|
IL-KANTIKU TA’ ŻAKKARIJA
Imbierek il-Mulej,
Alla ta’ Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.
U inti, tfajjel,
tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu
triqatu, biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, bil-maħfra ta’
dnubiethom, ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, li jibagħtilna
mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa, ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq
tas-sliem.
Luqa 1:67-79
|