Diċembru 2012

 

“Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1, 12)

       

L-aħbar kbira u ġdida li wassal Ġesù lill-bnedmin kollha hija din: aħna wlied Alla, bil-grazzja tiegħu aħna nsiru wlied Alla.

 

Imma kif u ’l min tingħata din il-grazzja? “Lil dawk li laqgħuh” u ’l dawk li għad jilqgħuh matul is-sekli. Jeħtieġ li nilqgħuh bil-fidi u bl-imħabba billi nemmnu li Ġesù hu l-Feddej tagħna. 

 

Imma ejjew infittxu li nifhmu aktar fil-fond xi tfisser li nkunu wlied Alla.

Biżżejjed tħares lejn Ġesù, l-Iben t’Alla, u lejn ir-rabta tiegħu mal-Missier: Ġesù kien jitlob ’il Missieru kif talab fil-“Missierna”. Għalih Missieru kien ‘Abbà’, jiġifieri missier għażiż, il-papà. Lejh  kien idur b’kunfidenza bla tarf u b’imħabba mill-aktar kbira.

 

Imma billi ġie fid-dinja minħabba fina, ma kienx biżżejjed għalih li jkun f’din il-kundizzjoni ta’ privileġġ. Meta miet għalina, u fdiena, hu għamilna wlied Alla u ħutu, u permezz tal-Ispirtu s-Santu, tana wkoll iċ-ċans li nidħlu fi ħdan it-Trinità. B’hekk aħna wkoll nistgħu nitolbu t-talba divina tiegħu: “Abbà, Missier!” (Mk 14, 36; Rum 8, 15): “papà, missieri”, missierna, bil-konsegwenzi kollha li din il-kelma ġġib magħha: ċertezza li hemm hu li jħarisna, li jserrħilna moħħna, u aħna nintelqu f’imħabbtu, fil-faraġ li jagħti Alla, fil-qawwa, fil-ħeġġa; ħeġġa li titwieled f’qalb dawk li jafu li hemm xi ħadd li jħobbhom.

 

“Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla”

 

Il-magħmudija u l-ħajja tal-grazzja li tiġi minnha tagħmilna ħaġa waħda ma’ Kristu u flimkien miegħu aħna wlied fl-Iben.

 

F’din is-silta tal-Vanġelu nsibu wkoll kelma li biha nifhmu d-dinamiżmu profond tal-fatt li aħna wlied.  Dan irridu nwettquh jum wara jum. Infatti jeħtiġilna “insiru wlied Alla”.

 

Aħna nsiru u nikbru bħala wlied Alla billi nwieġbu għal dan id-don tiegħu u billi ngħixu r-rieda tiegħu li nsibuha miġbura kollha kemm hi fil-kmandament tal-imħabba: imħabba t’Alla u mħabba tal-proxxmu.

 

Infatti, li tilqa’ ’l Ġesù jfisser tagħrfu fil-proxxmu tiegħek kollu. Huma wkoll jistgħu jagħrfu ’l Ġesù u jemmnu fih, jekk fl-imħabba tagħna lejhom huma jilmħu parti, xrara tal-imħabba bla tarf tal-Missier.

 

“Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla”

 

Dan ix-xahar li fih infakkru b’mod speċjali t-twelid ta’ Ġesù fid-dinja, għandna nagħmlu ħilitna kollha biex nilqgħu ’l xulxin, billi ngħixu u naqdu ’l Kristu nnifsu f’ħutna l-bnedmin.

 

Imbagħad bejnietna u l-Missier titwieled l-imħabba u l-għarfien tal-ħajja bħal dik li torbot l-Iben mal-Missier fl-Ispirtu. U fuq xufftejna terġa’ tinstema’ b’mod dejjem ġdid it-talba ta’ Ġesù: Abbà, Missier.

 

Chiara Lubich