Kelma tal-Ħajja
Frar 2010
“Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi, isalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa” (Ġw 10, 9)1.
Ġesù jippreżenta ruħu bħala dak li jwettaq il-wegħdiet t’Alla u x-xewqat ta’ ġens li l-istorja tiegħu hi kollha kemm hi mibnija fuq il-patt ma’ Alla tiegħu li qatt ma mar lura minn kelmtu. L-idea tal-bieb tixbah u titfisser tajjeb bix-xbieha l-oħra ta’ Ġesù: “Jiena hu t-Triq... Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 7). Mela tassew li hu t-triq u l-bieb li jwassal għal għand il-Missier, għand Alla nnifsu.
“Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi, isalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa”.
Xi tfisser fil-prattika din il-Kelma tal-ħajja? Ħafna huma l-implikazzjonijiet li wieħed jista’ jasal għalihom meta tħares lejn il-ħafna siltiet tal-Evanġelju li jixbhu lil din is-silta ta’ San Ġwann. Fost dawn għażilna dik li titkellem fuq il-“bieb id-dejjaq” li minnu nippruvaw ngħaddu2 biex nidħlu fil-ħajja. Għalfejn din l-għażla? Għax jidhrilna li hi dik li forsi l-aktar li tqarribna lejn il-verità li Ġesù jgħid fuqu nnifsu u l-aktar waħda li ddawwalna fuq kif għandna ngħixuha. Ġesù, meta jsir il-bieb miftuħ beraħ, miftuħ kollu kemm hu fuq it-Trinità? Hemm fejn il-bieb tas-Sema jidher jingħalaq għaliH, Hu jsir bieb is-Sema għalina lkoll. Ġesù abbandunat3 hu l-bieb li permezz tiegħu ssir il-laqgħa perfetta bejn Alla u l-bniedem: għax ixejjen lilu nnifsu Hu jgħaqqad mill-ġdid l-ulied mal-Missier. Hu dak il-vojt (id-daħla tal-bieb) li permezz tiegħu l-bniedem jiltaqa’ ma’ Alla u Alla mal-bniedem. Mela Hu l-bieb id-dejjaq u fl-istess ħin il-bieb miftuħ beraħ, u aħna nistgħu nagħmlu esperjenza ta’ dan.
“Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi, isalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa”.
Ġesù fl-abbandun tiegħu sar għalina l-mogħdija għal għand il-Missier. Il-parti tiegħu għamilha. Imma biex nirċievu l-benefiċċji ta’ dawn il-grazzji kollha, kull wieħed minna jrid jagħmel il-parti ċkejkna tiegħu, jiġifieri jrid jersaq qrib dak il-bieb u jgħaddi minnu. Kif? Meta ninħasdu b’xi delużjoni jew inweġġgħu b’xi ġrajja kerha jew xi diżgrazzja ta’ bla ħsieb jew xi marda assurda, dejjem nistgħu niftakru fit-tbatija ta’ Ġesù li ħa fuqu dawn il-provi kollha, u eluf oħra magħhom. Iva, Hu jinsab f’kull tbatija li jkollna. Kull tbatija tagħna hija isem tiegħu. Mela ejjew nippruvaw nagħrfu lil Ġesù f’kull taqtigħ il-qalb, f’kull triq dejqa ta’ ħajjitna, f’kull ċirkustanza mudlama, fit-traġedji tagħna u tal-oħrajn, fit-tbatijiet tal-bnedmin li hemm madwarna. Dawn kollha huma Hu, għaliex Hu għamilhom tiegħu. Ikun biżżejjed li bil-fidi kollha tgħidlu: “Int Sidi; m’għandix ġid ieħor ħliefek”4. Ikun biżżejjed tagħmel xi ħaġa konkreta biex tħaffiflu t-tbatijiet ‘tiegħu’ fil-foqra u f’dawk li huma mdejqa, biex inti tmur lil hinn mill-bieb, u hemmhekk issib ferħ li qatt ma ġarrabt bħalu f’ħajtek, issib il-milja ġdida ta’ ħajtek.
Chiara Lubich 1 Dan il-kumment, ippubblikat sħiħ, jinstab f’Città Nuova, 25.3.1999, nr.6, p.47. 2 ara Ġw 14, 6 3 ara Mk 15,34 u Mt 27,46. 4 ara Sal 16(15), 2.
ĊENTRI TAL-MOVIMENT TAL-FOKOLARI: www.focolare.org ‘Stellaelise’, Triq il-Ħuttaf, Kappara Tel: 2138 5801 • focolaremt@waldonet.net.mt ‘Vita Nuova’, Triq Agius de Soldanis, Sta. Venera Tel: 2148 6112 • vitanuova@waldonet.net.mt
|