fl-istorja tal-Knisja ma nsibu ebda qaddis li ċaqlaq il-muntanji bil-qawwa tal-fidi tiegħu. “Twarrab il-muntanji” hu kliem xi ftit eżaġerat li Ġesù uża apposta biex ifiehem lid-dixxipli li bil-qawwa tal-fidi m’hawn xejn li ma jistax isir.

Tant hu hekk li l-mirakli li għamel Ġesù jew li saru permezz tad-dixxipli tiegħu, saru dejjem biex is-Saltna t’Alla tikber, biex jixtered l-Evanġelju jew biex il-bnedmin isalvaw. Billi taqbad u twarrab muntanja ma tilħaq l-ebda wieħed minn dawn l-iskopijiet.

Meta Ġesù qabbel il-fidi tagħna ma’ “żerriegħa tal-mustarda”, hu ried jurina li mhux qed jistenna minn għandna xi fidi kbira imma fidi sħiħa. Il-fidi sħiħa hija dik li sserraħ biss fuq Alla u mhux fuq il-ħila tagħna.

Jekk taħbat tiddubita jew ma tkunx żgur fi twemminek ifisser li għadek m’intix tafda biżżejjed f’Alla. Għandek fidi dgħajfa li ma twasslek imkien għax mibnija fuq il-ħila tiegħek u fuq ir-raġunar ta’ moħħok.

Iżda min jintelaq f’idejn Alla għal kollox, iħalli Lilu jaħdem... u għal Alla xejn m’hu impossibbli.  Il-fidi li Ġesù jistenna mid-dixxipli tiegħu trid tidher fil-fiduċja sħiħa li tħalli lil Alla nnifsu juri l-kobor tiegħu. Għalhekk din il-fidi li għandha l-ħila ċċaqlaq il-muntanji mhijiex biss għal xi persuni speċjali. L-insara kollha jistgħu, u huma fid-dmir li jkollhom fidi bħal din.

               

Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja, ‘Warrab minn hawn u mur hemm’, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir”.

 

Jaħsbu li Ġesù qal dan il-kliem lid-dixxipli tiegħu meta kien se jibgħathom biex jaqdu l-missjoni tagħhom.

Dawn il-ftit nies ta’ bla tagħlim u ta’ ftit ħila malajr setgħu jaqtgħu qalbhom u jibżgħu issa li kellhom ixandru l-verità tal-Evanġelju lil folol kbar ta’ nies.

Faċli li wieħed jaqta’ qalbu meta jsib ruħu quddiem nies li ftit li xejn jimpurtahom mis-Saltna t’Alla. Tidher biċċa xogħol impossibbli. Kien hawnhekk li Ġesù ta l-kelma tiegħu lid-dixxipli li l-fidi “twarrab il-muntanji” tal-indifferenza u tal-bruda tad-dinja. Jekk huma jemmnu, m’hemm xejn impossibbli għalihom.

Barra minn hekk dan il-kliem jgħodd ukoll għaċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja sakemm dawn iċ-ċirkustanzi jwasslu biex jixtered l-Evanġelju u l-bnedmin isalvaw. Kultant, meta niġu wiċċ imb’wiċċ ma’ diffikultajiet kbar, nistgħu naqgħu fit-tentazzjoni li ma ndurux lejn Alla. Naslu biex nirraġunaw hekk: għalxejn inkompli nipprova. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna biex ma naqtgħux qalbna u minflok inħarsu lejn Alla bil-fiduċja. B’xi mod jew ieħor hu jisma’ talbna.

Hekk kien ġralha Lella. Kienu għaddew xi ftit xhur minn meta Lella, kollha ħerqana, bdiet ix-xogħol ġdid tagħha fil-Belġju. Imma issa kienet qed tħossha waħedha u mbeżżgħa. Bdiet tinduna li kien hemm xi ħaġa li kienet qed tifridha minn sħabha li kienet tgħix u taħdem magħhom. Bdiet tħossha barranija qalb dawk in-nies li xtaqet biss taqdihom b’imħabba. Kien ikollha titkellem b’lingwa li kienet barranija għaliha u għal min kien jismagħha. Kienu qalulha li fil-Belġju kulħadd jaf jitkellem bil-Franċiż u għalhekk kienet tgħallmitu. Imma meta waslet f’dak il-pajjiż indunat li l-Belġjani jistudjaw il-Franċiż fl-iskejjel imma bejniethom jitkellmu l-Fjamming.

Lella ppruvat ħafna drabi twarrab din il-muntanja li kienet qed iżżommha ’l bogħod mill-oħrajn, iżda kien kollu għalxejn. X’setgħet tagħmel? Quddiemha kienet tara l-wiċċ imdejjaq ta’ Godeliève, waħda minn sħabha tax-xogħol. Lejla minnhom indunat li din it-tfajla marret torqod bla ma kienet kielet xejn. Lella ppruvat tmur warajha imma waqfet quddiem il-bieb tal-kamra ta’ seħbitha. Ħassitha mistħija u indeċiża. Xtaqet kieku tħabbtilha... imma x’taqbad tgħidilha? Baqgħet hemm għal ftit tal-ħin, imbagħad qatgħet qalbha u telqet.

L-għada filgħodu daħlet il-knisja, baqgħet fuq in-naħa ta’ wara u għattiet wiċċha biex taħbi d-dmugħ li kien nieżel ma’ ħaddejha. Kien biss hemm ġew li ma kellha bżonn tal-ebda lingwa. Fil-knisja lanqas kien hemm għalfejn toqgħod tispjega xejn, għax hemm kien jinsab xi ħadd li kien jifhem kollox. Tant ħassitha ċerta minn dan li rnexxielha titlob b’qalbha kollha lil Ġesù: “Għaliex ma nistax naqsam it-tbatija ma’ sħabi u ngħidilhom il-kliem li inti stess għallimtni meta sibtek: li kull tbatija hija mħabba?”.

Baqgħet quddiem it-tabernaklu bħal waħda tistenna t-tweġiba mingħand Dak li f’ħajjitha kien urieha d-dawl meta kienet tinsab fid-dlam. Bdiet taqra l-Evanġelju ta’ dak il-jum u sabet miktub hekk: “Agħmlu l-qalb, emmnu; jiena rbaħt id-dinja”2. Dak il-kliem niżlilha balzmu f’qalbha u waqgħet fiha paċi kbira. Meta filgħodu marret tieħu l-kafè, iltaqgħet ma’ Annj, li kienet tieħu ħsieb id-dar fejn kienu joqogħdu. Lella sellmitilha u marret warajha fil-kċina. Imbagħad, bla ma lissnet kelma waħda, bdiet tgħinha tlesti l-kolazzjon.

L-ewwel tfajla li niżlet fil-kċina kienet Godeliève. Marret kmieni għall-kafè biex ma tiltaqa’ ma’ ħadd. Baqgħet tassew milquta mill-paċi li kienet tidher f’wiċċ Lella, li kienet messitilha qalbha wisq aktar milli kieku kellmitha. Filgħaxija, huma u sejrin lura d-dar, Godeliève ltaqgħet ma’ Lella u ppruvat issib kliem biex tfiehmha: “M’għandek għalfejn tgħidli xejn għax b’ħajtek illum għidtli: ‘Ħobb inti wkoll!’” Il-muntanja kienet twarrbet.

 

Chiara Lubich


1 Parola di vita, Settembru 1979, ippubblikata fuq Essere la tua Parola/2. Chiara Lubich e cristiani di tutto il mondo, Ruma 1982, p. 71-74.

2 Ara Ġv 16,33.

 

ĊENTRI TAL-MOVIMENT TAL-FOKOLARI: www.focolare.org

‘Stellaelise’, Triq il-Ħuttaf, Kappara Tel: 2138 5801 • focolaremt@waldonet.net.mt

‘Vita Nuova’, Triq Agius de Soldanis, Sta. Venera Tel: 2148 6112 • vitanuova@waldonet.net.mt