Awwissu 2012

 

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 10: 32,33).

 

Għalina l-insara din il-Kelma tal-ħajja hi ta’ faraġ kbir u tħeġġeġ l-insara kollha.

Biha Ġesù qed iħeġġiġna biex ngħixu bi sħiħ il-fidi tagħna fih, għax il-ħajja eterna tagħna tiddependi minn kif inkunu ġibna ruħna miegħu f’ħajjitna hawn fl-art. Hu jgħidilna li jekk aħna nuru li nafuh quddiem il-bnedmin, hu jkun jista’ juri li jafna quddiem Missieru. Iżda, jekk inkunu ċħadnieh quddiem il-bnedmin, hu wkoll jiċħadna quddiem il-Missier.

 

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

 

Għax iħobbna, Ġesù qed ifakkarna fil-premju jew fil-kastig li se nieħdu wara din il-ħajja. Kif jgħid wieħed minn Missirijiet il-Knisja, Ġesù jaf li xi drabi aħna aktar nitqanqlu mill-biża’ tal-kastig milli mill-wegħda ta’ premju sabiħ. Għalhekk hu qed ikabbar fina t-tama fil-hena bla tmiem u fl-istess ħin, biex isalvana, iqanqal fina l-biża’ tal-kundanna.

 

F’moħħu, Ġesù għandu ħaġa waħda biss: li aħna naslu għall-ħajja ta’ dejjem m’Alla. Fl-aħħar mill-aħħar, dan biss jgħodd; dan hu l-għan li għalih ġejna maħluqin. Bih biss, fil-fatt, nistgħu nilħqu l-milja tagħna u niksbu b’mod sħiħ it-tamiet kollha tagħna. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna “nistqarruh” sa minn issa stess. Imma jekk f’din il-ħajja ma rridux li jkollna x’naqsmu miegħu, jekk niċħduh issa, meta naslu biex ngħaddu għall-ħajja l-oħra, għad insibu ruħna maqtugħin minnu għal dejjem.

 

Meta naslu fi tmiem il-ħajja tagħna hawn fl-art, Ġesù mhu se jagħmel xejn għajr li jikkonferma quddiem il-Missier l-għażla li kull wieħed ikun għamel f’ħajtu, bil-konsegwenza li din l-għażla ġġib magħha. Meta semma l-ġudizzju tal-aħħar, hu ried jurina kemm hi importanti u serja d-deċiżjoni li nieħdu f’din il-ħajja: infatti fuqha tiddependi l-eternità tagħna.

 

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

 

Xi profitt se nagħmlu minn din it-twissija ta’ Ġesù? Kif se ngħixu din il-Kelma tiegħu?

Qed jgħidilna hu stess: “Kull min jistqarr. . .  li hu miegħi  . . . ”.

Ejjew mela niddeċiedu li nistqarruh quddiem il-bnedmin bis-sempliċità u mingħajr ħabi.

Ejjew nirbħu r-rispett uman. M’għandniex inkunu medjokri u nies li jaslu għal kompromess. Dan kollu jġib fix-xejn il-ħajja tagħna ta’ veri nsara.

 

Irridu niftakru li aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ Kristu. Hu jixtieq jasal għand il-bnedmin kollha bil-messaġġ tiegħu ta’ paċi, ġustizzja u mħabba sewwa sew permezz tagħna. Ejjew nagħtu xhieda tiegħu kulfejn inkunu, fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-istudju u f’kull ċìrkustanza oħra tal-ħajja.

 

Għandna nagħtu din ix-xhieda fuq kollox b’imġibitna: b’ħajja onesta, bi drawwiet safja, bla ma nkunu marbutin mal-flus, billi nieħdu sehem fil-ferħ u fit-tbatija tal-oħrajn.

 

Ix-xhieda tagħna għandna nagħtuha b’mod partikulari billi nħobbu ’l xulxin, inkunu ħaġa waħda. B’hekk il-paċi u l-ferħ sħiħ, li Ġesù wiegħed li jagħti lil kull min hu magħqud miegħu, jimlewlna qalba minn din id-dinja stess u mbagħad aħna nwassluhom lill-oħrajn.

 

Lil dawk li jistaqsuna għaliex inġibu ruħna hekk, għaliex aħna tant fil-paċi għalkemm qed ngħixu f’dinja mqallba, għandna nwieġbu bl-umiltà u bis-sinċerità bi kliem li jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu. B’hekk inkunu qed nagħtu xhieda ta’ Kristu anki bil-kliem u bl-idejat tagħna. Imbagħad għandu mnejn li ħafna minn dawk li qed ifittxuh, ikunu jistgħu jsibuh.

 

Xi drabi jista’ jkun li jifhmuna ħażin, jew li ma jaqblux magħna, jew iwaqqgħuna għaċ-ċajt u forsi anki jeħduha kontrina u jippersegwitawna. Ġesù ppreparana anki għal dan: “Bħalma ppersegwitaw lili hekk ukoll jippersegwitaw lilkom” (Ġw 15, 20).

 

Għadna fit-triq it-tajba. Ejjew inkomplu nagħtu xhieda tiegħu b’kuraġġ anki meta jiġu fuqna l-provi, anki jekk ikollna nagħtu ħajjitna. Dak li qed jistenniena jistħoqqlu dan kollu – hemm il-Ġenna li qed tistenniena, fejn Ġesù, dak li aħna nħobbu, jistqarr li hu magħna quddiem il-Missier għall-eternità kollha.

 

Chiara Lubich