Kelma tal-Ħajja Awwissu 2013

 

“Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom” (Lq 6, 32).

 

Il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar hi meħuda mill-Vanġelu ta’ San Luqa.  Hi silta mill-kliem ta’ Ġesù, li fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibuh bħala d-diskors tal-muntanja. F’dan id-diskors Ġesù jgħid x’inhu meħtieġ għas-Saltna t’Alla u x’għandhom jagħmlu dawk li huma ta’ din is-Saltna. Dawn għandhom jimitaw lill-Missier tagħna tas-Sema.

B’dan il-kliem Ġesù qed isejjaħ lid-dixxipli tiegħu biex jimitaw ’l Alla l-Missier fl-imħabba. Jekk irridu nkunu wliedu, għandna nħobbu ’l-proxxmu tagħna bl-istess mod kif iħobb Hu.

 

“Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom”.

 

          L-ewwel kwalità li tagħżel l-imħabba tal-Missier minn imħabbiet oħra hi li tingħata bla ebda ħlas. Dan żgur mhuwiex il-mod ta’ kif tħobb id-dinja. Fid-dinja dak li jkun iħobb lill-oħrajn għax iħossu obbligat għal xi ħaġa li jkunu għamlu miegħu, jew għax iħoss simpatija lejhom (inħobbu ’l dawk li jħobbuna jew li għalina jidhru simpatiċi). L-imħabba tal-Missier mhijiex imħabba interessata; imħabbtu mhix marbuta ma’ kemm il-bnedmin kapaċi jħobbuh.  Alla jħobbna mhux għax aħna nies tajba, mhux għax aħna qaddisin u għalhekk jixirqilna li Hu jagħti kasna u li jagħtina kulma neħtieġu. Bil-maqlub:  hi mħabbtu li toħloq fina t-tjieba u s-sbuħija spiritwali tal-grazzja u tagħmilna ħbiebu u wliedu.

 

“Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom”.

 

          Kwalità oħra li nsibu fl-imħabba t’Alla l-Missier hi li hu jħobb ’il kulħadd. Alla jħobb ’il kulħadd, ikun min ikun. Il-kejl li bih iħobb hu bla qies.

          Wara kollox, imħabbtu tingħata b’xejn u hi kreattiva, propju għax il-ħin kollu tasal fejn hemm il-bżonn u tkun lesta li timla’ fejn tara li hemm il-vojt.

          Din hi r-raġuni l-għala Alla l-Missier iħobb ukoll lil dawk uliedu li huma ingrati jew ’il bogħod minnu jew li jeħduha kontrieh. Anzi, hu jħossu miġbud b’mod partikulari lejn dawn in-nies.

 

“Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom”.

 

          Mela kif irridu ngħixu l-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar?

          Għandna nġìbu ruħna ta’ veri wlied il-Missier tagħna tas-Sema, jiġifieri nimitaw il-mod kif iħobb Hu, l-aktar il-kwalitajiet li għadna kif semmejna: li nħobbu bla ma nistennew li jħobbuna u li nħobbu ’l kulħadd. Mela nfittxu li nħobbu aħna l-ewwel, b’imħabba ġeneruża, li tgħin u tkun miftuħa għal kulħadd, speċjalment fin-nuqqasijiet li nsibu madwarna. Nfittxu li nħobbu b’imħabba li ma tkunx marbuta mar-riżultat li tista’ tħalli. Għandna nagħmlu ħilitna kollha biex inkunu għodda tal-ġenerożità t’Alla, u ngħinu ’l-oħrajn biex igawdu mid-doni naturali u mill-grazzji li aħna rċevejna mingħandu.

 

          Jekk inħallu ’l din il-Kelma ta’ Ġesù tmexxina, naraw b’għajnejn ġodda u b’qalb ġdida ’il kull proxxmu li jgħaddi minn ħdejna u ’l kull okkażjoni li tingħatalna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. U kulfejn nagħtu l-għajnuna tagħna (fil-familja, fl-iskola, fejn naħdmu, fl-isptar, eċċ.) inħossu li għandna nwasslu din l-imħabba li hi mħabba t’Alla, imħabba li ġab Ġesù f’din id-dinja u li hi biss tista’ tibdilha.

 

 

Chiara Lubich