Awwissu 2011

 

“Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lhud 10, 9)1

 

Dan il-kliem insibuh fis-Salm 40 u l-awtur tal-ittra lil-Lhud qed jużah bħala kliem li l-Iben t’Alla jgħid lill-Missier. B’hekk l-awtur jisħaq fuq l-imħabba li biha l-Iben t’Alla sar bniedem biex isseħħ il-ħidma s-salvazzjoni u b’hekk jobdi r-rieda tal-Missier.

 

Dan il-kliem l-awtur qed jużah f’silta li biha jrid juri l-kobor bla tarf tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù meta mqabbel mas-sagrifiċċji li kienu jsiru fil-Liġi l-qadima. F’dawn is-sagrifiċċji lil Alla kienu joffrulu annimali jew affarijiet. Mhux hekk is-sagrifiċċju ta’ Ġesù. Hu kellu mħabba bla tarf li kienet qed timbuttah biex fil-ħajja tiegħu fuq din l-art joffri lill-Missier ir-rieda tiegħu, lilu nnifsu kollu kemm hu.

 

“Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”

 

B’dan il-kliem quddiem għajnejna jirnexxilna nifhmu aħjar il-ħajja ta’ Ġesù u jgħinna wkoll biex minn ħajtu nisiltu l-aktar ħaġa profonda u prezzjuża li tgħaqqad flimkien il-ġrajjiet tiegħu fuq din l-art: tfulitu, il-ħajja moħbija tiegħu, it-tentazzjonijiet, l-għażliet, il-ħidma tiegħu fost in-nies, sa ma miet fuq is-salib. F’kull mument, f’kull sitwazzjoni, Ġesù jfittex ħaġa waħda biss: li jagħmel ir-rieda ta’ Missieru; u din għamilha b’mod sħiħ, ma għamel xejn ħliefha u ma laqgħax suġġerimenti li ma kinux jaqblu għal kollox ma’ din ir-rieda.

 

“Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”

 

Din il-Kelma tgħinna nifhmu l-lezzjoni l-kbira li Ġesù kellu quddiemu f’ħajtu: l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja hi li nwettqu r-rieda tal-Missier, mhux dik tagħna. Nagħrfu ngħidu le lilna nfusna biex ngħidu iva Lilu.        

 

L-imħabba vera għal Alla ma tikkonsistix fi kliem sabiħ, fi ħsibijiet u sentimenti, imma f’li nobdu l-kmandamenti tiegħu. Is-sagrifiċċju ta’ tifħir li Hu jistenna minn għandna, hija l-offerta kollha mħabba li nagħmlu Lilu ta’ dak kollu li għandna ġewwa fina, ta’ kulma hu tagħna, jiġifieri r-rieda tagħna.

 

“Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”

 

Kif se ngħixu l-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar? Anki din hi Kelma li turi b’mod ċar ħafna l-aspett tal-Vanġelu li jgħidilna biex neħduha kontra l-kurrent għaliex hi teħodha kontra t-tendenza li nsibu ġewwa fina: li nfittxu li nagħmlu r-rieda tagħna, li nimxu wara l-ġibdiet u s-sentimenti tagħna.

 

Din il-Kelma hi waħda mill-aktar kelmiet antipatki għall-bniedem tallum. Illum il-ġurnata qed ngħixu fi żmien li fih il-bniedem hu ffissat fih innifsu, ma jridx jiddependi fuq ħaddieħor, irid jikseb il-libertà biex jilħaq l-iskop ta’ ħajtu, irid jissodisfa ruħu biex jgħid li hu bniedem li rnexxa, iqis il-pjaċir bħala dik il-ħaġa li fuqha jiddependu l-għażliet tiegħu u s-sigriet biex ikun ferħan. Imma aħna nafu wkoll il-konsegwenzi koroh li dan iġib miegħu.

 

Issa, Ġesù jeħodha kontra dik it-tip ta’ ħajja li fiha wieħed ifittex li jagħmel ir-rieda tiegħu. Il-ħajja li jippreżentalna Ġesù tfittex li twettaq ir-rieda t’Alla, bl-effetti mill-isbaħ li Hu jwiegħed.

 

Għalhekk, matul dan ix-xahar għandna nfittxu li aħna wkoll nagħżlu r-rieda tal-Missier u, kif għamel Ġesù, inżommuha bħala r-regola u r-raġuni tal-ħajja kollha tagħna.

 

B’hekk ħajjitna tgħaddi minn avventura divina li għaliha għad nibqgħu dejjem grati lejn Alla. Permezz ta’ din il-ħajja għad nitqaddsu u ndawlu lil ħafna bl-imħabba t’Alla.

 

1  Parola di vita, Diċembru  1991, ippubblikata fuq Città Nuova, 1991/22, p.34-35.

 

Chiara Lubich