Awwissu 2009

“Hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13,1).

Taf fejn jinsab dan il-kliem fl-Evanġelju? Kitbu San Ġwanni l-Evanġelista, u seħħ qabel ma Ġesù beda jħejji ruħu biex jaħsel saqajn l-appostli u biex imur għall-passjoni.

Fl-aħħar mumenti li għex magħhom, Ġesù wera b’mod tal-għaġeb u bil-fatti l-imħabba li  sa minn dejjem kellu għalihom.

                 

“Hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar”.

Il-kliem “għall-aħħar” ifisser: sa tmiem ħajtu, sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu. Imma fih insibu wkoll l-idea tal-perfezzjoni. Dan il-kliem ifisser: ħabbhom b’mod sħiħ, totali, b’qawwa kbira, ħabbhom sal-aħħar.

Id-dixxipli ta’ Ġesù kienu se jibqgħu fid-dinja, filwaqt li Ġesù kien se jmur fil-glorja. Huma kienu se jħossuhom waħedhom, riedu jegħlbu ħafna provi. Propju f’dawk il-mumenti, Ġesù ried li huma jkunu ċerti minn imħabbtu.

 

“Hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar”.

Ma tħossx li f’dan il-kliem hemm l-istil ta’ ħajja ta’ Kristu, il-mod kif iħobb? Ħasel saqajn l-appostli. Imħabbtu wasslitu biex jaqdihom b’dan il-mod li f’dawk iż-żmenijiet kien xogħol l-ilsira. Ġesù kien qed iħejji ruħu għat-traġedja tal-Kalvarju biex jagħti lil “dawk li kienu tiegħu” u lil kulħadd, mhux biss il-kliem straordinarju tiegħu, il-mirakli u l-affarijiet kollha li wettaq, imma saħansitra jagħtihom ħajtu stess. Huma kienu jeħtiġuha, dan hu l-ikbar bżonn li għandu kull bniedem: li jinħeles mid-dnub, li jfisser jinħeles mill-mewt, u b’hekk jidħol fis-saltna tas-smewwiet. Huma kellhom jiksbu paċi u ferħ fil-Ħajja li ma tintemm qatt.

Ġesù offra lilu nnifsu sal-mewt, sa ma għajjat l-għajta tal-abbandun tiegħu mill-Missier, sa ma fl-aħħar seta’ jgħid: “kollox mitmum”.

 

“Hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar”.

F’dan il-kliem jinsabu l-qawwa tal-imħabba t’Alla u l-għożża tal-imħabba ta’ wieħed minn ħutna. U għax Kristu jinsab fina, aħna l-insara wkoll nistgħu nħobbu  b’dan il-mod.

Imma  jien mhux qed nissuġġerilek li tagħmel bħal Ġesù li miet għall-oħrajn meta waslet is-siegħa tiegħu; lanqas ma rrid noffrilek mudelli bħal Patri Kolbe li miet minflok wieħed mill-priġunieri li kien hemm miegħu, jew Patri Damjan li, wara li ħa l-lebbra mingħand il-lebbrużi, miet magħhom u għalihom.

Għandu mnejn li matul is-snin, inti qatt ma se tintalab tagħti ħajtek għal ħutek. Iżda dak li żgur Alla jitlob minnek hu li tħobbhom bi sħiħ, sal-aħħar, sa ma inti wkoll tkun tista’ tgħid: “kollox mitmum”.

Hekk għamlet Cetti, tifla ta’ ħdax-il sena li toqgħod ġo belt fl-Italja. Darba rat lill-ħabiba tagħha Giorgina, tal-istess età tagħha, imdejqa ħafna. Xtaqet issabbarha, imma ma rnexxilhiex. Għalhekk riedet tkun taf xi ġralha u għaliex kienet daqshekk imdejqa.  Missier Ġiorġina kien miet u ommha ħallietha waħedha man-nanna biex tmur tgħix ma’ raġel ieħor. Cetti ndunat b’din it-traġedja u bdiet tara x’tista’ tagħmel. Avolja żgħira, talbet lil seħbitha biex tħalliha tkellem lil ommha. Imma l-ewwel Giorgina talbitha biex tmur magħha fuq il-qabar ta’ missierha. B’imħabba kbira, Cetti marret magħha u semgħet lil Giorgina tolfoq u titlob lil missierha biex jiġi jeħodha.

Cetti ħasset qalbha se tinqasam. Fil-qrib kien hemm knisja żgħira kważi mwaqqgħa u daħlu fiha. Kien fadal biss tabernaklu żgħir u Kurċifiss. Cetti qaltilha: “Ara, f’din id-dinja kollox għad jintemm, imma dak il-Kurċifiss u dak it-tabernaklu għad jibqgħu għal dejjem!”. Giorgina, hi u timsaħ id-dmugħ, qaltilha: “Iva, sewwa qed tgħid!”. Imbagħad, bil-ħlewwa kollha, Cetti qabdet lil Giorgina minn idha u wasslitha għand ommha.

Kif waslet, bla tlaqliq ta’ xejn qaltilha hekk: “ Ara, sinjura, dawn mhumiex affarijiet tiegħi; imma jiena ngħidlek li inti ħallejt lil bintek nieqsa mill-imħabba ta’ omm, li hi tant teħtieġ. U ngħidlek ukoll xi ħaġ’oħra: li inti qatt ma se jkollok paċi sa ma teħodha lura għandek u tindem minn dak li għamilt”.

B’imħabba kbira, l-għada Cetti għamlet il-qalb lil Giorgina meta ltaqgħet magħha l-iskola. Imma mbagħad ġrat xi ħaġa ġdida: mara b’karozza ġiet biex tieħu lil Giorgina d-dar: kienet ommha. U minn dak in-nhar ommha baqgħet tmur għaliha bil-karozza, għax issa Giorgina kienet tgħix magħha. Ommha warrbet darba għal dejjem il-ħbiberija li kellha ma’ dak ir-raġel.

Fuq dak li għamlet Cetti nistgħu ngħidu: “kollox mitmum”. Kollox għamlet sew, sal-aħħar. U rnexxielha.

Aħseb ftit: kemm-il darba bdejt tieħu ħsieb xi ħadd u wara tlaqtu għal riħu, u sibt elf skuża biex issikket il-kuxjenza tiegħek? Kemm bdejt tagħmel affarijiet b’entużjażmu u mbagħad waqaft quddiem diffikultajiet li ħsibt li jaqbżu l-forzi tiegħek?...

Il-lezzjoni li llum Ġesù qed jagħtik hi din:

  

“Hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar”.

Hekk agħmel.

U jekk jiġi jum li fih Alla jitolbok bis-serjetà li tħalli ħajtek għalih, toqgħodx taħsibha darbtejn. Il-martri kienu jmorru jkantaw għall-martirju. U l-premju għad ikun l-akbar glorja, għax Ġesù qal li ħadd fid-dinja ma għandu mħabba akbar minn min ixerred demmu għal ħbiebu.

 

Chiara Lubich