Diċembru 2010

 

 

            “Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1, 37)[1].

 

 

            Il-mistoqsija li għamlet Maria, meta dehrilha l-anġlu: “Kif ikun dan?”[2], kellha bħala risposta: “Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”, u bħala prova ta’ dan, l-anġlu ġabilha l-eżempju ta’ Eliżabetta, li fi xjuħitha nisslet iben. Maria emmnet u saret Omm il-Mulej.

            Alla jista’ kollox: fil-Kotba Mqaddsa sikwit niltaqgħu ma’ dan l-isem tiegħu, li jintuża kull darba li trid tintwera l-qawwa t’Alla meta jbierek, jiġġudika, imexxi l-ġrajjiet tal-bnedmin, meta jseħħu l-pjanijiet tiegħu.

            Hemm limitu wieħed għas-setgħa li għandu Alla li jagħmel kollox: il-libertà tal-bniedem, li tista’ teħodha kontra r-rieda t’Alla. B’hekk il-bniedem jitlef is-setgħa tiegħu, meta fil-fatt hu ġie msejjaħ biex jaqsam l-istess setgħa li għandu Alla.

 

 

            “Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

 

            Din hi Kelma li tiftħilna t-triq li biha naslu biex nafdaw bi sħiħ fl-imħabba t’Alla-Missier, għax jekk Alla huwa Mħabba, il-fiduċja sħiħa tagħna fiH mhix ħaġ’oħra jekk mhux konsegwenza loġika.

            Hu għandu s-setgħa jagħmel kollox: jagħti grazzji materjali u spiritwali, grazzji possibbli u impossibbli. Hu jagħtihom lil min jitlobhomlu u anki lil min ma jitlobhomlux għax, kif insibu fil-Vanġelu, hu, il-Missier, “Itella’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin”[3]. U Hu jitlobna nagħmlu bħalu, inħobbu lil kulħadd, għax imħabbitna sserrah fuq il-fidi li:

 

 

            “Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

 

            Mela kif se ngħixu din il-Kelma fil-ħajja tagħna ta’ kuljum?

            Minn żmien għall-ieħor aħna ngħaddu minn sitwazzjonijiet diffiċli, ta’ tbatija, kemm fil-ħajja tagħna personali, kif ukoll fir-rabtiet tagħna mal-oħrajn. U xi drabi nħossu li ma nistgħu nagħmlu xejn għax inħossuna marbutin ma’ affarijiet u ma’ persuni li jagħmluna lsira ta’ rabtiet, li minnhom aħna kieku nixtiequ ninħelsu. Ta’ spiss insibu ruħna quddiem ħitan ta’ indifferenza u egoiżmu, u nħossu li ma nistgħu nagħmlu xejn quddiem ġrajjiet li bħal qishom jegħlbuna.

            Għalhekk, f’dawn il-waqtiet, il-Kelma tal-ħajja tista’ tgħinna. Ġesù jħallina ngħaddu mill-esperjenza li fiha nindunaw bin-nuqqas ta’ ħila tagħna, mhux biex aħna naqtgħu qalbna, imma biex jgħinna nifhmu aħjar li “għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”. B’hekk hu jħejjina ħalli aħna ngħaddu mill-esperjenza tal-qawwa straordinarja li tinsab fil-grazzja tiegħu, li tintwera eżattament meta naraw li bil-forzi msejkna tagħna mhux ħa jirnexxilna.

 

            “Għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

 

            Meta aħna ntennu dan lilna nfusna fil-mumenti l-aktar diffiċli, ikollna dik l-enerġija li nsibuha fil-Kelma t’Alla, u b’hekk, b’xi mod, aħna nieħdu sehem fis-setgħa li għandu Alla li jagħmel dak kollu li jrid. Imma dan bil-kundizzjoni li aħna ngħixu u nagħmlu r-rieda tiegħu, u nfittxu li nferrxu madwarna dik l-imħabba li tqegħditilna f’qalbna. B’hekk aħna nsiru ħaġa waħda mal-imħabba kollha qawwa li Alla għandu għall-ħlejjaq tiegħu, u li minħabba fiha jseħħu l-pjanijiet kollha li hu għandu għal kull bniedem u għall-umanità kollha.

            Imma hemm mument speċjali li fih nistgħu ngħixu din il-Kelma u nħossu l-qawwa kollha tagħha: aħna u nitolbu.

            Ġesù qal li kulma aħna nitolbu lill-Missier f’ismu, huwa jagħtihulna. Mela ejjew nippruvaw nitolbuh dak li jinsab l-aktar għal qalbna, għax nemmnu bis-sħiħ li m’hemm xejn li hu ma jistax jagħmel: ibda mis-soluzzjoni ta’ każijiet mill-aktar iddisprati; għall-paċi fid-dinja; għall-fejqan minn mard serju; u spiċċa fil-problemi li jgħaddu minnhom il-familji u s-soċjetà.

            Jekk imbagħad aħna nitolbu dawn l-istess affarijiet flimkien ma’ oħrajn, u dan nagħmluh magħqudin ħaġa waħda fl-imħabba ta’ bejnietna, allura jkun Ġesù nnifsu preżenti f’nofsna li jitlob lill-Missier, u, skont il-wegħda tiegħu, il-grazzja naqilghuha.

            B’fidi bħal din fis-setgħa li Alla jista’ kollox u fl-Imħabba tiegħu, aħna wkoll darba waħda tlabna għal N. biex dak it-tumur li deher fl-X-ray, “jisparixxi”, bħallikieku kien xi żball jew xi fantażma. U hekk ġara.

            Din il-fiduċja bla qies li biha nħossuna f’dirgħajn il-Missier li jista’ kollox, għandha tibqa’ magħna dejjem fil-ġrajjiet kollha ta’ ħajjitna. B’dan ma rridx ngħid li se naqilgħu kulma nitolbu. U nafu jew ma nafux, is-setgħa bla qies li huwa għandu, hu jużaha dejjem u biss għall-ġid ta’ wliedu. L-importanti hu li nkabbru din iċ-ċertezza li ma hemm xejn li Alla ma jistax jagħmel. U dan iġib fina paċi li bħalha ma ħassejna qatt qabel.

 

Chiara Lubich

 


 

[1]     Parola di vita, Diċeembru 1999, ippubblikata fuq Città Nuova, 1999/22, p.7.

[2]     Ara Lq 1, 34.

[3]     Ara Mt 5, 45.