Frar 2012

 

“Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba” (Mk 1, 15).

Fil-Vanġelu ta’ San Mark, l-aħbar it-tajba ta’ Ġesù lid-dinja u l-messaġġ tiegħu ta’ salvazzjoni, jibda b’dan il-kliem: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna t’Alla waslet: indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”.

 

Bit-twelid ta’ Ġesù beda żmien ġdid, iż-żmien tal-grazzja u tas-salvazzjoni. L-ewwel kliem tiegħu hu stedina biex nilqgħu bil-qalb din l-aħbar ġdida, li hija r-realtà nnifisha tas-Saltna t’Alla li hu qed iwassal lil kulħadd, għax hu jinsab qrib kull bniedem.

 

Ġesù mill-ewwel jurina t-triq: din hi li nikkonvertu u nemmnu fil-Vanġelu, jiġifieri li nibdlu ħajjitna mill-qiegħ u naċċettaw il-Kelma t’Alla li permezz ta’ Ġesù tasal għand il-bnedmin kollha ta’ kull żmien. Il-konverżjoni u l-fidi huma żewġ affarijiet li jmorru flimkien; m’hemmx waħda mingħajr l-oħra, imma kull waħda tinbet fina meta niġu f’kuntatt mal-kelma li hi ħajja, mal-preżenza ta’ Ġesù li llum ukoll itenni lill-folol:

 

 

“Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”.

Meta aħna nilqgħu l-Kelma t’Alla u ngħixuha, hi ġġib bidla fil-mod kif naħsbu, jiġifieri konverżjoni. Hi timla l-qalb ta’ kulħadd: Ewropej, Asjatiċi, Awstraljani, Amerikani, Afrikani, bis-sentimenti ta’ Kristu quddiem iċ-ċirkustanzi tal-ħajja, kemm fil-bniedem singolu kif ukoll fis-soċjetà.

 

Imma l-Vanġelu kif jista’ jagħmel il-miraklu u jibdilna mill-qiegħ, jagħtina fidi ġdida mimlija dawl? Is-sigriet qiegħed fil-misteru li jinsab fi kliem Ġesù. Kliemu mhuwiex sempliċement dak li nistgħu jew li ma nistgħux nagħmlu, mhuwiex sett ta’ direttivi jew ordnijiet. Fil-Kelma ta’ Ġesù nsibu lilU nnifsu jkellimna. Kliemu hu Ġesù nnifsu, l-istess persuna tiegħu.

 

B’hekk aħna niltaqgħu miegħu f’Kelmtu. Meta nilqgħuha f’qalbna, kif Hu jridna nagħmlu (jiġifieri meta nkunu lesti li ngħixuha fil-ħajja tagħna) aħna nsiru ħaġa waħda miegħu u Hu jitwieled jew jikber fina. Hu għalhekk li kull wieħed minna jista’ u għandu jilqa’ din l-istedina ta’ Ġesù li tant titlob affarijiet minna.

 

 

“Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”.

Jista’ jkun hemm min jaħseb li l-Kliem tal-Vanġelu hu għoli u tqil wisq, li hu wisq ’il bogħod mill-mod kif is-soltu ngħixu u naħsbu, u għalhekk jew jitħajjar ma jisimgħux, jew inkella jaqta’ qalbu. Imma dan kollu jiġri jekk naħsbu li l-muntanja tan-nuqqas ta’ fidi rridu nċaqalquha waħedna. Filwaqt li jkun biżżejjed li nagħmlu ħilitna u ngħixu Kelma waħda biss mill-Vanġelu biex fiha nsibu għajnuna li ma tkunx qed tistenniha u forza unika, dawl għall-passi tagħna (ara Salm 118, 105). Għax dik il-Kelma, li fiha hemm Alla, meta ngħixuha tagħmilna nies ħielsa, issaffina, tibdilna, iġġibilna l-faraġ u l-ferħ, tagħtina l-għerf.

 

“Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”.

Kemm tista’ tkun ta’ dawl għalina din il-Kelma matul il-ġurnata! Kull darba li nħabbtu wiċċna man-nuqqasijiet tagħna jew tal-oħrajn, kull meta jidhrilna li ma jistax ikun li timxi wara Ġesù, kull darba li d-diffikultajiet iħajruna naqtgħu qalbna, din il-Kelma tista’ tkun għalina dik il-ħaġa li biha ninqatgħu ’l fuq, tagħmlilna l-qalb u tħeġġiġna biex nibdew mill-ġdid.

 

Kull ma trid tagħmel hu li malajr kemm jista’ jkun “tibdel” xi ftit ir-rotta biex toħroġ mill-għeluq tiegħek u tinfetaħ għal Alla, biex b’hekk tħoss ħajja oħra titwieled fik, il-ħajja vera.

 

Jekk imbagħad inkunu nistgħu naqsmu din l-esperjenza ma’ xi ħabib tagħna, li hu wkoll ikun għażel li jgħix il-Vanġelu bħala r-regola ta’ ħajtu, madwarna naraw tikber il-komunità nisranija.

 

Għax meta ngħixu l-Kelma t’Alla u naqsmuha ma’ ħaddieħor iseħħ miraklu: din tagħti bidu għal komunità li tkun il-ħmira u l-melħ għas-soċjetà, u li tagħti xhieda għal Kristu fil-postijiet kollha tad-dinja.

 

 

Chiara Lubich