Ara il-verżjoni bl-Ingliż. …>

 

Ċerimonja tat-Tluq fl-Ajruport Internazzjonali, Ħal Luqa

 

27 ta’ Mejju 1990

 

Sur President,

Sur Prim Ministru,

Għeżiez Arċisqof Mercieca u Għażiż Isqof Cauchi,

Maħbub Poplu ta’ Malta

 

1.    Aktar kmieni llum fir-Rabat kelli l-privileġġ li ngħaddi ftit waqtiet ta’ talb fis-skiet fl-għar qadim meqjum bħala l-post fejn għex San Pawl meta kien Malta. F’dak il-post qaddis irringrazzjajt ‘l Alla għall-ħsad abbundanti ta’ fidi u opri tajba li kiseb minn foskom, mindu l-Appostlu tal-Ġnus ħabbar għall-ewwel darba l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu lil missirijietkom. Jiena wkoll irringrazzjajt lill-Mulej għal ‘ħniena mhix tas-saltu’ (ara Atti 28,2) li biha dsatax-il seklu wara lqajtu persuna oħra, is-suċċessur ta’ Pietru meta dan ġie biex jippriedka l-istess Evanġelju ħalli jseddaq lil ħutu Maltin fl-istess fidi (ara Lq 22 :32)

 

Illejla fi triqti lura lejn Ruma nixtieq infisser il-gratitudni tiegħi lil kulmin għen biex din iż-Żjara Pastorali setgħet issir.  Fl-ewwel post, intenni l-ħajr tiegħi lilek, Sur President, għall-laqgħa sabiħa tiegħek. Jiena grat ukoll lejk, Sur Prim Ministru, u lejn il-Gvern u l-awtoritajiet ċivili li bil-qalb taw l-għajnuna tagħhom biex jiġu organizzati l-avvenimenti ta’ dawn il-jiem. Naturalment ma nistax ma nfissirx il-gratitudni profonda tiegħi lil Ħuti l-Isqfijiet u lill-qassisin kollha, lir-reliġjużi u lill-lajċi tal-Knejjes ta’ Malta u Għawdex tal-laqgħa kordjali li tawni f’kull stadju taż-Żjara tiegħi.

 

2.    Fil-ħin kollu li kont Malta bqajt impressjonat bil-mod kif il-Maltin huma marbuta bis-sħiħ mal-wirt kulturali u reliġjuż tagħhom. Ix-xewqa tagħkom li tkunu fidili lejn dan il-wirt prezzjuż waqt li fl-istess ħin tistinkaw biex tippromwovu l-iżvilupp tagħkom għall-ġid ta’ kulħadd hu ċertament sinjal ta’ tama qawwija għall-ġejjieni ta’ Malta. It-tradizzjonijiet tagħkom huma xhieda ta’ l-għaġeb tal-karattru nazzjonali tagħkom u ta’ l-identità tagħkom. J’Alla jibqgħu jmexxukom u saħħukom fid-determinazzjoni tagħkom.

 

Matul iż-żjara tiegħi jiena għamilt appell lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-ġid tan-nazzjon – mexxejja politiċi u soċjali, ħaddiema, intellettwali, ż-żgħażagħ u wkoll il-membri ta’ Knejjes u komunitajiet ekkleżjali oħra: ħeġġiġtkom biex għall-isfidi taż-żminijiet ta’ llum tapplikaw il-viżjoni nisranija li writtu mill-imgħoddi tagħkom. Meta għamilt dan l-appell jien ukoll fissirt il-fiduċja tiegħi li intom taħdmu flimkien b’ġenerożità u b’mod effettiv biex taħolqu soċjetà ispirata mill-ogħla ideali ta’ ġustizzja u paċi, waqt li tagħtu attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet tal-membri inqas ixxurtjati tal-komunità.

 

3.    Lilhinn mix-xtut tagħha Malta tgawdi stima għall-isforzi tagħha biex tippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni fi ħdan il-komunità internazzjonali. L-isforzi tagħkom f’dan ir-rigward jissaħħu ħafna b’impenn simili biex taraw dawk il-valuri jiġu applikati f’pajjiżkom fi ħdan il-ħajja soċjali u politika tan-nazzjon tagħkom. L-aħħar xewqa tiegħi qabel nitlaq hi li l-għaqda, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku jkunu dejjem li jmexxukom fil-ħidma tagħkom għall-progress kontinwu ta’ pajjiżkom.

 

B’ħajr mill-ġdid lil Alla li jista’ kollox għall-ħafna grazzji li qsamna flimkien matul dawn il-ġranet, nitlob, bi kliem San Pawl, biex ‘il-Mulej tal-paċi jagħtikom is-sliem dejjem u f’kollox’ (ara 2 Tess. 3 :16) J’Alla l-imħabba u s-sliem ikunu dejjem f’qalbkom u fi djarkom.

 

Alla jbierek lil Malta.

Alla jberikkom ilkoll.

 

Il-Mulej isaqqab fuqkom il-barka tiegħu.