Lulju 2010

 

“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah ukoll lil wieħed negozjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha” (Mt 13, 45-46)1.

 

F’din il-parabbola qasira, Ġesù jolqot sew l-immaġinazzjoni tas-semmiegħa tiegħu. F’dawk iż-żminijiet kulħadd kien jaf kemm kien jiswa l-ġawhar li, flimkien mad-deheb, kienu fost l-aktar affarijiet prezzjużi li kienu jafu bihom.

Barra minn hekk, l-Iskrittura kienet titkellem fuq l-għerf, jiġifieri dwar l-għarfien ta’  Alla, bħala realtà li ma tistax  tqabbilha  “ lanqas mal-ħaġra l-aktar prezzjuża”.

Imma fil-parabbola toħroġ b’mod ċar  ġrajja eċċezzjonali, li tolqtok u ma tistennihiex.  Din turina li  dak in-neguzjant, li forsi ra dik il-ġawhra f’xi ħanut, ta’ espert li kien, fehem li kienet tiswa ħafna u li minnha seta’ jagħmel qligħ kbir. Għalhekk hu għamel il-kalkoli tiegħu u ddeċieda li kien jaqbillu jbigħ kull ma kellu u jixtri dik il-ġawhra. U min ilumu? Mhux kulħadd kien jagħmel bħalu?

Mela din hija t-tifsira profonda tal-parabbola: il-laqgħa ma’ Ġesù, jiġifieri mas-Saltna t’Alla fostna (din hija l-ġawhra!) hija dik il-ġrajja unika li trid taħtafha, u li minħabba fiha trid tagħti l-enerġija kollha tiegħek u dak kollu li għandek.

 

 

“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah ukoll lil wieħed negozjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha”.

 

 

Din mhijiex l-ewwel darba li d-dixxipli ta’ Ġesù jħossu li jridu jieħdu deċiżjoni kbira,   deċiżjoni li jħallu kollox biex jimxu wara Ġesù: iħallu l-ġid l-aktar prezzjuż bħall-imħabba għal qrabathom, is-serħan ir-ras ekonomiku, il-garanzija għall-ġejjieni.

Imma dak li qiegħed jitlob minna Ġesù mhijiex xi ħaġa bla raġuni, li ma tagħmel l-ebda  sens.

Għal dak “kollu” li titlef hemm dak “kollu” li ssib, li huwa ħafna aktar prezzjuż.

Kull darba li Ġesù jitlob xi ħaġa, Hu jwiegħed li se jagħti ħafna, ħafna aktar minn hekk, b’abbundanza kbira.

Għalhekk, b’din il-parabbola, hu jiżgurana li se jagħtina teżor li jagħmilna sinjuri għal dejjem.

Jekk forsi naħsbu li nkunu qed niżbaljaw meta nħallu dak li hu żgur għal xi ħaġa li qed iwegħduna, niftakru f’dak in-neguzjant: hu jaf li din il-ġawhra hija prezzjuża ħafna u qed jistenna bil-fiduċja kollha l-qligħ li se jagħmel.

Bl-istess mod, min jimxi wara Ġesù jaf, jara bl-għajnejn tal-fidi, xi qligħ kbir se jkollu min se jaqsam miegħu l-wirt tas-Saltna talli jkun telaq kollox, għallinqas spiritwalment.

Okkażjoni bħal din Alla joffriha lil kulħadd.

 

 

“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah ukoll lil wieħed negozjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha”.

 

 

Din hija stedina konkreta biex inwarrbu dawk l-idoli li jistgħu jieħdu post Alla f’qalbna: il-karriera, iż-żwieġ, l-istudju, dar sabiħa, il-professjoni, l-isport, id-divertiment.

Din hija stedina biex inpoġġu lil Alla fl-ewwel post, fl-ewwel post tal-ħsieb tagħna, ta’ kull ħaġa li nħobbu, għaliex fil-ħajja kollox irid iwassal għal għandu u kollox għandu jitlaq minn għandu.

            Jekk nagħmlu hekk, jekk infittxu s-Saltna, skont il-wegħda tal-Vanġelu, il-bqija jingħatalna b’żjieda. Jekk inwarrbu kollox għas-Saltna t’Alla, aħna nirċievu l-mitt darba aktar fi djar, aħwa, missirijiet u ommijiet, għax il-Vanġelu fih dimensjoni umana ċara: Ġesù hu bniedem-Alla u flimkien mal-ikel spiritwali Hu jwegħedna l-ħobż, id-dar, il-ħwejjeġ, il-familja.

            Forsi jmissna nitgħallmu miż-“żgħar” u nafdaw aktar fil-Providenza tal-Missier, li ma jċaħħadna minn xejn jekk aħna, b’imħabba, nagħtu l-ftit li għandna kollu.

            Fil-Kongo, grupp ta’ żgħażagħ ilhom xi xhur jaħdmu kartolini artistiċi bil-qxur tal-banana biex imbagħad jinbigħu fil-Ġermanja. Għall-ewwel bdew iżommu il-qligħ kollu għalihom (xi wħud kienu jmantnu l-familja tagħhom bih). Issa ddeċidew li jagħtu nofs il-qligħ u b’hekk 35 żagħżugħ bla xogħol ingħataw l-għajnuna.

Ħadd ma jista’ jgħaddi lil Alla fil-ġenerożità tiegħu: tnejn minn dawn iż-żgħażagħ tant taw xhieda b’ħajjithom fil-ħanut fejn jaħdmu, li ħafna neguzjanti, li qed ifittxu n-nies għax-xogħol, marru jistaqsu f’dak il-ħanut. B’hekk ħdax-il ruħ sabu xogħol fiss.

 

 

Chiara Lubich

 


1  Kelma tal-Ħajja, Lulju 1999, ippubblikata fuq Città Nuova, 1999/12, p. 39.