Kelma tal-Ħajja April 2013

“L-aħwa, tgergrux kontra xulxin.” (Ġk 5,9)

 

Biex nifhmu aħjar il-Kelma tal-Ħajja li għandna dan ix-xahar, ta’ min wieħed iżomm kont taċ-ċirkustanzi li wasslu għaliha. L-ittra tal-appostlu Ġakbu tindirizza dawk in-nuqqasijiet li kienu jseħħu fi ħdan il-komunitajiet Insara. Fost dawn insibu skandli, diskriminazzjonijiet soċjali kif ukoll l-użu egoistiku tal-ġid materjali u saħansitra sfruttament tal-ħaddiema, fidi li tikkonsisti aktar fi kliem milli f’fatti, u affarijiet oħra. Dan wassal għal garr u nuqqas ta’ ftehim u ħoloq diffikultajiet bejn il-membri tal-komunità.

 

“L-aħwa, tgergrux kontra xulxin.”

 

Sa minn żmien l-appostli, wieħed jista’ jinnota dak li llum naraw ukoll fil-komunitajiet tagħna. L-ikbar diffikultajiet biex ngħixu l-fidi tagħna, ħafna drabi ma jiġux minn barra, jiġifieri mid-dinja, iżda minn ħdan il-komunità, u huma frott ta’ xi sitwazzjonijiet li jseħħu meta l-imġiba ta’  wħud minn ħutna ma tkunx skont l-ideal Nisrani. Dan kollu iwassal biex dak li jkun iħossu skomdu, jaqta’ qalbu u jinfixel.

 

“L-aħwa, tgergrux kontra xulxin.”

 

Iżda jekk dawn il-kuntradizzjonijiet u nuqqas ta’ fedeltà xi ftit jew wisq gravi għandhom għeruqhom f’fidi mhux dejjem imdawla u f’ imħabba lejn Alla u l-proxxmu li tkun għadha ’l bogħod mill-perfezzjoni, ir-reazzjoni tan-Nisrani m’għandhiex tkun li jitlef il-paċenzja u jwebbes rasu, imma li jagħmel dak li jgħallimna Ġesù. Hu jrid minna li nagħrfu nistennew bis-sabar, li nifhmu lil ħaddieħor u li jkollna ħniena lejh. Dan kollu jgħin biex iż-żerriegħa tat-tajjeb li tkun inżergħet fina tiżviluppa kif tgħid il-parabbola tas-sikrana (Mt 13, 24-30.36-43). 

 

“L-aħwa, tgergrux kontra xulxin.”

 

Għalhekk, kif għandna ngħixu l-Kelma tal-Ħajja ta’ dan ix-xahar? Hi tqegħidna quddiem sitwazzjoni iebsa tal-ħajja Nisranija. Aħna wkoll nagħmlu parti minn komunitajiet differenti (il-familja, il-parroċċa, xi għaqda, il-post tax-xogħol, il-komunità ċivili), fejn sfortunatament jista’ jkun hemm ħafna affarijiet li fil-fehma tagħna mhux sejrin sew: il-karattru, l-opinjoni, drawwiet, nuqqas ta’ fedeltà li jsewdulna qalbna u jagħtina li ma naċċettawhomx.

 

B’hekk se jkollna ħafna okkażjonijiet fejn ngħixu l-Kelma tal-Ħajja ta’ dax-xahar. Flok ma ngorru u nikkundannaw, kif ser ikollna t-tentazzjoni li nagħmlu, irridu nkunu  tolleranti u nifhmu lil ħadieħor. Fejn hu possibbli, nistgħu wkoll inwiddbu lil xulxin kif jagħmlu l-aħwa. Imma fuq kollox inkunu qegħdin nagħtu xhieda Nisranija, billi nwieġbu b’aktar imħabba u impenn għan-nuqqas ta’ mħabba u impenn tal-oħrajn.

 

Chiara Lubich