KELMA TAL-ĦAJJA

 

Diċembru 2009

 

“Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5, 16)

 

Id-dawl jidher fl-“għemejjel tajba” u jiddi permezz tal-għemejjel tajba li jagħmlu -insara. Tgħidli: mhux l-insara biss jagħmluhom l-għemejjel tajba. Hemm nies oħra li jagħtu sehemhom b’risq il-progress, jibnu djar, jaħdmu favur il-ġustizzja... Għandek raġun. Dan jagħmlu n-nisrani u hu dmir tiegħu, imma n-nisrani mhux imsejjaħ għal dan biss. Hu jrid iwettaq l-għemejjel tajba bi spirtu ġdid, b’dak l-ispirtu li bih ma jibqax hu li jgħix, imma Kristu li jgħix fih.

 

San Mattew f’moħħu ma kellux biss dawk l-opri tal-ħniena li jsiru darba kultant, bħal li żżur il-ħabsin, tlibbes lil min hu għeri u dawk l-għemejjel l-oħra tal-ħniena li jinqalgħu skont il-bżonn. Imma f’moħħ l-evanġelista, in-nisrani għandu jgħix b’mod li jgħaqqad bis-sħiħ ir-rieda tiegħu mar-rieda t’Alla u b’hekk ħajtu kollha ssir opra tajba. Jekk in-nisrani jgħix hekk, hu jsir “trasparenti” u t-tifħir li jingħata għal dak kollu li jagħmel ma jmurx għandu, imma jmur għand Kristu li jgħix fih. U permezz tiegħu, Alla jkun

preżenti fid-dinja. Għalhekk xogħol in-nisrani hu li jħalli dan id-dawl li jgħammar fih joħroġ ’il barra minnu u jkun “sinjal” ta’ din il-preżenza t’Alla fost il-bnedmin.

 

“Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

 

Jekk l-opra tajba ta’ nisrani wieħed ikun fiha dawn il-kwalitajiet, anki l-komunità nisranija li tgħix fid-dinja jrid ikollha l-istess funzjoni preċiża: li turi b’ħajjitha li Alla hu preżenti fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f ’ismu, wegħda magħmula lill-Knisja li tibqa’ tgħodd sal-aħħar taż-żminijiet. Il-Knisja tal-ewwel żminijiet kienet tagħti importanza kbira ’l dan il-kliem ta’ Ġesu. L-aktar fil-mumenti diffiċli, meta l-insara kienu jiġu mżebilħa. Hi kienet tħeġġiġhom biex ma jeħduhiex kontra dan bil-vjolenza.

 

Imġebithom kellha tkun risposta kontra l-ħażin li kienu jgħidu fuqhom.

Fl-Ittra lil Titu nsibu miktub hekk: “Ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikunu meqjusa. Qis li inti nnifsek tkun f ’kollox mera ta’ bniedem li jagħmel it-tajjeb; bniedem ta’ duttrina safja, ta’ serjetà; li għandu kelma sħiħa li ħadd ma jsib xi jgħid fiha, sabiex kull min jeħodha kontra tagħna jibqa’ mħawwad, billi ma jkollu xejn ħażin xi jgħid fuqna”.

 

“Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

 

Anki f’dawn iż-żmenijiet, il-ħajja nisranija mgħixa hi dawl li twassal ’il-bnedmin għand Alla.

 

Ħa nirrakkuntalek fatt ċkejken.

 

Antonietta, tfajla minn Sardenja, marret taħdem Grenoble, belt fi Franza. Kienet skrivana f’uffiċċju li fih il-ħaddiema ma tantx kienu jagħtu sehemhom fix-xogħol. Billi hi nisranija u tara f’kull wieħed lil Ġesu li trid taqdi, hi tgħin ’il kulħadd u tkun dejjem kalma u bit-tbissima fuq fommha. Sikwit issib lil min jirrabja magħha, jgħolli leħnu u jgħidilha ħafna affarijiet biex iwaqqagħha għaċ-ċajt: “Hux trid taħdem? Mela aqbad u

ttajpja x-xogħol tiegħi!”  Hi tiskot u taħdem. Taf li sħabha mhumiex xi nies ħżiena. Mhux kulħadd ikollu s-slaleb tiegħu x’iġorr! Jum fost l-oħrajn min imexxi l-uffiċċju mar fuqha meta sħabha ma kenux hemm u staqsieha: “Issa trid tgħidli kif jirnexxilek ma titlifx il-paċenzja, u kif dejjem tarak bit-tbissima fuq fommok”. Biex tiddefendi ruħha weġbitu: “Infittex

li nżomm il-kalma, li nieħu l-affarijiet sew”. Dan ta tisbita fuq l-iskrivanija u qalilha: “Le, żgur li hawnhekk jidħol Alla, għax kieku qatt ma jirnexxilek iġġib ruħek hekk! U biex tagħqad, jien f ’Alla ma kontx nemmen!” Xi ġranet wara lil Antonietta sejħulha fl-uffiċċju tad-Direttur. Dan qalilha li kien se jibgħatha taħdem f’uffiċċju ieħor u d-Direttur qalilha: “Biex tibdlu kif irnexxielek tibdel l-uffiċċju li qiegħda fih issa”.

 

“Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

 

Chiara Lubich

Kelma tal-Ħajja Jannar 2010

Parola di vita, Jannar 1999, ippubblikata fuq Città Nuova 1998, nru.24, p.59.

 

Il-“Kelma tal -Ħajja” ti ġi ma qluba f’90 lingwa u id joma (li 20 min hom huma biss orali )

u tilħaq miljuni ta ’ nies permezz ta ’ gazzeti , radju, televixin u Internet .

  

ĊENTRI TAL-MOVIMENT TAL-FOKOLARI: www.focolare.org

‘Stellaelise’, Triq il-Ħuttaf, Kappara Tel: 2138 5801 • focolaremt@waldonet.net.mt

‘Vita Nuova’, Triq Agius de Soldanis, Sta. Venera Tel: 2148 6112 • vitanuova@waldonet.net.mt